Fl-iskola tan-Nuna

altIn-nuna hi s-soru. Hekk hi t-tifsira għaż-żmien li għadni ċkejken – fis-snin ħamsin. Il-ġenituri, li jixtiequ jaraw lil uliedhom jitħalltu minn kmieni ma’tfal oħra, jibagħtuhom f’dawn l-iskejjel tas-sorijiet.

Dawn huma skejjel żgħar, b’xi sitt klassijiet kollox. Iżda biżżejjed biex fihom jilqgħu madwar 200 student. Hawn, it-tfal jithejjew għad-dħul fl-iskejjel primarji, li jdaħħlu ’l-istudenti ta’ bejn ħamsa u sitt snin. Għalhekk din is-sena għand in-Nuna, tibda f’età aktar tenera – ta’erba’snin.

Għandi lil Suor Clementina, Suor Matilde, li hi l-għalliema tiegħi u lil Suor Rosa. Dawn huma tlieta min-numru ta’ sorijiet li jgħallmu fl-iskola tas-Samra fil-Ħamrun.

Maqtugħa għaliha, bħala skola, f’tarf Triq San Franġisk, li ta’tfal ma taraha tintemm qatt, l-iskola għandha l-forma ta’ ‘L’- tibda fit-triq u ddur għal kantuniera fejn tiġi fi trejqa li bilkemm tgħaddi karrozza. Faċċata tagħha għalqa mitluqa, fejn xi tfal imorru  jiġru fiha qabel tibda l-iskola, imħarsin minn ommijiethom.

Hu żmien fejn il-basktijiet (fil-veru sens tal-kelma) jinħietu minn ommijietna minn xi biċċa drapp ċivili — blu jew khaki. Huma basktijiet b’żewġ taqsimiet, waħda żgħira għall-kolazzjon, sarvetta u tazza tal-plastik u l-oħra għall-pitazzi. Kollox jitgħatta bl-itwal parti tal-basket li tintlewa u tinqafel b’buttuna fuq quddiem. Permezz taċ-ċinga meħjuta miż-żewġt iġnieb, indendlu dan il-basket ma’ spallejna u kull filgħodu, mit-Tnejn sal-Ġimgħa, nerħulha għall-iskola.

Il-klassijiet huma mdaqqsin. Fihom, l-għamara tikkonsisti fi blackboard enormi li jserraħ fuq żewġ strippi tal-injam, forma ta’ sellum forċi miftuħ; mejda fuq pjattaforma tal-injam, biex is-soru tidher u tara kullimkien; żewġ armarji, wieħed kull naħa tas-soru u bankijiet tal-injam bil-magħqad b’kollox, fejn f’kull wieħed noqogħdu erba’ studenti. Is-soru għandha riga twila tal-injam, kaxxa bil-ġibs biex tikteb fuq il-blackboard u ċarruta safra (duster) biex tħassar il-kitba qadima.

Is-sorijiet lebsin ilbies iswed minn rashom sa saqajhom, għax għandhom qisu mant. Mad-dawra ta’ rashom, taħt id-drapp iswed għandhom benda bajda madwar moħħhom u seggolu abjad ukoll, li joħroġ minn ma’rashom għal fuq sidirhom (qisu favalor). Xagħarhom hu mistur kollu. Madwar għonqhom għandhom lazz aħmar b’qalb tal-fidda marbut miegħu, li toħroġ minn taħt is-seggolu. Minn taħt is-seggolu nieżel ukoll l-iskapular – speċi ta’ xalpa tal-bard, li tinżel minn taħt għonqhom sat-tul tal-libsa – u hu mill-istess drapp. F’qaddhom, in-naħa tal-lemin għandhom kurdun aħmar bi tliet għoqiedi li huma l-voti tal-faqar, tal-kastità u l-ubbidjenza. In-naħa tax-xellug, kuruna twila, sewda. Huma s-sorijiet magħrufa bħala Ulied il-Qalb ta’Ġesù. Dawn il-qlub isaħħruni u nitgħaxxaq meta nhar ta’Ħadd, immur ma’nannti s-Suq tal-Belt u mal-faċċata nara kwadru enormi tal-Madonna mdawwar b’dawn il-qlub. Il-bejjiegħa tal-ħut, li jbigħu taħtu, żgur josservawni nħares lejn il-fidda, waqt li nannti tixtri mill-posti differenti tas-suq.

