Ħallieha ħabibu u stiednu jkellimha hu stess

Charles B. Spiteri

altMinn Charles B. Spiteri

Ta’ 18-il sena, wara x-xogħol, Felix kien iħobb imur sas-Civic Club  tal-Ħamrun. Kien jilmaħ xbejba tgħaddi minn quddiemu, u li kienet toqgħod qrib tal-klabb. Kien jaf li kienet tkellem lil wieħed ħabib tiegħu, iżda wara ftit kien jaraha għaddejja weħidha.

Darba, dan ħabibu lemħu fil-bieb tal-klabb u stiednu jidħlu jilagħbu logħba biljard flimkien. Felix aċċetta u l-ħin kollu qagħad jistaqsih fuq it-tfajla li kien ikellem. Dak wieġbu li ma kinux għadhom flimkien, u li jekk ried ikellimha hu, seta’ jagħmel dan.

Allura reġa’ lemaħha għaddejja u bagħat lil tfajla oħra tgħidilha li kien hemm wieħed li xtaq ikellimha. Inez, li dik il-ħabta kellha 16-il sena, weġbitha ‘‘min irid in-nar ifittxu hu.’’ Il-kuġin ta’ Felix baqa’ jinkuraġġih imur ikellimha u fl-aħħar, għamel hekk. Minndakinhar ’il quddiem, innamraw, tgħarrsu, iżżewġu u baqgħu flimkien. Mhux hekk biss, talli Felix jistqarr li ma’ Inez, sab xorti.

altKienu żagħżugħ u xbejba mistħija, għax dak iż-żmien ma kienx hawn il-kunfidenza ta’ llum. Terġa’ Felix kien iż-żgħir minntlett itfal tal-familja Saliba u Inez, kienet iż-żgħira minnfamilja ta’ tmien aħwa ħajjin, għax fir-realta’ kienu ħmistax, iżda sebgħa mietu. Biex tagħqad, missierha miet meta hi kellha erba’ snin u nofs u għalhekk kellha dixxiplina stretta kemm minnommha, kif ukoll minnħuhom il-kbir Pawlu, li kien armat bħala parrukkier fi Triq il-Ġdida, il-Ħamrun.

Inez bdiet toħroġ bil-moħbi. Kienet tgħid lil oħtha miżżewġa biex tlibbes lit-tarbija li kellha, biex taparsi tmur dawra biha, jew taparsi tibgħatha tixtrilha xi ħaġa. Ma’ ħutha ftit akbar minnha kienet tmur tajjeb peress li kienet toħroġ bħala ‘għassiesa’ tagħhom meta huma kienu jinnamraw.

Iżda darba, xi ħadd mar qal lil ħuha Pawlu li kienet qed tkellem ġuvni. Pawlu min-naħa tiegħu mar qal lil ommhom u malajr saru jafu min kien il-ġuvnott. Iżda qabel, weħlet oħtha akbar minnha, għax flok ma żammitha magħha, ħallietha weħidha. Tant kien irrabja Pawlu, li spiċċa libbisha l-għatu tal-magna tal-ħjata Singer li kellha ommu.

Dixxiplina fid-dħul

Min-namur – li dam xi sentejn -għall-għerusija, li ħadet sentejn oħra, ftit kien hemm tibdil f’ħajjithom, għax il-ħruġ tagħhom kien ivarja minnpassiġġata fi Triq Irjali l-Belt, matul il-ġimgħa, u ħarġa sa Tas-Sliema, nhar ta’ Ħadd. U r-regoli kienu dejjem l-istess. Ħruġ għal xi s-sitta ta’ filgħaxija u dħul fit-tmienja u nofs. Iċ-ċinema ma marru qatt, għax Felix għadu sal-lum jobgħod jingħalaq f’kamra u jara filmat. Iżda l-ħarġa tal-Ħadd kienet ftit iebsa minħabba l-ħin ristrett. Inez tirrakkonta li kienu jmorru sax-Chalet, fejn kien ikun hemm iż-żfin, jidħlu jixorbu xi ħaġa, u wara ftit minuti jkollhom jitilqu biex jaqbdu l-karrozzi tal-linja għall-Ħamrun, u jaslu fil-ħin.

Felix jgħid li min-naħa tiegħu ma tantx kellu sikkatura bil-ħin, għalkemm mad-disgħa kien irid ikun id-dar. L-importanti li l-ġenituri kienu jkunu jafu fejn ikun. Għalhekk, meta beda jiltaqa’ ma’ Inez, qal lil ommu li kien sab xbejba minnwara l-knisja ta’ San Gejtanu. Hi qaltlu biss biex isib xbejba tal-affari tagħha.

Wara s-sentejn namur, Pawlu ħu Inez, qalilha li kienu ħadu wisq żmien gżan-namur, u ħeġġiġha tgħid lil Felix, li kien ikun jaqbel kieku jitgħarrsu. Felix ma kellux oġġezzjoni. Għalhekk xtraw iċ-ċrieket tal-għerusija, berkuhom u għamlu riċeviment ċkejken id-dar.

