Dawk l-Imgħarrqin Żewġ Ċagħkiet!
Darba waħda n-nanna kienet irrabjata bil-kbir għal Luca, wara li sabet xi ġugarelli żgħar tal-plastic fil-borma tal-istuffat. Aktarx li kien tefagħhom hemm minn wara daharha, avolja baqa’ jiċħad li għamilhom hu. In-nanna setgħet tobsor li din kienet xi biċċa xogħol minn tiegħu għax kienet taf biżżejjed x’kien isarraf. Bagħtitu ’l hemm, ma jmurx jivvintalha xi ħaġa ġdida, u hu tela’ fuq. Kien mingħalih li n-nannu kien se joqgħod iżiegħel bih, iżda dan ukoll kien mgħaddab għalih. Beda jaħseb ħażin fih meta sab l-istatwetta tal-kristall ta’ fuq l-iskrivanija f’elf biċċa. Kien tassew iddispjaċut, għax ma kontx issib tixtri oħra bħalha minn kullimkien. Luca għalxejn ħabbat mal-bieb tal-kamra. In-nannu ma riedx jiftaħlu. Rabba n-nervi għax in-nanniet ma riduhx ma’ saqajhom.
Luca tela’ jiġri fuq il-bejt għall-kwiet biex igawdi ftit ix-xemx. Dakinhar in-nannu ma kienx se jtajjarlu t-tajra u n-nanna ma kinitx se tilgħab miegħu bil-ballun. Kienu ħallewh waħdu bħala kastig. Qagħad bilqiegħda fejn il-bieb tal-bejt u qagħad jaħseb ftit. Issa kien wasal biex jagħmel il-preċett u ma kienx jixraqlu li jibqa’ daqshekk imqareb u jinkwieta lin-nanniet. Ħaseb li kellhom raġun jirrabjaw għalih, għax żgur li ma kienx ħaqqhom hekk daqskemm kienu jħobbuh. Wiegħed lilu nnifsu li jibda jrabbi l-għaqal mil-lum ’il quddiem.
F’daqqa waħda nstema’ ħoss kbir fis-sema li kiser is-skiet, li kont taqtgħu b’sikkina. Luca ħares ’il fuq u lemaħ ajruplan għaddej. Qam bilwieqfa biex jarah aħjar u resaq lejn iċ-ċint tal-bejt. Wara ftit sema’ lin-nanniet iwerżqu tweżiqa tal-biża’. Bla ma induna Luca kien laqat iż-żewġ ċagħkiet imdaqqsa ta’ fuq iċ-ċint waqt li kien qiegħed iserraħ dahru miegħu, hu u jħares lejn l-ajruplan għaddej fil-bogħod. Iċ-ċagħkiet waqgħu għal isfel u spiċċaw fil-bitħa. Dak il-ħin in-nanniet inzertaw qegħdin isaqqu l-qsari, u l-Bambin ħabbhom li ma ntlaqtux u ma waqgħux mejtin fuq xulxin! Minnufih bdew isejħu lil Luca, għax beżgħu li hu kien waddabhom minn fuq iċ-ċint tal-bejt.
Iżda Luca kien għosfor minn hemm fuq malli ntebaħ x’kien ġara. B’għaġeb kbir in-nanniet sabuh qiegħed taparsi jaqra ktieb fil-kamra tagħhom meta telgħu jfittxuh. Hu għamel tabirruħu li ma kien jaf b’xejn.
Allaħares kellu jgħidilhom il-verità kollha ta’ kif seħħet il-ġrajja, għax kieku ma kinux jemmnuh li m’għamilx hekk apposta! Malajr kien ikollu jrabbih l-għaqal imbagħad, għax min jaf x’kienu jagħmlulu! Ħassu kuntent li tal-inqas kien irnexxielu jiżgiċċa minn dil-biċċa. La ma kellhomx f’min iwaħħlu, weħel magħhom ir-riħ li kien ċaqlaq dawk iż-żewġ ċagħkiet, meta dakinhar lanqas żiffa ma kienet għaddejja. Luca tahom raġun għax hekk qabillu jagħmel.
Kejk Jaħraq
Charmaine Tanti M.A.
Meta Elise u Luca ma kienx ikollhom skola, kien l-hena tagħhom li jagħmlu xi ħaġa mhux tas-soltu. Daqqa kienu jfarfru l-kamra tagħhom, daqqa kienu jgħinu lill-papà jaħsel il-karozza, u ġieli saħansitra kienu jonxru l-ħwejjeġ jew jaħslu l-platti. Għodwa waħda inzertat festa pubblika u fettlilhom riedu jsajru. Qamu ppreparati minn filgħodu biex jagħmlu kejk bħal dak li kienet sajret waħda mara waqt il-programm ta’ waranofsinhar fuq it-televixin xi jiem qabel.
