Donna taparsi tqum ma tiflaħx

Charmaine Tanti M.A.
altFix-xitwa Donna kien l-għors tagħha titgeddes qalb il-kutri. Xejn ma kien ikollha aptit tneħħi dak il-friex u dik il-piġama minn fuqha biex tilbes l-uniformi, u tmur l-iskola. Dejjem ħaddmet rasha mill-aħjar li setgħet ħalli tibqa’ rieqda fis-sodda f’xi ġurnata kiesħa.
 
Jum fost l-oħrajn, it-temp kien ċlampu, u s-sema kien miksi bi sħab ġriż. Kien jidher ċar li se tfaqqa’ xi maltempata kbira. Fis-sitta u nofs Donna stenbħet minħabba t-tisfira tal-iżveljarin. Kieku setgħet kienet issabbtu mal-art għax fakkarha li trid tqum tipprepara għall-iskola. Billi dakinhar kienet ġurnata kemxejn mudlama, u kien ukoll ħafna bard, Donna qatgħetha li ma tqumx minn hemm. Bdiet taħseb kemm se tkun kerha l-klassi bil-purtieri magħluqin. U jekk tfaqqa’ xi sajjetta u jinqata’ d-dawl, min jaf kemm kienet tibża’! B’dal-ħsibijiet iduru f’moħħha, Donna reġgħet tgħattiet sa fuq widnejha bil-kutri, u għalqet għajnejha ħalli terġa’ tintilef fid-dinja tal-ħolm għax dakinhar żgur li ma kienx galbu biex tmur l-iskola.
 
Xħin daħlet f’kamritha n-nanna, u ratha għadha mimduda fis-sodda, marret tpoġġi maġenbha. Donna ħassitha, u dlonk fetħet għajnejha. In-nanna qaltilha bil-ħlewwa li kien qed isir il-ħin għall-iskola, u Donna weġbitha fil-pront b’leħinha jirtogħod: “Ma… ma niflaħx, nann.” Billi ħasbet li kellha xi ftit flissjoni u wġigħ ta’ ras, in-nanna niżlet malajr sal-kċina biex tagħmlilha kikkra misħun bil-lumi ħalli jekk tagħmlilha tajjeb tkun tista’ tmur l-iskola. 
 
Però, il-ħsieb tan-nanna falla għax kif telgħet lura fuq sabet lil Donna bilqiegħda fis-sodda, u bdiet tgħidilha li telgħelha d-deni. Kif tatha t-termometru f’idha, in-nanna berrqet għajnejha għax rat immarkat bl-aħmar li kellha mija u tnejn deni. Issa emmnet tassew li kienet qamet ma tiflaħx, u li postha kien fis-sodda. Għattietha biex tistrieħ ħalli jgħaddilha, għamlitilha xugaman żgħir imxarrab fuq moħħha biex tniżżel id-deni, u tfitilha d-dawl. Hekk riedet dik ix-xifajk ta’ Donna. Kemm daħket waħidha taħt il-friex! Il-misħun bil-lumi baqa’ fuq il-komodina fejn ħallietu n-nanna għax ma kinitx tiggustah wisq.
 
Dakinhar dak il-hot water bottle, li kienet tqiegħed fejn saqajha kuljum qabel ma torqod, kien frankalha ġurnata skola. Sakemm in-nanna niżlet isfel biex tippreparalha l-misħun bil-lumi, Donna ħadet it-termometru mill-kexxun tal-komodina, u  ħarġet il-hot water bottle minn ġol-friex li l-ilma tiegħu kien għadu sħun wara l-lejl. Imbagħad fetħitu, żammet it-temperatura bejn subgħajha l-kbir u subgħajha l-werrej, u niżżlitha għal ftit ħin fih. B’hekk, sa ma reġgħet marret ħdejha n-nanna, it-termometru kien laħaq saħan bl-ilma tal-hot water bottle, u t-temperatura kienet telgħet għal mija u żewġ gradi. Donna ħadet gost li l-esperiment tagħha kien irnexxa għax kellha l-provi x’turiha lin-nanna, u kienet ċerta li ma kinitx se tibgħatha l-iskola bid-deni. U tagħha għaddiet!
Donna ħassitha tassew xortiha tajba għax dakinhar kien il-Ġimgħa, u mhux biss l-għada u l-pitgħada ma kellhiex skola, iżda anki t-Tnejn ta’ wara inzertat btala. B’kollox kellha erbat ijiem xi tgawdi la kienet bellgħatha lin-nanna li kienet ma tiflaħx. Però, qattgħet jum minnhom biss fis-sodda, u l-għada għamlet tabirruħha li fieqet. In-nanna żgur li kienet iġġibilha t-tabib kieku ma qamitx minn hemm, u mbagħad kienet toħroġ ta’ giddieba għax kien jinduna li mhux veru kienet ma tiflaħx. U darb’oħra ma kinitx tbellgħalha r-ross bil-labra kif ġieb u laħaq lin-nanna. Allura kien jaqblilha tħaddem rasha ħalli ma tinqabadx.