Il-Karnival

Kav. Joe M. Attard

KARNIVAL 2007

Kav. Joe M. Attard

altDan ix-xahar ta’ ferħ u bluha
Reġa’ magħna f’dawn il-jiem;
Kulħadd lilu jkun jistenna
Għax tas-sena hu l-isbaħ żmien.

In-nies tagħna tkun trid tinsa
Hekk kif fuqna ifeġġ Frar
U għalkemm il-qawl jgħidilna
Li matulu jfuru l-bjar

Nisa, rġiel, żgħażagħ, anzjani
Jistennew il-Karnival
Biex jitbellhu w jitbaħardu
Għax darbtejn insiru tfal!

Fil-misraħ ewlien ta’ beltna
U fil-pjazez ta’ l-irħula
In-nies tiġri u tiffolla
Ma toqgħodx id-dar maqfula!

altTgawdi l-festa ta’ kuluri
L-ispettaklu ta’ l-iżfin;
Jekk tgħidilha: kun ftit serja!
Tgħidlek: issa mhux il-ħin!

U tassew għax dawn il-Festi
Li ġabulna l-Kavallieri
Jiġu sabiex niddevertu –
Staqsu lili x’jiġifieri!

Ħbieb, immela, ħudu kliemi
Ejjew issa nixxalaw:
Għalfejn toqgħod tħammem ħafna
La darba m’aħniex għal haw’!