Iltaqgħu f’Tal-Pietà waqt ‘Luna Park’

Charles B. Spiteri

altminn Charles B. Spiteri

Victor Zammit u Tessie nee Bartolo għalqu 55 sena miżżewġin. Iltaqgħu f’Tal-Pjetà, fejn kienet intramat Luna Park fl-1950. Victor kien niżel mir-Rabat ma’ ħabib tiegħu u lemaħ lil Tessie ma’ oħtha u ħuhom iż-żgħir, li llum jinsab l-Awstralja. Tkellmu kemxejn, iżda dik it-taħdita kebbsitilhom in-nar tal-imħabba f’qalbhom. Kienet l-ewwel laqgħa li mhux biss wasslithom għaż-żwieġ, iżda li kif xtaqu, iqattgħu l-kumplament ta’ ħajjithom flimkien.

Victor hu l-kbir minn tliet aħwa, żewġ subien u tifla, waqt li Tessie hi l-ħames waħda minn tmint itfal. Proprjament, Victor twieled l-Isla iżda minħabba l-Aħħar Gwerra Dinjija, il-familja tiegħu telgħet refuġjata r-Rabat u baqgħet tgħix hemm. Tessie, kienet mill-Ħamrun. Minn dak l-ewwel jum li raw lil xulxin, ftehmu li jkomplu jiltaqgħu. U hekk għamlu. Victor u Tessie jiftakru li f’dawk il-ġranet li kienu ltaqgħu kienet ġiet inawgurata l-Birrerija ta’ Farsons fl-Imrieħel u kienet miftuħa għal xi jiem għall-pubbliku. L-appuntament ta’ bejniethom li kien imiss, kien li jiltaqgħu hemm. 

Tfitix għax-xogħol

Wara ftit jistenna, Victor ra lil Tessie ġejja ma’ oħtha u dak il-ħin ħa r-ruħ. Qabel ma ltaqa’ ma’ Tessie, Victor kien beħsiebu jidħol l-Università, iżda ma kellux biżżejjed kwalifiki biex jagħmel dan. Allura beda jfittex ix-xogħol.  Kif jiġru l-affarijiet, ftit snin qabel kienet qed tinbena l-fabbrika ta’ Farsons fl-Imrieħel u hu kien jinżel mir-Rabat biex ifittex ix-xogħol għalih u għal ħuh ma’ din il-fabbrika. Iltaqa’ ma’ ġuvnott li bħalu beda jfittex ix-xogħol bla ma kien jaf min kien u baqgħu flimkien sa ma waslu Fleur de Lys.
Xi żmien wara li Victor iltaqa’ ma’ Tessie, sar jaf lil ħuha li kien jismu Harry u ftakar li kien iltaqa’ miegħu żmien qabel. B’kumbinazzjoni kbira, dan il-ġuvni kellu jkun ħu Tessie.

Il-ħruġ ta’ Victor u Tessie kien ikun xi passiġġata sal-Bombi u lura. Fit-8.30 p.m. Victor kien ikollu jkun id-dar. Allura meta jilmaħ lill-karrozza tar-Rabat tielgħa minn Triq il-Kbira, kien jitlaq lix-xbejba tiegħu, jirkeb u jitlaq lejn daru. Għamlu sentejn namrati u sentejn għarajjes. Il-ġenituri kienu jkunu jafu li uliedhom qed jiltaqgħu, iżda xorta l-ħin tal-irtrirar kien ikun l-istess. Meta Victor għarraf lill-ġenituri tiegħu b’Tessie, missieru ħadha kontra tiegħu bl-iskuża li ma kienx għadu l-waqt. Victor bħal irribella u qal lill-ġenituri tiegħu li kien se jagħmel l-eżami u jekk jgħaddi japplika għall-Papaffy Fund u jkun jista’ jħallas il-passaġġ għall-Awstralja.

Meta omm Victor semgħet dan, inkwetat għax ma riditx li binha jħallihom. Ippruvat tikkonvinċi lil żewġha biex jaċċetta. Għalkemm l-omm dehrilha li ma kien hemm xejn ħażin li binha jkellem xebba, ħa ladarba tkun tal-affari tagħha, missieru baqa’ jsostni li ma kienx il-waqt, avolja ibnu kellu 20 sena. Ir-raġuni ta’ kollox kienet għax il-ġenituri ta’ Victor, fil-familja tagħhom kellhom numru sabiħ ta’ patrijiet u qassisin u xtaqu li huma wkoll iżommu din it-tradizzjoni.  Dan peress li Victor ħa l-edukazzjoni sekondarja tiegħu fis-Seminarju tal-Arċisqof, fil-Furjana. Għalhekk kienu jittamaw li huma wkoll ikollhom saċerdot.