Jiftakru li fiż-żmien tar-rakkont il-flus fl-idejn kienu neqsin ħafna. Felix kien jaqla’ madwar Lm5 fil-ġimgħa, mix-xogħol ta’ stampatur man-nies. Inez, min-naħa tagħha kienet taħdem ukoll.

Piż tal-familja

altTirrakkonta li wara l-mewt ta’ missierha, il-piż tal-familja waqa’ kollu fuq ħuha l-kbir u fuq ommha. Għalhekk, ħutha kollha ħarġu jaħdmu sa minnmindu kellhom 12-il sena. Hi kienet bdiet taħdem ta’ 14. Tgħid li dak iż-żmien, is-sefturi kienu jorqdu għal ġimgħa sħiħa fid-dar tas-sinjuri  u ommha kienet tmur ma’ ħutha Tas-Sliema, u tistenna li tarahom deħlin fid-djar rispettivi. Biex hi u ħutha kienu jistgħu ilaħħqu mas-sink u jaħslu l-platti, kienu jagħmlulhom banketti żgħar għal taħt saqajhom.

Il-flus kollha li kienu jaqilgħu l-aħwa Galea kienu jingħataw lil ommhom, u hi tqassam kif meħtieġ.

Wara li ħadu ċ-ċrieket tal-għerusija bdew ifittxu fejn setgħu jikru xi post. Sabu terran ċkejken fi Triq Lunzjata. Post, li kif tiftaħ il-bieb ta’ barra ma kienx fih antiporta, u l-ewwel kamra li ssib kienet il-kamra tas-sodda. Iżda ħaduh. Omm Inez għamlitilha d-dota kollha u għalhekk setgħu jaħsbu biex jiżżewġu.

Iż-żwieġ sar is-Sibt, 15 ta’ Awwissu, 1959, filgħaxija, fil-knisja parrokkjali San Gejtanu. Felix, li kien joqgħod fi Triq Brighella, kien jaf lil Ġorġ, li kien armat b’garaxx tal-karrozzi tal-kiri, u qabbad lilu. Dak qallu li ma tantx kien se jagħtih tul, għax kollox kien se jsir fi ftit kantunieri u fl-istess lokal. Kien kera tliet karrozzi, waħda għall-għarusa, oħra għalih u l-familja u oħra għax-xhieda.

Wara ż-żwieġ, kemm qasmu t-triq u daħlu l-istudju ta’ Blackman, fejn ħadu r-ritratt tal-okkażjoni. Minnhemm marru d-dar tal-familja ta’ Felix, fejn kellhom jistenniehom riċeviment żgħira għal tal-familja. Xi sagħtejn wara ż-żwieġ, Felix u Inez marru fit-terran tagħhom fejn bdew jaħdmu għall-ħajja miżżewġa u ta’ mħabba tagħhom.

L-ewwel tarbija

altMaż-żmien twelditilhom l-ewwel tarbija – Marisa. Mat-twelid tagħha, Inez bdiet tinduna li t-terran li kellhom kien ċkejken iżżejjed, għax lanqas kellha fejn tagħmel il-karrozza (pram). Iżda ssemmi li permezz tat-talb li kienu jitolbu, malajr sabu post akbar sew fi Triq Abela, il-Ħamrun stess. Hemmhekk kellhom tlett itfal oħra; Joe, Arthur u Carmen. Illum it-tfal huma kollha miżżewġin. Marisa żżewġet lil Bruce, Skoċċiż, jgħixu barra u għandhom tlett itfal – Lora, Kyrie u Iona, Joe, miżżewweġ lil Lydia u għandhom tifel Terrence, Arthur miżżewweġ lil Diane u għandhom lil Mirayn u Corine u Carmen miżżewġa lil Paul Farrugia u għandhom tlett itfal, Kane Paul, Karyn u Kristina.

B’hekk, Felix u Inez huma nanniet ta’ disa’ neputijiet, u wkoll bużnanniet ta’ żewġt itfal min-neputija tagħhom Lora.

Mistoqsijin x’differenza jaraw bejn id-drawwiet u l-valur reliġjużi li trabbew fihom Felix u Inez għal dawk preżenti, it-tnejn qablu li m’għandhom x’jaqsmu xejn. L-ewwelnett huma kienu jattendu għal quddiesa kuljum, meta llum jafu, anki miċ-ċensiment li sar m’ilux, li bosta nies lanqas imorru l-quddiesa tal-Preċett ta’ nhar ta’ Ħadd. Barra minhekk, fi żmienhom mhux talli kienu jgħidu wkoll ir-rużarju kuljum, talli sa minn meta kienu joħorġu flimkien, kienu jidħlu fi knisja jagħmlu vista lil Ġesu’ Sagramentat u f’Ottubru, ix-xahar tar-Rużarju, kienu jgħidu wkoll ir-Rużarju fil-knisja. Illum, dawn il-valuri u drawwiet inqatgħu kważi għal kollox minn fost ħafna żgħażagħ.

Felix ikompli li r-raġuni għala kien ikun irid jidħol id-dar fid-disgħa ta’ filgħaxija kienet li missieru kien ikun irid jgħid ir-Rużarju mal-familja kollha.

