Monti

Joseph Henry Abela, Qassis

altIL-ĠIMGĦA fiha sebat ijiem. Kull jum tal-ġimgħa f’xi raħal jew xi belt f’Malta issib li hemm il-Monti: bejjiegħa li jarmaw kmieni filgħodu u jbigħu u jaqilgħu u wara tant sigħat iżarmaw u jdabbru rashom.

Ikun hemm gost tiġri ’l hemm u ’l hawn u wkoll jekk ma tixtrix, tifraħ tara oġġetti tal-logħob, ta’ ħtieġa, ta’ gost. Tqabbel il-prezzijiet, mhux bilfors ikunu l-irħas, imma jekk togħġbok u teħtieġ, tixtri u aktarx titlaq bla niket.

Jekk ma tkunx midħla tas-suq u ma tafx il-jiem bl-amment, tkun taf wara li jispiċċa mit-tilqit tal-karti u kartun u żibel ieħor. Jekk aħna ġens nadif u l-mara Maltija kburija li darha xummiema, għaliex wara s-suq ikun hemm iż-żibel ?

Int li tixtri, ħu ħsieb armi f’laned xierqa u mhux fl-art, u int li tbigħ ħu ħsieb li r-roqgħa tiegħek, li tħares b’tant ħeġġa, żżomma nadifa . Xi tgħid kieku flokok issib lill-ħaddieħor ibigħ, ara kemm taqla’ paroli u kustjonijiet. Qis li jkollok borża u r-rimi fit-taqsima tiegħek imur kollu hemm.

Wara kull Monti tara kenniesa jnaddfu u jiġbru kemm fis-sħana u kemm fil-kesħa; x-xogħol isir dejjem. Sew li kull Sindku u Kunsilliera tal-post jagħtu daqqa t’għajn u jaraw li jkun hemm l-indafa.

Int li qed taqra u ma tersaqx lejn suq, ma jfissirx li ma tieħux ħsieb li beltek, raħlek tkun bla ħmieġ. Min ma jagħtix każ id-deni f’ġaru jiġi f’daru.

Monti tajjeb, suq nadif !