Aċċettazzjoni

Minn hemm u minn hawn, fl-aħħar aċċettaw il-fatt li binhom ikellem lil Tessie, iżda missieru dam ħafna jsostni fehmtu, tant li waqt li Victor kien ikun sejjer jirkeb il-karrozza tal-linja minn fuq is-Saqqajja għall-Ħamrun biex jiltaqa’ mat-tfajla tiegħu, u missieru, li kien jaħdem id-Dockyard ikun qed jirritorna d-dar mix-xogħol – hekk kif jiltaqgħu fit-triq, Victor kien ikun lest biex jgħidlu ‘benedizzjoni pa’, imma missieru kien jinjorah u jibqa’ sejjer, qisu ma għadda ħadd.

Ma għandniex xi ngħidu, Victor, għalkemm kien jiddispjaċih għal din l-imġiba, jifhem ukoll id-dixxiplina li kien jeżerċita missieru fuqu u dan, fl-aħħarnett, seta’ kien ukoll għax xtaqlu l-ġid. Meta ried ikun jaf min kienet it-tfajla li Victor kien qed jiltaqa’ magħha, mar jistaqsi lil wieħed li kien jaħdem miegħu fid-Dipartiment tal-Fitters u qallu li ibnu kien qed ikellem tfajla kunjomha ‘Bartolo’ u xtaq ikun jaf xi informazzjoni fuq il-familja tagħha.

Għall-ewwel dan qallu li lill-familja Bartolo ma jafhiex, iżda wara, irrealizza li kellu sitt kuġini subien u żewġt ibniet, li kunjomhom kien ‘Bartolo’ u nduna li t-tfajla ta’ Victor, li kien jisimha Tessie, kienet kuġintu u ommha kienet iz-zija tiegġu, oħt missieru. L-għada, dan mar jgħidlu li għandu jserraħ rasu u li ma għandu jkollu l-ebda nkwiet li ibnu jitħallat mal-familja Bartolo.

Għar-rigward tal-ġenituri ta’ Tessie, Victor jirrakkonta li kellha żewġ qaddisin. Aċċettawh mill-ewwel hekk kif saru jafu li kien ġuvni tal-affari tiegħu, iżda kien hemm waqtiet fejn missierha (li wkoll kien jaħdem it-Tarzna) kien jgħidilha biex tieqaf tkellmu, għax missieru kien qed imur ħdejh waqt ix-xogħol u jgħidlu ‘tħallix lil bintek tkellem lil ibni’.

Fil-festa tal-Bambina

Għall-festa ta’ Maria Bambina tal-Isla ta’ dik is-sena kien ftiehem ma’ ommu li biex imorru għall-festa, u jurihom min kienet ix-xebba li kellu. Dak iż-żmien, l-istatwa kienet toħroġ mill-knisja ta’ San Filippu. Ma għandniex xi ngħidu, dan il-ftehim seħħ għax waqt li kienet ħierġa l-purċissjoni bil-vara, kemm il-ġenituri u ż-żewġ maħbubin tefgħu ħarsithom lejn xulxin ta’ spiss.

Wieħed jista’ jikkonkludi li kien jidher ċar li l-ġenituri ta’ Victor kienu kuntenti, għax meta rritorna d-dar, missieru biddel l-imġiba negattiva tiegħu ma’ ibnu, u omm Victor qaltlu biex issa, la qabad din it-triq, iqis li jkun serju mat-tfajla li qed ikellem, jibża’ għaliha u jirrispettaw lil xulxin. Mill-għada, l-affarijiet qabdu rotta ġdida u l-ġenituri ta’ Tessie ma damux ma kienu mistednin jitilgħu r-Rabat, għand il-ġenituri ta’ Victor. Victor u Tessie damu sentejn namrati u mbagħad tgħarrsu. Kull nhar ta’ Ħadd, Mary, omm l-għarusa, kienet tistieden lil Victor għall-ikel. Din id-drawwa damet sakemm darba, ommu staqsietu x’joqogħdu jagħmlu wara l-ikel, u Victor qalilha li ommha u missierha jitilqgħu jistrieħu u hu u Tessie joqogħdu fil-kamra tal-pranzu. Ommu tant ħaditha bi kbira li qaltlu biex ma jmurx iżjed, għax il-fatt li jkunu weħidhom ma għoġobhiex.

