Peter Isib Kumpanija Ġdida fil-Weekend

Charmaine Tanti
alt

Meta Elise u Luca kien ikollhom ruxxmata homework x’jagħmlu fil-weekend, qajla kienu jiċċaqalqu minn mal-mejda tal-kċina. Il-mamà kienet dejjem tgħidilhom biex ix-xogħol tal-iskola ma jħalluhx għall-aħħar minuta għax inkella kienu jinsew xi tkun spjegatilhom l-għalliema fil-klassi. Huma kienu jagħmlu kif tgħidilhom hi, u jitfgħu rashom fil-pitazzi u fil-kotba. Peter kien isib ruħu waħdu għax il-mamà ma kinitx tħallih jersaq lejn fejn ikunu ħutu ma jmurx itellifhom u jmorru lura f’xi suġġett. Ta’ tifel li kien, kien jagħmel f’qalbu u joqgħod jeqred u jibki għax kien ikun irid imur ħdejhom bilfors. Lill-mamà ġieli tellagħhomlha u kienet tgħajjat miegħu meta ma kienx joqgħod kwiet.

Peter kien qiegħed jixba’ sal-ponta ta’ mnieħru kważi dejjem iqatta’ l-weekend waħdu. Xtaq ħafna lil xi ħadd tamparu jagħmillu kumpanija fil-weekend fin-nuqqas ta’ Elise u Luca. Ħbieb ma tantx kellu, u għalhekk ftakar fis-sekondi kuġini tiegħu, Liza u Martin, li kienu jgħixu n-naħa tal-wied xi kwarta mixi bogħod mid-dar tiegħu. Ma kienx imur għandhom ta’ spiss, iżda meta xi darba kien imur għandhom fil-vaganzi tas-sajf, tassew kienu jieħdu gost jilagħbu miegħu. Liza u Martin kienu jħobbuh ħafna, iżda billi ma kinux qraba daqshekk mill-viċin, il-kuntatt bejniethom kien limitat.

Darba waħda s-Sibt filgħodu, Elise u Luca qamu kmieni biex jibdew ilestu x-xogħol li kienet tathom l-għalliema bil-mod il-mod. Dakinhar kellhom jagħmlu, fost l-oħrajn, proġett dwar il-poeti Maltin, kif ukoll jistudjaw għat-testijiet li kellhom isiru matul il-ġimgħa ta’ wara. Peter kien jinsab bi kwietu fil-kamra tas-sodda jilgħab bil-karozza l-ħamra li l-mamà kienet xtratlu mill-Belt. F’xi l-għaxra, instema’ Ġamri tal-ħobż idoqq il-ħorn. Il-mamà ħarġet bħas-soltu tixtri żewġ ħobżiet kbar tal-Malti friski u tajbin, u ħalliet il-bieb ta’ barra ftit imbexxaq. Kif reġgħet daħlet ġewwa, għamlet biċċa ħobż mixwija bil-butir u bil-perżut għax kellha l-ġuħ. Wara ftit, poġġiet bilqiegħda fejn Luca u Elise biex tgħinhom ftit fis-somom għax ħassewhom xi ftit jew wisq tqal dakinhar.

Malli beda jċempel il-mowbajl, il-mamà qamet bil-ħeffa minn fuq is-siġġu u qabditu minnufih. Inħasdet ftit xħin saret taf li kienet ċemplitilha kuġinitha Agnes, li tarrfitilha kif Peter kien għandu kemm mar għandha biex joqgħod jilgħab ma’ Liza u ma’ Martin. Hija kompliet tgħidilha li meta staqsietu fejn kienet il-mamà, huwa weġibha li kien ħareġ inkiss inkiss mid-dar waqt li l-mamà kienet ħarġet tixtri l-ħobż u ħalliet il-bieb tad-dar imbexxaq. Il-mamà kienet mingħaliha li Peter kien għadu fil-kamra fejn ħallietu hi, u li kieku ma infurmathiex Agnes, kienet iddum ma tinduna li kien mar xi mkien bla ma kien qalilha. Minn dakinhar ’il quddiem, Peter baqa’ jmur sikwit għand Liza u Martin, imma kienet twasslu s’għandhom il-mamà bil-mixi ma jmurx, allaħares qatt, ittajru xi karozza. Peter kien kuntent għall-aħħar li kien sab kumpanija ġdida għall-waqt il-weekend, u iżjed ma għadda żmien iżjed sar ħaġa waħda ma’ Liza u Martin, li wara kollox kien beda jistħajjilhom Luca u Elise, għax b’kumbinazzjoni kienu kważi daqshom fl-età u kienu jmorru tajjeb ħafna flimkien.