Papa Benedittu jirriżenja kawża ta’ ‘gay lobby’ fil-Vatikan

Il-Papa Benedittu XVI għadu kemm stqarr li fil-Vatikan kien hemm moviment magħruf bħala gay lobby. Dan it-tagħrif jinsab fil-ktieb tiegħu bl-isem ta’ The Last Conversations li se jkun għall-bejgħ f’Settembru li ġej u li hi l-ewwel darba fl-istorja, li eks papa jiġġudika l-pontifikat tiegħu wara li warrab minn postu.
Madankollu, bil-kliem gay lobby ma għandniex naħsbu fis-sess. Skont l-Amerikani, dan jista’ jkun grupp li jinfluwenza politikament, li jaf ikun kontra l-kontroll tal-armi u favur l-ippjanar tal-abort. Min-naħa l-oħra, b’gay lobby, it- Taljani ma jfissrux li hu fazzjoni organizzata bl-iskop li jibdel it-tagħlim tal-Knisja fuq l-omosesswalità jew id-drittijiet tal-abort.Papa BDL Books

Fir-realtà hi organizzazzjoni informali fil-Vatikan, li tappoġġja wieħed lill-ieħor, ma jikxfux lil xulxin u jgħinu lil min ikunu jridu li jitla’ s-sellum tal-poter. Il-grupp għandu l-iskop u l-interess li jgħawweġ it-tentattivi tar-riformi, peress li bis-segretezza jgawdi kif irid; ’il bogħod mill-attenzjoni tal-awtoritajiet l-oħra.
Hi riferuta biss bħala moviment gay, peress li l-omosesswalità tippreżenta sigriet qawwi, speċjalment jekk tkun attiva. Għalhekk il-kelma gay ma tirriferix għas-sess iżda għas-segretezza u għall-fatt li bniedem jiġi promoss minn dawk li jħaddnuha u jkunu humu u mhux il-Papa li jieħdu d-deċiżjonijiet, fuq bażi personali.
Din l-organizzazzjoni kienet qed tibża’ li l-Papa Benedittu kellu x-xewqa li jippurifika ħidmet il-Vatikan u b’hekk seta’ jirfsilha l-kallu.

Fl-2013, Papa Benedittu, ta’ 89 sena, kien qal li rriżenja minħabba saħħtu u b’hekk sar l-ewwel papa f’sitt sekli, li għamel dan. Hu wiegħed li jibqa’ “moħbi għad-dinja” u baqa’ jgħix f’kunvent fil-ġonna tal-Vatikan.

Il-ġurnal Taljan Corriere della Sera, kiseb id-drittijiet li jxandar siltiet mill-ktieb u diġà ħareġ b’artiklu twil minnhom, fejn ġabar il-punti ewlenin.
Fil-ktieb tiegħu, Papa Benedittu jistqarr li sar jaf bil-gay lobby magħmul minn erbgħa jew ħamsa min-nies li bdew jippruvaw jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tal-Vatikan. Iżda jsostni li hu rnexxielu jkisser il-poter ta’ dak il-grupp.

Madankollu ħass li kellu jirriżenja wara l-istejjer turbulanti tal-papat, li nkuldew ukoll il-każ tal-Vatileaks,meta l-maġġordom stess ħareġ xi informazzjoni mill-ittri personali tiegħu u dokumenti oħra li allegaw il-korruzzjoni u l-battalja għall-poter fil-Vatikan.