In-nannu Pawl u n-nanna Agnese

Jien u Paul naqblu mmens. Meta nitla’ għand il-mamà ma nonqosx li nżur lin-nanna Nes (Agnese) u lin-nannu Pawl, omm u missier il-papà, li joqogħdu bieb ma’ bieb mat-terran tagħna. Ukoll wara l-iskola, meta l-mamà tniżżilna mingħand is-sorijiet, Paul ikun irid imur għand in-nanna u joħodni miegħu.alt

In-nannu Pawl mhux twil wisq, iżda jaf ħafna skola. Kien l-Eġittu u hemm iltaqa’ man-nanna u żżewġu. Għall-istatura, in-nanna Nes, bil-maqlub tan-nannu; twila sew, l-aktar ħdejja u għandha wiċċha sabiħ. Iżda meta tirrabja, il-ħarsa ta’ għajnejha tbeżżgħek.

Mhux bħan-nannu Pawl, dak qatt ma jidher irrabjat. Anzi lili u lil Paul tant iħobbna, li  jixtrilna ċikkulata bil-qoxra ħamra, jisimha Nestlè, mingħand Nina tal-Qulli. Meta jibgħatna, jgħidilna nġibulu tliet ċikkulatiet, għax hu jħobbha daqsna.

Issa li hu l-istaġun tas-sajf, għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħaxija, joħodna miegħu il-parroċċa ta’ San Gejtanu għal vista lil Ġesù Sagramentat. Wara naqsmu t-triq għal għand it-Trocadero Bar, u noqogħdu bilqiegħda madwar mejda tonda, bil-wiċċ tal-irħam. Lejna jersaq Balel, li jieħu ħsieb il-ħanut u n-nannu jixtrilna flixkunm Kitty Cola u trianglu tal-jam. Dan, jien inħobbu wisq. Mal-ordni, lil Balel tarah iġibilna kuċċarina, għax jaf li n-nannu ma jħalliniex nixorbu l-cola jekk qabel ma jħawwadhilniex sew. Dejjem jgħid li jagħmel dan biex ineħħilna l-gass, inkella jaf jaqbadna uġigħ ta’ żaqq.

Fit-Trocadero Bar indumu bejn kwarta u nofs siegħa. Imbagħad nerħulha lura għad-dar tan-nanna Nes. F’xi t-8.00 p.m. terġa’ tiġi z-zija Connie għalija u magħha ninżel il-Blata l-Bajda. Jekk jinzerta jum ta’ ftit żiffa, in-nannu Pawl jibda jgorr għax se toħroġni mis-sħana, u jinsisti li nitlibbes il-pixie. Paul dejjem biha u meta ma jilbishiex irid jilbes il-beritta bil-pizz. Għax hekk ikun irid in-nannu Pawl!

Fil-kamra tal-ikel in-nanna Nes għandha armarju aħdar u fuq l-ixkaffa tiegħu tqiegħed il-kikkri bil-plattini taħthom. Fl-ewwel plattina lejn il-bitħa, tqiegħed xi muniti tal-flus. Illum, bħal kull jum, hekk kif jien u Paul se mmorru nixtrulha l-ħobż mingħand Ġulina tal-forn, fil-kantuniera tan-naħa l-oħra tat-triq, ftit ’il fuq minna, qed tagħtina xi flus għall-ħelu minn din il-plattina.

altNaħseb li n-nanna Nes, l-iktar li tħobb issajjar hu l-brodu, għax spiss tagħtina minnu. Bis-saħħa tagħha qed insir inħobb l-għadam tal-mudullun. Kemm tieħu gost tarana nieklu kollox u ma nħallu xejn fil-platt. Minn daqshekk jien ma ninkwetahiex. Aktar Paul iġegħilha tgorr.

Il-lum ġejna lura mill-iskola u qegħdin għand in-nanna Nes. Sa ma ġejna aħna ħawdet kejk f’waħda mill-borom li għandha. Ir-riħa tiegħu, bl-essenza tal-vanilla, tinxtamm mill-bieb ta’ barra. Tridna nieklu għandha. Taqilbilna, tnewlilna l-ikel fuq il-mejda, u dlonk iħabbat il-bieb. Ġie xi ħadd. Barra, parlata sħiħa.alt

Jien u Paul nieklu l-ikel kollu u qed indaħħlu l-platti fil-kċina. Hemmhekk hemm il-kejk bl-imgħarfa tal-injam fih. Inħarsu lejn xulxin. Paul iduqu, u jien nagħmel l-istess. Oh kemm hu tajjeb. Paul bl-imgħarfa tal-injam u jien b’dik tal-brodu. Qed nidħlulu sew, tant li fi ftit minuti kulma fadal, hi l-borma u l-imgħaref.

Il-ħoss tal-antiporta tinfetaħ u tingħalaq jagħtina ċans niġru fil-kamra tal-ikel. In-nanna kollha ħlewwa, għax il-lum żbarazzajnielha l-platti u kollox. Kulma jonqosha taħsilhom u tixxuttahom.

Iżda hekk kif tidħol fil-kċina tinduna x’konna għamilna. Il-ħarsa ta’ għajnejha tinbidel daqsxejn, iżda mhix tgħajjat magħna. Qed tirrabja biss għax dak il-kejk kien nej. Iġġorrna magħha għand il-mamà u qed tukżana, għax qed tibża’ li jista’ jiġrilna xi ħaġa. Miskina n-nanna. Il-brodu tagħha jogħġobni, iżda l-kejk nej aktar. Min jaf terġax tħallielna xi wieħed fil-kċina! U x’jista’ jagħmlilna kejk nej. Flok jgħaddi mill-istonku, jgħaddi mill-musrana l-għamja! Dik ma tara xejn! U miskin, in-nannu Pawl joqgħod iħawdilna l-coca biex ma ndaħħlux gass fl-istonku tagħna. Min jaf la jsir jaf bil-praspura tagħna, x’se jgħid!

Awtur: Charles B.Spiteri