Djarju ta’ poeta, suldat fl-Assedju l-Kbir

Fiona Vella
450 sena ilu, Malta kienet għaddejja minn wieħed mill-agħar perjodi fl-istorja tagħha, hekk kif din ġiet attakkata minn armata kbira Torka li kienet ħalfet li se teqred lill-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann minn wiċċ id-dinja. It-Torok ma kellhom l-ebda dubju li dil-gżira ċkejkna kienet ser tiġi f’idejhom f’qasir żmien u waqt bosta mumenti, anki l-kavallieri għaddielhom minn moħħhom l-istess ħsieb. Imma wara assedju kbir li ħalla warajh mijiet ta’ mejtin u midruba, fosthom lill-magħruf Dragut, Malta, il-Maltin u l-kavallieri, irnexxielhom joħorġu rebbieħa u t-Torok ġew f’sitwazzjoni fejn kellhom jirtiraw b’mod immedjat.
Affreski li juru xeni mill-assedju tal-1565
Fatt interessanti huwa illi l-aktar episodji sinifikanti li seħħu waqt dan l-assedju ġew impinġija mill-artist Taljan, Matteo Perez d’Aleccio. Huwa ġie kkummissjonat jagħmel dax-xogħol minn Fra Jean l’Evesque de La Cassiere, li kien il-Gran Mastru ta’ Malta bejn is-snin 1572 u l-1581. Is-sett ta’ affreski tal-Assedju l-Kbir tal-1565 kellu l-iskop li jikkommemora dawn il-ġrajjiet tremendi imma erojċi li kienu ġraw xi ftit tas-snin qabel. M’hemmx xi ngħidu, rebħa monumentali bħal dik li kisbu l-kavallieri f’pajjiżna, kienet ġibdet ir-rispett u l-ammirazzjoni ta’ bosta pajjiżi, tant li l-Ordni mhux talli reġgħet ġiet fuq saqajha imma saret akbar milli qatt kienet qabel. Illum dawn l-affreski jinsabu f’waħda mis-swali tal-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta u huma xhieda ta’ dak li għadda minnu pajjiżna fis-sena 1565.
It-taqtigħa bejn l-Ordni u t-Torok
altGħal mijiet ta’ snin, il-Kavallieri ta’ San Ġwann u l-Ottomani kienu mqabbdin f’xulxin kemm fuq kwistjoni ta’ reliġjon u anki minħabba l-għatx li kellhom għall-poter sabiex jakkwistaw l-artijiet.
Għalkemm oriġinarjament, l-Ordni kellha l-funzjoni li tilqa’ u tieħu ħsieb il-pellegrini li kienu jaslu f’Ġerusalemm, maż-żmien din evolviet f’natura militari sabiex tiddefendi b’mod attiv il-pellegrini u r-reliġjon Kristjana. Naturalment, dan l-aġir tal-kavallieri, ma damx ma daħħalhom f’taqtigħat mal-Musulmani, u aktar ma għaddew is-snin, dan il-ġlied beda jiżdied fil-feroċità tiegħu.
Hekk kif l-Ordni bdiet tikseb is-simpatija tan-nobbli, tar-rejiet u tal-Papiet, din bdiet tiġbed lejha wkoll bosta donazzjonijiet ta’ flus, rikkezzi, artijiet u privileġġi. B’hekk beda jikber ukoll il-poter tal-membri tagħha u dan wassal biex attira diversi tfal tan-nobbli li bdew jieħdu l-voti sabiex isiru kavallieri.
L-Ordni ta’ San Ġwann f’Rodi
L-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann damet f’Ġerusalemm sal-1187, sakemm finalment, din il-belt waqgħet taħt il-kmand tas-Sultan Saladin. B’hekk il-kavallieri kellhom jibdlu l-kwartieri tagħhom u jimxu lejn Margat fis-Sirja, imbagħad f’Acre fi Tripli u eventwalment f’Limassol f’Ċipru. Madanakollu, x-xewqa tal-kavallieri kienet li jirnexxilhom jakkwistaw il-gżira ta’ Rodi, u fl-1309, huma rebħuha mingħand il-Biżantini.
