Talja

Martin Morana

TALJA   Sat-Tieni Gwerra Dinjija t-talja kienet, tista’ tgħid, il-ktieb tal-kontijiet li l-bdiewa kienu jżommu biex jitħallsu mill-pitkal li jkun biegħ il-biegħa tiegħu. Fi żmien meta l-bdiewa ma kinux jafu A minn B u wisq inqas jiktbu, it-talja kienet isservi ta’ reġistru. It-talja kienet tkun magħmula minn virga tas-siġar tal-qastan, bħal dawk li jintużaw ukoll biex isiru l-qfief l-antiki. Minnhom l-iskrivani tal-pitkalija kienu jfasslu injama twila daqs 40 ċentimetru u wiesgħa daqs 2.5 ċm. Fit-tarf kien ikun hemm ma’ fejn tintrabat, biex din tinġarr taħt il-karettun mill-bidwi.

Fuqha l-iskrivani kienu jniżżlu sinjali qishom ittri, bħalma kien isir fil-Mesopotamja, biex b’hekk ifakkru lill-bidwi xi ħlas kellu jieħu. Dan għaliex il-bidwi ma kienx jitħallas dak il-ħin li jġib il-prodotti tiegħu fil-pitkalija. Fl-istess ħin l-iskrivan kien iniżżel kollox fuq ir-reġistru tiegħu. Fuq it-talja kienu jitnaqqxu diversi sinjali skont kemm kien jiswa’ x-xiri li jkun irċieva mingħand il-bidwi. Pereżempju meta titnaqqax l-ittra X din kienet tfisser in-numru għaxra, bħal fin-numri Rumani, u kienet tirreferi għal għaxar skudi. Dan minkejja li l-flus dak iż-żmien kienu flus Ingliżi, u għaldaqstant il-ħlas ta’ għaxar skudi kien jitħallas b’xelin u tmien soldi għal kull skud. Rig imxaqleb kien ifisser ħames skudi, rig dritt kien ifisser skud u nofs u rig dritt mhux imħaffer bosta kien ifisser karlin. It-tnaqqix ta’ flus kbar kien isir fuq il-faċċata tat-talja. Il-prezzijiet iż-żgħar kienu jitnaqqxu fil-ġnub tat-talja. Meta fl-aħħar, wara bosta xhur, il-ħlas tal-flus isir, l-iskrivan jieħu t-talja mingħand il-bidwi u jaħraqha, biex ma terġax tintuża. Informazzjoni misjuba fil-ktieb Tifkiriet tal-Imgħoddi ta’ Charles B. Spiteri u addattata.