Il-Pupa Wisq Għażiża

Charmaine Tanti M.A.
Elise kellha ġugarell wisq għal qalbha, u dan kien il-pupa kbira liebsa ta’ prinċipessa, li kienet qalgħet mingħand Father Christmas. Mill-ewwel inkarmet għaliha u l-mamà ħasbet li, wara ftit taż-żmien, il-pupa kienet se ssib ruħha mwarrba f’xi rokna qalb il-ġugarelli l-oħrajn. Pero` kienet marret żmerċ għax iżjed m’għadda żmien, Elise wrietha li ma kinitx tgħaddi mingħajrha. Kieku mhux għax kienet tibża’ li xi ħadd minn sħabha seta’ jeħodhielha, kienet saħansitra ġġorrha magħha l-iskola wkoll. Iżda malli tasal id-dar, Elise kienet taqbadha f’idejha u ma titlaqhiex biex donnha tpatti għall-ħin li fih ma kinitx tgawdiha. Tant kienet tistħajjilha ħlejqa tad-demm u l-laħam, li kull filgħaxija kienet traqqadha magħha u tħaddanha biex ma tibżax rieqda fid-dlam. Meta kibret ftit, bdiet ukoll tqegħedha bilqiegħda fuq il-mejda tal-kċina u tqatta’ s-sigħat tkellimha, tipprova tgħallimha xi ħaġa milli tkun qaltilhom l-għalliema fil-klassi, jew taparsi titmagħha xi biċċa ħobż jew xi ftit ċikkulata. F’kelma waħda, il-pupa kienet saret qisha oħtha ż-żgħira.
 
Luca ma kienx jieħu daqshekk gost xħin jara lil oħtu mwaħħda daqstant mal-pupa u kien iħoss li din ix-xi ħaġa tal-plastic kienet ħaditlu postu f’ħajjitha. Kien jixtieq li Elise wkoll tilgħab miegħu, meta tkun id-dar, għax ma kienx irid jilgħab dejjem ma’ ħuh, Peter biss. Huwa tgħidx kemm kien iħarsilha bl-ikrah lill-pupa, u kieku seta’ kien jisparixxiha ħalli oħtu tibda tagħti kasu bħal qabel. 
 
Darba fost l-oħrajn, Luca daħal baxx baxx fil-kamra tas-sodda, ħataf il-pupa minn fuq il-komodina, qalgħalha rasha,  idejha u saqajha, sabbatha mal-art bl-herra u telaq `l hemm. Dak il-ħin, Elise kienet għand in-nanniet u l-mamà u l-papà kienu fil-garaxx qegħdin jaħslu l-karozzi tagħhom. Peter kien rieqed fil-fond fuq is-sufan. Wiċċ Elise sfar lelluxa hekk kif waslet id-dar u rat x’kien ġralha l-pupa, li kienet tant tħobb. Ma riditx tieqaf tibki u l-mama` u l-papà tassew tħassruha għax qalbha riedet tinqasam bid-diqa kbira li ħasset fiha. 
 
Il-mamà u l-papà rrabjaw ma’ Luca bil-kbir meta, sa fl-aħħar, tgħarrfilhom li hu kien kisser il-pupa, iżda lil Elise ma wrewhiex biex ma tiġġilidx miegħu u l-biċċa titwal. Minflok, il-mamà għamlet tabirruħha li waqqgħatilha hi l-pupa xħin kienet qiegħda tfarfar il-komodina tal-kamra tas-sodda. It-tifla dendlet geddum sal-art, u l-mamà riedet issib mezz kif tqajjimha ftit fuq tagħha u tagħmlilha l-kuraġġ. Għalhekk, qaltilha biex kull filgħaxija qabel ma torqod, titlob lill-Bambin ħalli jagħtiha pupa ġdida. Elise, li ħassitha tassew stramba mingħajr il-pupa, bdiet ta’ kuljum toqgħod għarkupptejha għal ftit ħin fuq is-sodda tagħha, torbot idejha flimkien u tlissen talba ċkejkna biex forsi l-Bambin ikollu ħniena minnha. Il-mamà kienet tiggustaha wisq meta taraha titlob b’dik il-ħrara u b’dik l-innoċenza kollha.
 
Meta kienet għoddha tilfet it-tama li l-Bambin jisma’ talbha, Elise sabet pupa oħra, eżatt bħal dik li kellha, tistennieha fuq is-sodda, meta darba waħda ġiet id-dar mill-iskola. Hija nfexxet taqbeż u togħla bil-ferħ u dlonk ħadet ir-ruħ. Il-mama`  u l-papa` setgħu jobsru kemm it-tifla kienet se tkun fis-seba’ sema. Luca ma ried qatt jirrepeti dak li għamel lil oħtu għax kien iddispjaċieh ħafna meta ra kemm il-pupa kienet għażiża għaliha. Ma setax jibqa’ egoist u jippretendi li oħtu tilgħab miegħu biss u ma tilgħabx bil-ġugarelli minħabba fih. Iżda l-akbar kurżita` kienet dwar min kien poġġielha pupa ġdida fuq is-sodda lil Elise. Il-Bambin kien jaf li Elise kienet tifla brava u qalbha tajba, u għaldaqstant kien ipprovda xi ħaġa żejda tal-flus lill-mama` u lill-papa` fl-aħħar tax-xahar biex setgħu jixtrulha pupa oħra u jagħmluha kuntenta.