Il-wirdiena fuq ras in-nannu

Charmaine Tanti M.A.

Il-bużnanna ta’ Donna kienet ilha mejta s-snin. Iżda ta’ kull sena n-nannu tagħha, li kien jiġi binha, kien dejjem jagħmlilha quddiesa għal ruħha fil-jum li jfakkar mewtha. Għaliha kienet tmur il-familja kollha b’sinjal ta’ rispett. 

alt

Sena minnhom in-nannu spiċċa mar għall-quddiesa ma’ Donna biss. Dakinhar in-nanna inzertat ftit ma tiflaħx, u l-mama` nqabdet xogħol. Minn xħin daħlu fil-knisja, Donna ma ċċaqalqitx minn fejn in-nannu, u qagħdet titlob sakemm bdiet il-quddiesa kif qalilha tagħmel hu. Qabel telqu mid-dar, kien wissieha ħafna biex toqgħod bilgħaqal, u ġġib ruħha sew għax ma kienx xieraq li toqgħod titpastaż quddiem knisja nies. Donna għamlet l-almu tagħha biex tobdih. Ma kellhiex aptit taqla’ xi ċmas mingħandu la jaslu d-dar. In-nannu ħassu tassew kuntent meta raha li semgħet minnu, u ma tniffsitx.

Imma lin-nannu kellha tiġrilu waħda tinkiteb mingħajr qatt ma basar f’mitt sena. F’daqqa waħda, f’nofs il-quddiesa, ħass xi ħaġa kiesħa silġ taqa’ fuq rasu. Tant inħasad li beda jgħajjat donnu barri. Kulħadd iċċassa jħares lejh. Donna qabżet pied mill-art bil-qatgħa li ħadet, iżda kienet se tmut bid-daħk malli rat wirdiena daqsiex fuq ras in-nannu. Anki l-qassis kellu jwaqqaf il-quddiesa għal ftit tal-ħin meta ntebaħ li kienet ġrat xi ħaġa. 

Kulħadd dar madwar in-nannu. Kien hemm min ħaseb li kien ħass xi ħaġa, kien hemm min qal li kien ra fatat, u kien hemm min ried imur għat-tabib. Ħadd ma induna bil-wirdiena. Hu beda jgħidilhom waħda f’waħda li kienet waqgħet xi ħaġa kiesħa fuq rasu. Hekk kif sema’ lil xi ħadd mill-folla jgħid li kellu wirdiena kbira, aktar infixel, u twerwer. Kien jibża’ mill-wirdien iżjed mill-bard ta’ Jannar, u ried jeħles minnha malajr kemm jista’ jkun. 

Sa fl-aħħar, xi ħadd kuraġġuż mill-folla qabad tissue, u biha neħħielu l-wirdiena li tant kienet ġennitu. In-nannu fil-pront ħa r-ruħ, u rringrazzja lil dak il-proxxmu li ħelislu minnha. Il-quddiesa, imbagħad, kompliet għaddejja bil-kwiet. Xħin Donna u n-nannu marru lura d-dar, in-nanna u l-mama` tassew baqgħu mbellhin meta saru jafu b’kollox. In-nannu baqa’ jiftakarha għal għomru kollu l-biċċa tal-wirdiena, u kull meta kien jidħol il-knisja kien iħares lejn is-saqaf għal darba tnejn, qabel ma jpoġġi bilqiegħda, ma jmurx taqa’ xi wirdiena oħra fuq rasu u jisfratta l-quddiesa.