It-taħsir tas-soċjetà

Bħala koppja, Felix u Inez jemmnu li t-taħsir tas-soċjetà tal-lum huma l-ħbieb. Jiftakru lill-ġenituri tagħhom iwissuhom biex ma jagħmluhiex ma’ dik jew ma’ dak u allura trabbew f’ċerta biża’. Illum, ħafna mill-ġenituri qajla jagħtu kas għar-rigward ta’ ma’ min jagħmluha uliedhom u meta jinqala’ xi ħaġa, ikun tard wisq. 

Terġa’ dari, meta ġuvni u xebba jiddeċiedu li jiżżewġu, kienu jemmnu li dan is-Sagrament se joffrilhom tgawdija u sagrifiċċju. Iżda dak iż-żmien, il-pern ta’ ħajjithom kien idur fuq Alla u t-talb. Illum, ħafna żgħażagħ mhux talli ma jqisux lil Alla u t-talb, talli sa minn qabel iż-żwieġ, ikunu diġà qed jitkellmu fuq drittijiet aktar milli fuq dmirijiet, u meta jiġri hekk, kull sagrifiċċju mhux talli jitwarrab, talli lanqas biss ikun aċċettat.

Inez semmiet ukoll is-sens ta’ sagrifiċċju fiż-żminijiet antiki. Tgħid li meta kellha lill-erbat itfal, ma kinitx toħroġ bihom jekk hi jew xi ħadd minn uliedha ma kienx ikollu x’jilbes sew. Meta jiġri dan, kienet tagħmlilhom il-ħobż biż-żejt u t-tadam, ittellagħhom fuq il-bejt u taparsi jorganizzaw picnic. Mill-banda l-oħra, jekk joħorġu, kienu jmorru fil-ġonna San Anton, jixtru l-pastizzi u mbagħad jirritornaw id-dar.

Il-ħajja ma kinitx faċli. Żewġha Felix kien jagħmel part-time għax il-paga tiegħu kienet baxxa, Lm5 fil-ġimgħa. Kien joħroġ ukoll idoqq mal-baned. ġieli fis-sajf lanqas kien jara lil uliedu mqajmin. Iżda skont hu, dan hu s-sagrifiċċju li jitlob iż-żwieġ minn kull individwu. Barra minn dan kien iħobb jinnegozja xi għasfur jew kelb u Inez qalet li ġieli xtrat il-ħtiġiet tad-dar mill-qligħ tal-bejgħ ta’ dawn l-annimali.

Illum, il-koppji żgħażagħ jitwarrbu minn kull sagrifiċċju u d-divertiment sar jieħu post kollox, anki jekk jafu li tiddgħajjef l-għaqda matrimonjali. U dan xejn ma hu futur sabiħ għalihom u għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajhom.  

Ħruġ għax-xogħol

altFelix jirraġuna li hu minnu li llum, il-ġuvni u x-xebba joħorġu jaħdmu t-tnejn, għax il-prezzijiet tad-djar għolew. Iżda mbagħad insibu li jekk il-ġuvni għandu karrozza, ix-xebba trid li jkollha karrozza. U b’hekk jitkattru l-ispejjeż. Hemm l-ispejjeż tat-tieġ. Ħadd ma jasal jammetti li ma għandux flus. Allura jkomplu jżidu l-pjaga finanzjarja li jkollhom flok ma jiddeċiedu li jew inaqqsu l-ispejjeż tat-tieġ jew ma jagħmlu xejn. Jemmen ukoll li ż-żgħażagħ ta’ llum iridu jirrealizzaw li f’dak kollu li jkunu jinħtieġu, iridu jirrikorru lejn xi ħadd li hu aqwa minnhom. Għalhekk, it-talb hu l-aqwa għodda, li mhux biss toffri soluzzjoni iżda tgħinhom jaqbdu t-triq li twassalhom fejn jixtiequ.

Parir utli ta’ Felix u Inez lill-għarajjes futuri hu li ma għandhomx jaqtgħu qalbhom miż-żwieġ. Iridu jifhmu li meta jaċċettaw lil xulxin, għandhom jaraw li jibqgħu fil-kumpanija ta’ xulxin u mhux hu joħroġ għalih mal-ħbieb u hi tagħmel bħalu. Jemmnu wkoll li kull żwieġ jilħaq il-qofol tiegħu mat-twelid tal-ewwel tarbija, għax minn dak il-waqt il-koppja tinbidel u ssir familja.

Għall-15 ta’ Awissu li ġej, meta l-koppja Saliba tagħlaq 55 sena miżżewġa, diġa’ qed isiru l-pjani għal festa kbira organizzata minn uliedhom. Mhux talli binthom Marisa ġejja mill-Iskozja bil-familja kollha tagħha, inklużi t-tfal u t-tfal tat-tifla, talli ġejjin numru ta’ ħbieb tagħhom, li saru jafu lil Felix u Inez wara li dawn żaru ’l-Iskozja xi erba’ darbiet.