Ir-riċetta tal-kejk kienet sempliċi għall-aħħar, iżda l-mamà qajla kellha aptit taqla’ imbarazz u ħmieġ fil-kċina. Elise u Luca wegħduha li jgħinuha fit-tindif la jlestu l-kejk, u bis-soltu żegħil u ħlewwa tagħhom ġiegħlu lill-mamà tgħid iva u tħallihom isajru. Tgħidx kemm qabżu bil-ferħ għax kienet għaddiet tagħhom!
Elise u Luca ma tilfux ħin u libsu l-fradal f’kemm ilni ngħid. Il-mamà wiżnitilhom l-ingredjenti meħtieġa għall-kejk, skont ir-riċetta, u mbagħad newlithomlhom. Fi skutella kbira tal-plastik ħalltu flimkien id-dqiq, il-bajd, il-butir, iz-zokkor, il-ħalib, il-baking powder u ż-żbib. Sakemm it-tfal qagħdu jħawdu l-kejk il-mamà warrbet ftit, għax il-papà qalilha li Peter kien qabdu l-għatx.
Tistgħu taħsbu kemm Elise u Luca ħadu gost iħawdu l-kejk ftit kull wieħed bl-imgħarfa tal-injam! Dakinhar kienet l-ewwel okkażjoni tagħhom li fiha kienu qegħdin isajru xi ħaġa, u għalhekk ma ridux joħorġu ta’ ħmir. F’salt wieħed Elise ftakret li kienu nsew iżidu ftit mixed spice mat-taħlita tal-kejk, bħalma kienu raw fuq it-televixin. Dlonk telgħet fuq siġġu u mill-armarju tal-kċina ħadet l-ewwel bott tal-ħwawar li rat quddiem għajnejha. Imbagħad żiedet ftit kuċċarini minnu mat-taħlita tal-kejk u reġgħet poġġietu f’postu. Sa ma ġiet lura l-mamà fil-kċina, it-taħlita kienet lesta f’reċipjent u hi qegħditu fil-forn.
Elise u Luca għenu lill-mamà tiżbarazza u tnaddaf il-kċina, kif kienu ftiehmu magħha qabel, biex ma toqgħodx tgerger. Xi nofs siegħa wara l-kejk kien lest, u l-mamà ħarġitu mill-forn u ħallietu jibred. Elise u Luca kienu mejtin biex jaqsmuh ħalli jaraw jekk ħarġux gwappi daqs il-koka tat-televixin. Kienu beħsiebhom idewquh lin-nanniet ukoll, minbarra lill-mamà, lill-papà u lil Peter, ħalli jaqilgħu l-prosit mingħandhom.
Iżda oħroġ il-għaġeb ħadd ma felaħ jieklu l-kejk, u bir-raġun! Kif kont tieħu mqar gidma minnu, f’ħalqek kont tħoss ħruq akbar min-nar tal-infern, u kien ikollok tixrob ftit ilma mhux ħażin sakemm jgħaddilek! Tgħid għaliex kien jaħraq daqshekk il-kejk? Mhux suppost li kellu ingredjenti jaħarqu fih. Elise u Luca mhux talli ma qalgħux tifħir, imma talli l-kejk kellu jintrema. Ħadd ma seta’ jifhem x’kien ġara, iżda qalb Elise għamlet tikk. Intebħet li kienet għamlet balbuljata meta żiedet il-curry mat-taħlita tal-kejk minflok il-mixed spice! Mhux ta’ b’xejn li l-kejk kien jaħraq! Qalet lil Luca bl-iżball oħxon li għamlet, u t-tnejn ftiehmu li l-biċċa tibqa’ bejniethom biss, għax inkella kienu jaqgħu għaċ-ċajt.
Meta mbagħad għadda ż-żmien u Elise u Luca reġgħu sajru l-istess kejk, qagħdu attenti ferm mill-iżbalji u ħarġu kburin bir-riżultat. Din id-darba l-kejk ittiekel kollu. Tant intgħoġob li l-familja kollha kienet kelma waħda: “Kemm jafu jsajru Elise u Luca, Alla jberikhom!’’ Minn dakinhar ’l hemm Luca u Elise baqgħu jsajru l-kejkijiet favoriti tagħhom u jdewquhom lil kulħadd.
Rigal mhux Mistenni għal Jum il-Missier
Charmaine Tanti M.A.
