Dawk l-Imgħarrqin Żewġ Ċagħkiet!

Charmaine Tanti M.A.

Darba waħda n-nanna kienet irrabjata bil-kbir għal Luca, wara li sabet xi ġugarelli żgħar tal-plastic fil-borma tal-istuffat. Aktarx li kien tefagħhom hemm minn wara daharha, avolja baqa’ jiċħad li għamilhom hu. In-nanna setgħet tobsor li din kienet xi biċċa xogħol minn tiegħu għax kienet taf biżżejjed x’kien isarraf. Bagħtitu ’l hemm, ma jmurx jivvintalha xi ħaġa ġdida, u hu tela’ fuq. Kien mingħalih li n-nannu kien se joqgħod iżiegħel bih, iżda dan ukoll kien mgħaddab għalih. Beda jaħseb ħażin fih meta sab l-istatwetta tal-kristall ta’ fuq l-iskrivanija f’elf biċċa. Kien tassew iddispjaċut, għax ma kontx issib tixtri oħra bħalha minn kullimkien. Luca għalxejn ħabbat mal-bieb tal-kamra. In-nannu ma riedx jiftaħlu. Rabba n-nervi għax in-nanniet ma riduhx ma’ saqajhom.

Luca tela’ jiġri fuq il-bejt għall-kwiet biex igawdi ftit ix-xemx. Dakinhar in-nannu ma kienx se jtajjarlu t-tajra u n-nanna ma kinitx se tilgħab miegħu bil-ballun. Kienu ħallewh waħdu bħala kastig. Qagħad bilqiegħda fejn il-bieb tal-bejt u qagħad jaħseb ftit. Issa kien wasal biex jagħmel il-preċett u ma kienx jixraqlu li jibqa’ daqshekk imqareb u jinkwieta lin-nanniet. Ħaseb li kellhom raġun jirrabjaw għalih, għax żgur li ma kienx ħaqqhom hekk daqskemm kienu jħobbuh. Wiegħed lilu nnifsu li jibda jrabbi l-għaqal mil-lum ’il quddiem.

F’daqqa waħda nstema’ ħoss kbir fis-sema li kiser is-skiet, li kont taqtgħu b’sikkina. Luca ħares ’il fuq u lemaħ ajruplan għaddej. Qam bilwieqfa biex jarah aħjar u resaq lejn iċ-ċint tal-bejt. Wara ftit sema’ lin-nanniet iwerżqu tweżiqa tal-biża’. Bla ma induna Luca kien laqat iż-żewġ ċagħkiet imdaqqsa ta’ fuq iċ-ċint waqt li kien qiegħed iserraħ dahru miegħu, hu u jħares lejn l-ajruplan għaddej fil-bogħod. Iċ-ċagħkiet waqgħu għal isfel u spiċċaw fil-bitħa. Dak il-ħin in-nanniet inzertaw qegħdin isaqqu l-qsari, u l-Bambin ħabbhom li ma ntlaqtux u ma waqgħux mejtin fuq xulxin! Minnufih bdew isejħu lil Luca, għax beżgħu li hu kien waddabhom minn fuq iċ-ċint tal-bejt.

Iżda Luca kien għosfor minn hemm fuq malli ntebaħ x’kien ġara. B’għaġeb kbir in-nanniet sabuh qiegħed taparsi jaqra ktieb fil-kamra tagħhom meta telgħu jfittxuh. Hu għamel tabirruħu li ma kien jaf b’xejn.

Allaħares kellu jgħidilhom il-verità kollha ta’ kif seħħet il-ġrajja, għax kieku ma kinux jemmnuh li m’għamilx hekk apposta! Malajr kien ikollu jrabbih l-għaqal imbagħad, għax min jaf x’kienu jagħmlulu! Ħassu kuntent li tal-inqas kien irnexxielu jiżgiċċa minn dil-biċċa. La ma kellhomx f’min iwaħħlu, weħel magħhom ir-riħ li kien ċaqlaq dawk iż-żewġ ċagħkiet, meta dakinhar lanqas żiffa ma kienet għaddejja. Luca tahom raġun għax hekk qabillu jagħmel.