Il-kavallieri ma damux ma għarfu u sarrfu l-kwalitajiet ta’ Rodi li kienet gżira b’pożizzjoni tassew strateġika hekk kif din kienet tgħaqqad id-dinja tal-Lvant ma’ dik tal-Punent. Huma bidlu lil din il-lokalità f’belt iffortifikata u maż-żmien, bnew flotta liema bħalha li bdiet tattakka b’mod regolari x-xwieni tal-Ottomani. Iżda dan ma kienx biżżejjed għall-kilba tal-poter u l-flus għax apparti x-xwieni, l-Ordni bdiet taħbat ukoll għal xi bliet u kastelli Ottomani, sakemm finalment, it-Torok ġew urtati mhux ħażin.
Il-kavallieri kienu saru xewka tweġġa’ ħafna qalb l-imperu Ottoman u t-Torok ma tħallew bl-ebda għażla ħlief li jaraw kif se jsibulhom tarfhom. Huma attakkaw lil Rodi għal diversi drabi imma qatt ma rnexxielhom iġibuha żewġ. Sakemm finalment, fl-1522, Sultan Suleiman ħa r-riedni f’idejh u ma qagħadx bi kwietu qabel niżżel il-kavallieri għarkupptejhom wara sitt xhur ta’ kumbattimenti. Fuq deċiżjoni tal-istess sultan, l-Ordni tħalliet titlaq minn Rodi b’mod ċivili u dakinhar anki numru ta’ nies minn Rodi ngħataw il-libertà li jsegwuhom. Ftit kien jaf Suleiman, kemm xi snin wara, huwa kien ser jiddispjaċih bil-kbir talli wera tant irġulija mal-kavallieri.
Il-Kavallieri jsibu ruħhom Malta
Infatti, wara li l-kavallieri għamlu seba’ snin iterrqu u jsalpaw minn art għall-oħra, mingħajr l-ebda post li setgħu isejħulha darhom, huma ġew mogħtija l-gżejjer tagħna mill-Imperatur Charles V. Kien l-14 t’Ottubru 1530 meta huma middew l-ewwel passi tagħhom fuq l-art li eventwalment kellha tifforma parti tant importanti mill-istorja tal-Ordni.
Anki Malta nzertat li kellha pożizzjoni ġeografika sinifikattiva ħafna bħal dik ta’ Rodi, hekk kif din kienet tinsab f’nofs il-Mediterran bejn l-Ewropa u l-Afrika. Naturalment, il-kavallieri ma damux ma bnew fuq dan il-potenzjal sabiex jibdlu lil Malta f’fortizza. Filwaqt li n-nobbli ta’ Malta kienu jgħixu fl-Imdina, il-kavallieri ppreferew jistabbilixxu ruħhom il-Birgu, l-aktar minħabba l-viċinanza tal-baħar. Dak iż-żmien, il-Birgu kien jikkonsisti biss f’raħal ċkejken tas-sajjieda li kellu kastell antik. Imma l-paġna ta’ dan il-post ma damitx ma nqalbet ta’ taħt fuq meta l-kavallieri bdew jibnu l-palazzi tagħhom u l-parroċċa tal-Birgu nbidlet fil-Knisja Konventwali tal-Ordni.
It-Torok jaħilfu li jeqirdu l-Ordni darba għal dejjem
altFi ftit tas-snin, l-Ordni reġgħet issaħħet u l-qawwa tal-flotta tagħha bdiet tintuża biex mill-ġdid tattakka x-xwieni tal-Ottomani li kienu jsalpaw fl-ibħra tal-qrib. Il-ġarra ġejja u sejra fl-aħħar tinkiser u l-istorja rrepetiet ruħha, hekk kif mill-ġdid, it-Torok daħħluha f’rashom li jrażżnu lill-Ordni – issa, darba għal dejjem.
Il-kavallieri kienu ilhom jisimgħu mingħand l-ispiji tagħhom li l-Ottomani kienu qed jippjanaw attakk kbir għal fuq Malta u min-naħa tagħhom, huma bdew jippruvaw jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jippreparaw il-gżira sabiex tilqa’ għal dan l-assedju. Madanakollu, hekk kif il-kavallieri sabu l-flotta massiċċa tat-Torok ma’ wiċċhom fl-għodwa tat-18 ta’ Mejju tal-1565, huma baqgħu bla kliem.