Lura għall-iskola, din tibda fit-8.30 a.m. u ddum sal-4 p.m. Il-kolazzjon neħduh fl-iskola stess fejn hemm ġnien imdaqqas, ikkultivat sew, b’bir b’ilma frisk u nadif, tajjeb għax-xorb. Fl-ewwel waqfa mil-lezzjonijiet, aħna t-tfal noqogħdu fi kju twil bit-tazza u s-sarvetta f’idejna u wara li s-soru tiftaħ l-għatu, ittella’ l-ilma f’barmil apposta u timlielna tazza kull wieħed. Nieklu kisra ħobż u lura fil-klassi għal-lezzjonijiet.

F’nofsinhar waqfa kemxejn itwal. F’sala ta’daqs enormi, hawn żewġ imwejjed twal u mal-ġnieb ta’kull waħda, bankijiet tal-injam. Kulħadd jintasab f’post, ħdejn ħbiebu jew ħutu u nieklu bil-kwiet. Hemm min jiekol kolazzjoni tal-ħobż. Oħrajn, inkluż jien, l-ikla hi differenti.

F’rokna ta’din is-sala hawn kaldarun fuq kuċiniera. Fih, is-sorijiet jgħallu l-bajd għal dawk l-istudenti li jieħdu bajda magħhom. Biex żgur ħadd ma jingħata l-bajda ta’ħaddieħor, l-ommijiet jiktbu l-isem u l-kunjom tat-tfal fuqhom u meta jitgħallew, soru ssejjaħl-isem u l-kunjom u soru oħra tnewlilna l-bajda li nikluha ma’ ħobż imqatta’ strixxi strixxi. Huma esperjenzi ta’darba f’ħajja, li jtulu biss għal sena. Iżda t-tifkiriet jibqgħu.

It-tagħlim li ningħataw hu fis-somom, fil-Malti u fl-Ingliż. Is-somom huma l-aktar tal-għadd u t-tnaqqis, multiplikazzjonijiet u diviżjonijiet ħfief. Il-Malti niktbuh u naqrawh minn kotba li jagħtuna s-sorijiet stess. Fihom hemm stampa u sentenza, bħal ‘Pin, il-ħin sar. Isa, ejja orqod’. L-Ingliżl-istess. Naqraw mill-ktieb ta’Tom and Ann u nibqgħu sejrin b’Tomplays, Ann plays, Tom and Ann play, Shall we play? sakemm nitgħallmuhom b’mod pappagallesk. Imbagħad, biex aktar nitgħallmu nosservaw, is-sorijiet jiġbru stampi bil-kulur minn magazini, iwaħħluhom bil-kolla fuq biċċa kartonċina u jqassmulna waħda kull wieħed.

Iġegħluna niflu sew l-istampa, inklużi l-kuluri u nisiltu sentenzi kemm nifilħu. Sentenzi bħal The sky is blue. The sun is yellow. There are two persons in the picture. There is a car. Sentenzi qosra li ’l quddiem jgħinuna fil-kompożizzjoni għal stejjer twal. Għada kulħadd ipartat l-istampa tas-soru u nivvintaw sentenzi oħra.

Xahar skola għand is-sorijiet titlob miżata ta’ 2s6d (60ċ ta’ewro). Biex is-sorijiet idaħħlu xi ħaġa żejda jbigħu xi ħlewwiet. Ħelu iebes taz-zokkor, forma ta’ ħut, b’ilwien differenti bi frak taz-zokkor fuqu jew ġuġu. Ta’ tfal, il-gost tagħna nixtru mingħand is-soru. Meta ma nagħmilx hekk, ommi tagħtini gallettini żgħar – ukoll b’ċerti forom – tad-ditta Colussi.

 Sena skola tan-Nuna hi l-petrol meħtieġ għall-futur ta’ tlielaq għaċ-ċertifikati biex insibu l-aħjar xogħol.

Awtur: Charles B.Spiteri

altaltaltalt