altMatul is-sentejn tal-għerusija bdew ifittxu fejn jikru. Ħabiba ta’ Tessie qaltilha b’post f’Ħal Balzan u krewh. Għalhekk bdew iħejju biex jiżżewġu. Dak iż-żmien, peress li Tessie ma kinitx taħdem, id-dota lill-ulied bniet kienu jagħtuha l-ġenituri. Din kienet tikkonsisti f’għamara, ħwejjeġ u kulma jkun hemm bżonn. Meta Tessie waslet biex tiżżewweġ fil-25 ta’ Lulju 1954 kellha 24 sena u ż-żwieġ tagħhom sar fil-Kappella San Ġużepp, Santa Venera. Iżda peress li l-Isqof Emmauel Galea kien mill-Isla, Victor qal lil missieru biex jara jaqlagħlux permess jiżżewweġ fil-knisja ta’ Sarria, il-Furjana u dan għar-raġuni li t-tieġ kien se jkun fis-sala tal-Iscouts tal-istess lokal. Jiġifieri jiżżewġu u kemm jaqsmu t-triq. Iżda l-Isqof ma taħx il-permess. Appena spiċċa t-tieġ, Victor u Tessie kienu marru għall-qamar il-għasel fil-Lukanda Sea Bank, il-Mellieħa.

Lukanda bla dawl

Sal-1954, din il-lukanda kienet għadha bla dawl tal-Gvern. Biex imorru għall-kamra tas-sodda tagħhom, ingħatatilhom xemgħa. Dan għax id-dawl kien ġenerat minn mutur, li matul il-lejl, jintefa. Hemmhekk, għalkemm kien ix-xahar ta’ Lulju u s-sajf kien daħal ġmielu, filgħodu, fil-bajja tal-Għadira rari kienu jidhru nies jgħumu. Peress li xtaqu jaraw lil tal-familja, iddeċidew ma joqogħdux ġimgħa sħiħa, u niżlu d-dar wara erbat ijiem.

Minħabba li aktar tard, fid-dar ta’ Ħal Balzan kien jidħlilhom ħafna ilma, kellhom iġorru f’dar oħra fl-Isla. F’dik id-dar li kienet fi Triq iż-Żewġ Mini, viċin il-knisja ta’ San Filippu, lil Victor u Tessie twelditilhom l-ewwel tarbija, li semmewha Alex.
Victor kien jaħdem Pinto Wharf, il-Belt, mal-Army, u lura lejn l-Isla wara x-xogħol, kien imur id-dar bil-lanċa. Tessie kienet titla’ fuq it-turretta u tilmħu jxejrilha minn fuq il-lanċa. B’hekk meta kienet bil-ħsieb li ssajjar l-għaġin kien ikollha ċ-ċans kollu li tlestih sa ma żewġha jasal id-dar.

Darba marret ommha tarahom u xejn ma għoġbitha d-dar tagħhom. Qaltilhom biex ifittxu jmorru l-Ħamrun. U spiċċat tathom id-dar tagħha. Imbagħad kellhom tlett itfal oħra. Raymond wara sena u għaxar xhur, Silvio, erba’ snin wara Raymond u David, ħames snin wara Silvio.

Valuri morali

Mistoqsija fuq il-valuri morali ta’ żmienhom, Victor semmieli li ommu kienet tibgħat lilu u lil ħutu l-quddies kuljum u r-rużarju ma naqas qatt. Mhux talli hekk, talli missieru kien iwissihom, li jekk xi ħadd jongħos jew jorqod waqt ir-rużarju, jerġgħu jibdewh mill-bidu. U kien idendlilhom l-istampi tal-kalendarju bil-Via Sagra ta’ Ħaż-Żabbar, biex waqt ir-rużarju, joqogħdu jimmeditaw. Hu u ħuh kienu wkoll abbatini, u jiftakar sew il-quddiesa bil-Latin.

