Serq ta’ tfajla jwassal għal sejba enormi

Charles B. Spiteri
altBħalissa qisu kulħadd jitkellem fuq xebbiet u nisa miżmumin kontra xewqathom, jew biex iservu ta’ skjavi jew għall-prostituzzjoni.
 
Ftit xhur ilu, u sewwasew f’April li għadda, tifla adolexxenti  kienet rappurtata nieqsa minn Los Angeles. Xahar wara nstabet fin-naħa ta’ fuq ta’ Kalifornja, wara li nħatfet u ntużat bħala skjava għas-sess f’għalqa tal-marijuana.
 
Għall-ewwel, id-dipartiment tal-Pulizija f’Los Angeles iddeskriva l-għajbien tat-tifla ta’ 15-il sena, bħala ħarba mid-dar. Imbagħad instab li kienet inħatfet minn Ryan Balletto ta’ 30 sena u sieħbu Patrick Pearsmain ta’ 25 sena, li ħaduha magħhom fl-għalqa tad-droga f’Lake County, Kalifornja.
 
Skont ir-rapport, meta t-tifla wriet li ma tafx taħsad il-marijuana, inqaflet għal ħinijiet twal f’kaxxa tal-għodda b’qies ta’ erba’ piedi bi tnejn.
 
Din il-kaxxa sarulha xi toqob fiha biex it-tifla tkun tista’ tieħu n-nifs. Toqba oħra saret fil-qiegħ tagħha, biex twaħħal pajp ħalli jekk ikollha bżonn tinqeda għall-ħtiġiet naturali, jgħaddi kollox minnu. Fil-kaxxa xeħtulha biss kutra. Il-kaxxa tal-għodda kienet sprejjata u fuqha kellha tpinġija ta’ ras skeletrali ta’ annimal u ta’ bniedem, bil-logo ‘kollettur tal-għadam’.
 
Meta nħelset, it-tifla ftakret f’żewġ okkażjonijiet meta nqaflet fil-kaxxa għal tlett ijiem.
 
Flimkien mal-kaxxa tal-għodda, il-pulizija sabu qafas tal-injam, fejn persuna tista’ tintrabat għas-sess, ingassa, u xugaman abjad bit-tbajja’ tad-demm.
 
Fid-29 ta’ April, il-pulizija ta’ Lake County marru d-dar ta’ Balletto, jistaqsu fuq it-tifla, peress li kellhom suspett li kien hu l-bniedem responsabbli għall-għajbien tagħha. L-għada, it-tifla ċemplet lill-pulizija biex tgħidilhom li kienet tinsab tajba. L-awtoritajiet irnexxielhom isibu mnejn ċemplitilhom u ż-żewġt irġiel kienu arrestati waqt li t-tifla ttieħdet f’kustodja protettiva. 
 
It-tifla rrappurtat li ż-żewġt irġiel kellhom x’jaqsmu magħha sesswalment. Ma’ Pearmain aċċettat hi, u ma’ Balletto, għax qalet li riedet tgħinu joħroġ mill-problemi li kellu. Iżda l-pulizija nfurmawha li ladarba għadha taħt l-età ma setgħetx taċċetta li jkollha sess ma’ adult.
 
altL-investigaturi jemmnu li hemm vittmi oħra u meta aktar tard għamlu rejd fid-dar ta’ Balletto sabu aktar minn 1,400 pjanta tad-droga; €3011 fi flus kontanti u l-akbar u l-aktar armi soffistikati li nqabdu riċentement.
 
Mal-qabda, li ttieħdet mid-dar, kienet arrestata wkoll Christa McConnell ta’ 27 sena, li hi s-sieħba ta’ Balletto. Bejniethom huma għandhom ħamest itfal, bl-iżgħar tarbija ta’ seba’ xhur li kienet rieqda f’sodda doppja b’pistola kkargata żewġ piedi bogħod minnha.
 
Il-ħamest itfal ittieħdu f’kustodja tat-tfal. Mc Connell kienet akkużata li ħalliet lil uliedha fil-periklu u li kellha l-armi fil-pussess tagħha.