Ċimiterju ta’ ‘Tyres’

Charles B. Spiteri

BDL Books - LaqtietTyre medju ta’ karozza jagħmel madwar 20,000 mil sa ma jkollu bżonn jinbidel. Iźda meta fil-Kuwajt jiġri dan, it-tyres jispiċċaw f’ċimiterju għalihom.

Kull sena, fil-belt Sulaibiya, fil-Kuwajt, jitħaffru toqob ġgantestki fl-art tar-ramel, li jimtlew bit-tyres qodma. S’issa hu stmat li hemm aktar minn seba’ miljun tyre taħt il-livell tal-art. Din il-kwantità ta’ lastiku tant hi kbira, li tidher sa mill-ispazju.

Hu mifhum li t-tyres, huma kemm tal-Kuwajt kif ukoll ta’ pajjiżi oħra, li ħallsu biex jeħilsu minnhom – fejn hemm erba’ kumpaniji inkarigati mill-qerda tagħhom u hu maħsub li talbu ammont sostanzjali sew biex jeqirduhom.

Id-direttiva Ewropea għall-miżbliet issostni li dan it-tip ta’ rimi ta’ skart ikun illegali fl-Ewropa – ladarba r-regoli tal-2006 tal-UE iċċensurat ir-rimi tat-tyres fil-miżbliet, b’mod li kull sena jkun hemm madwar 480,000 tunnellata ta’ lastiku mqatta’ biex ikun riċiklat.

F’xi ċirkustanzi, it-tyres qodma jintbagħtu f’pajjiżi bħall-Indja, il-Pakistan u l-Malasja, għalkemm hemm liġijiet stretti fuq l-esportazzjoni tagħhom bil-baħar.

Xi xhur ilu nstab li t-tyres tal-karozzi qodma setgħu jkunu riċiklati u uźati għall-wiċċ tat-toroq . Huma joffru toroq aktar silenzjuźi.

Waħda mill-aktar toroq użati fl-Iskozja, s-sena li għaddiet ngħatat wiċċ bl-asfalt li kien fih biċċiet ta’ tyres qodma.

Mit-testijiet li saru, fit-triq bejn Perth u Dundee nstab li l-brejkijiet tal-karozzi rabtu aħjar u s-sewqan kien wieħed aktar silenzjuż. L-esperti huma wkoll tal-fehma li bl-użu tat-tyres fit-toroq, il-manutenzjoni tkun inqas.

Dawn it-toroq bl-użu tat-tyres bdew jintużaw fis-snin sittin fl-Istati Uniti, fejn illum hemm 20,000 mil ta’ toroq magħmulin b’tyres riċiklati.

L-istess toroq tal-lastiku huma popolari fiċ-Ċina, fil-Brażil, fi Spanja u fil-Ġermanja. Minn stħarriġ instab li l-ħsejjes tat-traffiku jonqsu b’madwar 25 fil-mija.

Iżda biex immorru lura mnejn bdejna! Is-sena li għaddiet it-tyres fil-Kuwajt ħadu n-nar u d-daħna tant kienet kbira li setgħet tintlemaħ mill-ispazju. Dan ġara fis-17 ta’ April, qrib Al Jahrah.

Intqal li kien hemm madwar ħames miljun tyre li ħadu n-nar u kien iebes ferm li l-ispeċjalisti jikkontrollawh. Biex jintefa ssejħu n-nies tat-taqsima tat-tifi tan-nar; suldati u ħaddiema tal-kumpanija taż-żejt tal-Kuwajt.

Xahar wara qabdu tyres oħra fi skartiera f’Amghara, li għalih issejħu ħaddiema tat-tifi tan-nar minn sitt stazzjonijiet.

Hu diffiċli ferm biex titfi n-nar kaġunat mit-tyres – għax jipproduċu ħafna dħaħen, li jkun fihom kimiċi velenużi meta jinħarqu.