Poeta jikteb djarju waqt li qed jieħu sehem fl-assedju
Minn hemm bdew il-battalji ħorox bejn il-kavallieri u l-Ottomani li damu għaddejjin sa erba’ xhur wara. Fatt kurjuż huwa illi fost is-suldati li kienu qed jipparteċipaw f’dan l-assedju flimkien mal-Ordni, kien hemm ukoll min niżżel xi noti dwar dak li kien qed iseħħ.
Fost dawn, kien hemm Francesco Balbi di Correggio, poeta li kien jikteb bit-Taljan u bl-Ispanjol. Waqt l-assedju, huwa kellu 60 sena, u kien għażel li jservi bħala suldat minħabba li kien qed jgħix f’povertà kbira. Ta’ kittieb li kien, waqt dawn it-taqtigħat storiċi, huwa żamm djarju fejn kważi ġurnata b’ġurnata jirrakkonta d-dettalji ta’ dak li għaddew minnu hu, sħabu u l-bqija tal-kavallieri, l-Maltin u t-Torok. Meta l-assedju spiċċa, huwa ra kif għamel biex ippubblika d-djarju tiegħu u llum xogħlu huwa meqjus bħala wirt storiku importanti ferm.
Bis-saħħa ta’ Balbi, illum, wara 450 sena, aħna nistgħu nsegwu pass pass kif żvolġa dan l-avveniment, kif ittieħdu d-deċiżjonijiet, l-iżbalji u l-istrateġiji effettivi li seħħu u diversi esperjenzi oħra.
Blog ta’ Heritage Malta dwar l-Assedju l-Kbir
altSabiex taqsam dawn il-ġrajjiet interessanti mal-pubbliku, hekk kif dis-sena qed jiġi kkommemorat l-450 anniversarju mill-Assedju l-Kbir, Heritage Malta organizzat blog elettroniku fejn wieħed jista’ jaqra silta kuljum tal-aħbarijiet li jkunu ġraw f’dik il-ġurnata partikolari. F’dan il-blog, ma jonqsux ukoll xi fatti mhux tas-soltu u oħrajn kemxejn kurjużi. Fl-istess blog, il-pubbliku se jkun jista’ jiskopri wkoll informazzjoni dwar numru ta’ oġġetti relatati mal-Assedju l-Kbir li bejn l-4 ta’ Settembru u s-6 ta’ Diċembru 2015, se jkunu qed jiffurmaw parti minn esebizzjoni internazzjonali li se tittella’ minn Heritage Malta fil-Kmamar Statali tal-Palazz tal-Gran Mastru l-Belt. Barra minn hekk, il-qarrejja ta’ dan il-blog se jkunu wkoll infurmati dwar id-diversi attivitajiet oħra relatati ma’ dan il-perjodu storiku li ser ikun qed jittellgħu minn żmien għall-ieħor.
Waħda min dawn l-attivitajiet li ġġib l-isem 1565:First and Last Hope se tiġi organizzata fil-Forti Sant’Iermu bejn is-26 u t-28 ta’ Ġunju 2015. Hawnhekk, diversi atturi popolari Maltin ser ikunu qed jagħtu l-ħajja mill-ġdid lil uħud mill-avvenimenti li seħħu waqt l-assedju, filwaqt li jinvolvu anki lill-pubbliku preżenti.
Il-blog tal-assedju qiegħed jinkludi wkoll xi filmati relatati ma’ dan iż-żmien. Intant, bħalissa, wieħed jista’ jsegwi filmat qasir li jirrakkonta d-destin kiefer tal-Kappella ta’ Sant’Anna li tinsab fil-Forti Sant’Iermu.
Il-poplu Malti qed jiġi mħeġġeġ isegwi dan il-blog sabiex jagħraf dak li għaddew minnu missirijietna u b’hekk japprezza aktar il-ħila ta’ niesna, il-kapaċità militari tal-Ordni, l-istorja tal-fortifikazzjonijiet u mitt ħaġa oħra. Fl-istess ħin, huwa qed jiġi mistieden jaqsam ħsibijietu dwar dak li jkun qed iseħħ billi jħalli l-kummenti tiegħu fil-blog stess.
Tista’ tibda tinvolvi ruħek mil-llum stess billi tidħol www.heritagemalta.org/1565
(Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela MINN RITRATT (13 il-Parti) fit-Torċa tal-14 ta’ Ġunju 2015)