Hi ħajja differenti li fis-sajf ikollok post ħdejn il-baħar. U bħalissa hekk qed nagħmlu. Qed noqogħdu Buġibba għas-sajf. Il-papà jibqa’ ġewwa, għax ix-xemx u l-baħar ma jħobbhomx u jien u ħuti, mal-mamà u n-nanna ninżlu ħdejn il-baħar.
Qed noqogħdu f’garaxx li z-ziju Willie kera xhur ilu mingħand wieħed furnar mir-Rabat, magħruf bħala l-Bloqq. Jien mort miegħu meta krieh. Jidhirli Lm12 fis-sena. U qabel ma tlaqna mill-forn, il-Bloqq żerżaqli borża qagħaq f’idejja.
Maż-żmien, iz-ziju Willie rranġa l-garaxx mill-aħjar li seta’. Qasam il-fond fi tnejn, b’ħajt diviżorju tal-injam, b’bieb fin-nofs u żewġ twieqi fil-ġnieb.
Il-parti ta’ barra sservi bħala salott u kamra għall-ikel u fuq ġewwa għal xi sodod. F’rokna n-naħa ta’ ġewwa nett ħalla qatgħa għall-kċina u n-naħa l-oħra għalaq parti għal sedil tal-injam li jeħel mal-ħajt fuq barmil.
Iż-żminijiet għadhom bikrin. Fil-fetħa fejn hawn dan il-garaxx, jinsabu oħrajn, kollha bħalu. F’tarf tal-fetħa hawn sqaq li jagħti għal Triq ….. u fil-genb tiegħu hawn kamra ċkejkna mgħammra b’WC wieħed, komuni għal kulħadd u vit tal-ilma wieħed, li minnu nimlew l-ilma għall-bżonnijiet kollha ta’ matul ix-xhur li nqattgħu hemm. Anki għad-dawl għandna ftit problema. Ħadd ma għandu provista elettrika. Allura kulħadd bix-xema’ jew bil-lampi tal-pitrolju. Fil-garaxx tana għandna mantel light, li tagħti aktar dawl. Iżda kultant hu gost tidħol fil-garaxx u tara d-dell tiegħek stess jiżfen skont it-tbandila tal-ilsien tan-nar jew il-fjamma.
Moħħ iz-ziju Willie jaħdem mhux ħażin. Minħabba f’dawn il-problemi naturali ħaseb għal speċi ta’ WC privat li kull xħin xi ħadd jużah imur ibattlu. Naturalment l-aktar li jaqa’ dan ix-xogħol ikun fuqi, fuq ħija Paul u forsi tnejn oħra li mhumiex ċkejknin wisq.
Ħaġa oħra li ħaseb sew iz-ziju Willie hi speċi ta’ kaxxa kwadra li qegħidha fuq is-saqaf ta’ din il-kamra tad-WC, u nistgħu nimluha bl-ilma, li jinżel minn kanna għal vit fil-kċina. Ta’ kuljum, nistenbħu u mmorru noqogħdu fil-kju għall-ilma. In-nies l-oħra joħduh biex jinqdew bih dak il-ħin, u aħna biex dejjem inżidu l-provista fit-tank li għandna fuq is-sink tal-kċina.
Issa li z-ziju Willie jislifna dan il-post, hu l-għors tagħna t-tfal, li niltaqgħu ma’ tfal oħra u noqogħdu nilagħbu s-sajf kollu. Mill-istess inħawi qed nagħmlu ħafna ħbieb tamparna. Fosthom jiġu John u Manol, it-tfal tal-Avukat Buttigieg mill-Ħamrun. Noqogħdu nilagħbu b’kulma jiġi f’idejna. Xi mindaqqiet in-noli ma tonqosx għalkemm qisna f’bitħa tal-ġenna fejn lanqas karozzi ma tara. In-naħa l-oħra tal-isqaq għandna ċint b’veduta ta’ għelieqi li twassal sal-lukanda Canberra, fil-bidu ta’ San Pawl il-Baħar. Tassew ġenna tal-art għal nannti, ommi u missieri, li ta’ kull filgħaxija, wara li x-xemx iċċedi postha għall-qamar ta’ dawl dgħajjef, nintasbu fuq siġġu ħdejn iċ-ċint għar-rużarju u wara li nidħlu nieklu xi ħaġa, nerġgħu noħorġu u ninġemgħu mar-residenti kollha tal-garaxxijiet, inpaċpċu sa ma jagħmel bina n-nagħas.
Kontra l-Blata l-Bajda, il-ħwienet jinsabu ftit ’il bogħod. Għalhekk meta niġu biex nixtru, immorru jien u Paul. Meta tkun se tixtri n-nanna nkun irrid inħallas jien biex inżomm xi ħaġa żgħira għaz-zija Connie, li tibqa’ warajna ddur bin-nannu u z-ziju Fred, li ma jiġux magħna.
Iżda lanqas kieku jridu ma hemm fejn joqogħdu, għax għal disgħa min-nies, il-garaxx bilkemm mhux ċkejken. Għalhekk, għax inħoss għaz-zija Connie, nfaddlilha xi sold ħalli jkollha biex tixtri s-sigaretti.
Dan l-aħħar Paul induna u kżani. Għalhekk m’hemmx aktar flus għas-sigaretti. Dawk jagħmlu ħażin għas-saħħa!
Nixtieq li dan is-sajf ma jgħaddix. Għalkemm f’dan il-garaxx, ta’ forsi 22 pied b’għaxra, ninsabu l-mamà il-papà, in-nanna u sitt itfal, xorta nħoss li għandna ferħ akbar minn dak li toffri d-dar tal-Blata l-Bajda. U l-irqad fuq il-kutri fl-art flimkien ma’ ħuti, hi esperjenza ġdida.