Tessie tirrakkonta wkoll li meta kienu żgħar, biex żgur ma jorqdux waqt ir-rużarju, hi u ħutha kienu joqogħdu jippassiġġaw tul id-dar u jwieġbu bis-Slimiet u l-Qaddisiet. Għar-rigward tal-quddies semmiet li qatt ma tilfet waħda, l-aktar għax id-dar tagħhom kienet viċin tal-knisja.

Skond Victor, issa li kibret fl-età, mhux naqqset mis-smigħ tal-quddies u r-reċtar tar-rużarju, talli tismagħha fuq Radju Marija u tgħid kemm-il rużarju jixxandar. Wara ż-żwieġ Victor ma baqax bid-drawwa tal-quddies ta’ kuljum minħabba x-xogħol, iżda martu Tessie kienet tesiġi li t-tfal jitilgħu kif telgħu huma meta kienu żgħar.

Madankollu Victor jemmen li l-laqgħat tat-talb li jsiru bħalissa, fihom skop ferm usa’, kemm bħala attrazzjoni, kif ukoll f’dik li hi meditazzjoni, minn funzjonijiet oħra fil-Knisja. Tant hu hekk, li kif spjega hu, il-prayer meetings ikunu mballati, waqt li funzjonijiet oħra, uħud jattendu fuq qalbhom. Iżda f’laqgħa ta’ talb il-preżenza tal-Ispirtu Qaddis tinħass ħafna aktar.

Dixxiplina

Il-koppja Zammit temmen li bejn it-trobbija ta’ dari u dik tal-lum teżisti differenza tremenda. Fl-antik kienet teżisti d-dixxiplina u l-biża’ mill-ġenituri, tant li Victor jgħid li hu kellu sudizzjoni minn missieru anki wara li żżewweġ.

F’xi żmien, missier Tessie kien Lixandra, u hi tgħid li fin-nuqqas tiegħu, kienet tibża’ ferm minn ħuha l-kbir li kien jindukrahom fl-assenza tiegħu. Victor u Tessie huma tal-fehma li llum, id-dixxiplina naqset ħafna. Naqas sew ukoll ir-rispett tal-ulied lejn il-ġenituri. Jgħidu li jista’ jagħti l-kas li dan hu dovut għall-fsied li trabbew bih l-ulied, fejn kulma jridu jingħatalhom.

altVictor jiftakar li fi tfulitu, meta kien diġà s-Seminarju, missieru la qatt xtralu rota u lanqas camera tar-ritratti. U mhux talli hekk, talli meta beda jaħdem, missieru qallu li mill-paga tiegħu ried jagħmel id-dota ta’ oħtu. Altru nbidlux iż-żminijiet! Terġa’ llum inħolqu bosta aġenziji u help lines li qed ikomplu jagħtu r-riħ lit-tfal. Victor u martu huma tal-fehma li d-dixxiplina tal-ulied għandha primarjament titħalla f’idejn il-ġenituri, u l-helplines jidħlu meta jkun aċċertat in-nuqqas tagħha. Jekk ħaddieħor jipprova jieħu post il-ġenituri, kif qed jiġri llum, jispiċċa biex ikollna vapur b’żewġ kaptani… u dan il-qawl kulħadd jaf xi jfisser. Hi ħaġa magħrufa minn kulħadd, li l-ġenituri huma fid-dmir, la ġabu lil uliedhom fid-dinja, biex jindukrawhom u jedukawhom mill-aħjar li jistgħu, u m’għandux ikollhom gambetti fl-iffurmar tat-trobbija tagħhom… forsi wkoll minn individwi li m’humiex ġenituri.

Dawn is-servizzi offruti mill-Gvern, qed iħeġġu lit-tfal ta’ llum ikunu aktar ribellużi u ma joqogħdux għad-dixxiplina. Wasalna fi żmien fejn għandna tfal li lanqas jafu x’inhi ubbidjenza u jaslu jgħollu leħinhom anki mal-ġenituri. Ħaġa li daqqa ta’ 40 sena ilu lanqas ħadd ma kien joħlom biha.

Mistoqsijin jaħsbux li xi darba r-rota terġa’ ddur, huma weġbuni li la r-rota qabdet in-niżla, aktar faċli tkompli nieżla, milli terġa’ lura għat-telgħa. Anzi, fil-fehma tagħhom, din hi ħaġa impossibbli. Illum lit-tfal li telgħin għandhom attrazzjonijiet x’jaljenawhom, li ebda valur ma jista’ jerġa’ jreġġagħhom lura għad-drawwiet ta’ nanniethom.