
Id-ditta, bil-bażi tagħha f’Massachusetts żvelat il-ħsibijiet tagħha għall-mudell TF-X, li se tkun żgħira biżżejjed li tidħol f’garaxx u ma jkollhiex ħtieġa ta’ mitjar biex tinqata’ mill-art.
Il-karozza-ajruplan Transition se tkun tista’ tinsaq b’ħeffa ta’ madwar 70 mil fis-siegħa fit-triq, waqt li fl-ajru ttella’ 115-il mil. Hi ttir billi tuża tank ta’ 23 gallun fuel tal-karozza u taħraq ħames glalen minnhom kull siegħa li tkun fl-ajru. Hu maħsub li fis-sewqan fit-triq, tagħmel 35 mil bil-gallun u għat-triq fiha wkoll ir-rear-wheel drive.
It-Transition hi mgħammra b’żewġ airbags u paraxut għall-karozza sħiħa.

Il-karozzi li kapaċi jtiru, minn dejjem kienu fl-immaġinazzjoni tal-Amerikani u l-inventuri kienu ilhom biex jimmanifatturaw waħda sa mill-1930. Il-gvern diġà laqa’ t-talba tal-kumpanija, biex tuża roti speċjali u ħġieġ li hu eħfef min-normal. Dan biex ikun aktar faċli għall-karozza li ttir.
Il-kumpanija kienet ilha taħdem fuq din il-karozza sa mill-2006. Għall-bidu ħabbret li kellha tintroduċiha lill-pubbliku fl-2011, iżda kellha tittardja minħabba l-isfidi fid-disinn u l-problemi għal xi partijiet li riedet tordna mingħand kumpaniji oħra.