Tlinn tlonn, tlinn tlonn

altQed iddoqq il-qanpiena tal-Museum, għax sar il-ħin. Lolly ġej għalija biex bħas-soltu mmorru flimkien. Il-bieraħ ftehimna li llum taparsi mmorru l-Museumu minflok noqogħdu nilagħbu.

Mill-ħanut tal-grocer ta’ommu gab erba’biskuttelli midlukin bil-marġerina tal-barmil. Drajt niekol minnhom jien ukoll, għalkemm għall-bidu kienu jdejquni. Iżda issa li drajthom, kull meta joffrili, noħodlu.

Il-Museum mhux ’il bogħod minna. Kemm induru żewġ kantunieri u niġu fi Triq in-Nazzarenu. Minħabba n-nannu, li joħroġfil-bieb tal-ħanut jarana sejrin, nimxu bil-mod u id f’id, iżda kif induru l-kantuniera, nitilqu niġru qisna għefiered.

Ħdejn il-forn ta’Pierino, li hu bieb maġenb il-Museum, jien u Lolly għandna moħba. Ħofra kwadra fil-ħajt, li fiha hawn meter  tal-ilma. Bieba fuq barra ma fihiex. Għalhekk naħbu l-injam fiha.

Il-lum ġrejna għal dan l-injam u sibnieh. Tnejn b’kollox. Waħda twila u l-oħra ċkejkna, qisha feles. B’dawn l-injamiet nilagħbu x-xixu. Naqtgħu u naraw min jibda. Bl-injama l-kbira, min jibda, jagħti daqqa fuq iż-żgħira li tkun fl-art u kif taqbeż minn postha, jrid jagħtiha daqqa tal-ħniena biex ittir. L-ieħor, li jkun in-naħa l-oħra jrid jipprova jaqbadha. Jekk ma jaqbadhiex, dak li jibda l-logħba u jtajjar l-injama ż-żgħira jkun irid jistma kemm-il tul tal-injama t-twila tidħol minn fejn tispiċċa l-injama ż-żgħira sal-post mnejn beda l-logħob. Għal kull tul ta’injama jieħu punt, hekk li jekk tasal bogħod ta’20 injama, jkollu 20 punt.

Jekk l-ieħor ma jaqbilx ma’kemm ikun qallu sieħbu, jkejlu bl-injama t-twila u jaraw ikunx qal sew. Jekk iva jirbaħil-punti, jekk le, jitlifhom. Wara tliet xeħtiet tax-xixu, jkun imiss lill-ieħor li jixħet hu għal tliet darbiet oħra. Min jasal l-ewwel li jilħaq l-iskor miftiehem, jirbaħil-logħba.

Għamilna għoxrin minuta nilagħbu, għax hawn ukoll għandna l-gangs. Jien u Lolly għandna tagħna u żewġt itfal li joqogħdu l-Mile End, għandhom tagħhom. Ta’sikwit nitlewmu u niġġieldu għall-gost.

Il-lum Noel u sieħbu qed jaqbdu magħna. Qed niġġieldu ftit aktar mis-soltu. Jien u Lolly naqblu li niġru lejn id-dar, iżda dawn it-tnejn ġejjin jiġru warajna. In-nannu qisu qed jintebaħx’qed jiġri u riesaq lejna. Qed jirrabja magħna u magħhom. Aħna taparsi qed nobdu, iżda l-oħrajn qed jinsistu li bdejna aħna.

Fl-aħħar jitilqu minn ħdejna. In-nannu qed jirrabja miegħi u Lolly qed jgħidlu li aħna m’għamilnielhom xejn. Żgur li n-nannu jukżahom lil ommijiethom għada, xħin jiġu jixtru l-gazzetti.

Lolly ġej ftit id-dar tagħna. Aħjar ħa niftiehmu x’ngħidu f’każli l-prefett tal-Museum jgħid li ma konniex preżenti għal-lezzjoni tal-bieraħ. B’xi mod Lolly jgħaddiha, iżda lili jukżawni lill-papà.

Peress li Lolly daqsi fl-etàtgħidx kemm naqblu u niftiehmu. Ġieli nitilgħu fuq, id-dar tagħna, jew jien immur għandhom u noqogħdu niġġieldu bejnietna biex nitgħallmu kif niġġieldu lil xi gang  ieħor. Meta fuq jitla’Nenu, il-kbir fost ħut Lolly, nieqfu malajr.

Għada mhix problema. Il-Museum se mmorru. Jien u tiela’t-taraġdejjem inħabbat wiċċi mal-istess żewġinkwatri –tal-mewta t-tajba u l-mewta l-ħażina. Fil-klassi tagħna noqogħdu bilqiegħda fuq il-bankijiet, u mal-Prefett Alfred Farrugia nirrepetu u nlissnu b’kantaliena sħiħa t-tagħlim reliġjuż kollu. Wara n-nofs siegħa tal-lezzjoni, noħorġu fit-triq u noqogħdu nilagħbu ftit boċċi ma’min ikun irid jilagħbilna. Jekk nirbħu nifirħu bħas-soltu… jekk nitilfu ma jkun ġara xejn, għax nieħu aktar boċċi mill-kamra tal-ġugarelli tan-nannu, li għandu fuq fid-dar.

Awtur: Charles B.Spiteri