Kollox kien miexi ħarir, sakemm il-mamà nbidlet mil-lejl għal nhar. Filli kienet tmur għax-xogħol kuljum, u filli bdiet tibqa’ d-dar, tistrieħ fuq is-sufan, u tara t-televixin jew taqra ktieb. Is-soltu mhux biss kienet tlaħħaq mal-karriera tagħha, iżda anki mal-faċendi tad-dar. Issa bilkemm kienet għadha tmiss biċċa tal-art b’idha. Lil Luca u lil Elise bdiet ta’ spiss tibgħathom jilagħbu f’kamrithom għax ma kinitx tiflaħhom jagħmlu l-istorbju fil-kċina. Meta l-papà kien idoqq xi ftit diski Taljani fi tmiem il-ġimgħa, il-mamà kienet tmur tistrieħ minflok ma tiċċaqlaq mar-ritmu u tkanta l-lirika, bħal qabel.
Din l-imġiba stramba tal-mamà ma waqfitx hawn. Meta qorob Jum il-Missier, hija ma wriet ebda entużjażmu, bħas-snin l-oħra. Elise u Luca baqgħu skantati kif ma kienet ħadithom imkien biex jixtru rigal u kartolina lill-papà. Huma bdew jinkwetaw, u jitnikktu għax ħasbu li kien ġralha xi ħaġa lill-mamà, u ma kienet uriethom b’xejn. Jekk lill-papà ma setgħux jagħtuh rigal għax kienu għadhom żgħar wisq biex imorru jixtru waħidhom, huma kienu jafu jagħmlulu kartolina sempliċi! Lejlet Jum il-Missier, Elise qasqset ftit karti bojod, u waħħlithom flimkien bil-kolla. Luca sab stampa sabiħa ta’ plejer tal-futbol mill-magazine, u waħħalha fuq in-naħa ta’ quddiem tal-kartolina. Imbagħad, Elise kitbitlu fuq in-naħa ta’ wara b’ittri kbar: ‘INĦOBBUK, PAPÀ!’
L-għada filgħodu wara l-quddies, il-familja kollha nġabret madwar il-mejda tal-ikel. Il-papà ferra’ t-te lil kulħadd, u ħareġ platt fond mill-armarju, u mlieh bil-gallettini taċ-ċikkulata. Elise marret tiġri f’kamritha, u ġabet il-kartolina. Marret tagħtiha lill-papà, u hu tgħidx kemm ħa gost biha. Il-mamà bdiet titbissem. Issa kien wasal il-waqt li tiżvela s-sorpriża, li kienet ilha taħmi għal dawn l-aħħar ġimgħat.
Il-papà ma riedx jemmen lil widnejh meta ħa l-aħbar, li se jerġa’ jsir missier. Dan kien l-aqwa rigal, li seta’ jaqla’ dakinhar, propju fil-ġurnata ddedikata lilu. Il-Bambin kien reġa’ ftakar fihom u kien se jagħtihom ġawhra oħra. Elise u Luca mhux biss ferħu li kien se jkollhom żieda fil-familja, iżda ħassewhom li qegħdin jerfgħu biċċa mir-responsabbilita` wkoll. Ma kinux jaraw is-siegħa u l-mument li jaraw lit-tarbija l-ġdida fid-dar tagħhom, u tgħidx kemm ħadu gost iduru l-ħwienet mal-mamà u l-papà biex jixtrulha l-ħwejjeġ u l-ġugarelli. Ftit tax-xhur wara, twieled Peter, ġmiel ta’ tifel, kemmxejn samrani, u b’għajnejh kbar, żoroq. Malli rawh, Elise u Luca stħajluh pupu tal-laħam, u ma kinux jiċċaqalqu minn ħdejh ħlief biex imorru l-iskola. Il-mamà u l-papà raddew ħajr lill-Mulej talli kompla jżejnilhom ħajjithom b’dan it-teżor. Il-papà kien ferħan id-doppju li kien twelidlu tifel għax kien diġà deċiż li jibda jibagħtu jittrenja l-futbol ma’ ħuh Luca la jitfarfar ftit. Miskina l-mamà! Aktar ma kien idejjaqha l-futbol, aktar kienet se tibqa’ mwikkija bih.
L-Għajbien tal-Portmoni
Charmaine Tanti M.A.
Il-portmoni tan-nanna Marija kien għosfor. Fittex u ġib lil min ifittex, imma kien kollu għalxejn. In-nanna kienet għoddha tilfet rasha, għax dak il-portmoni ma kienx fih biss flus, iżda anki l-karta tal-identità, il-Kartanzjan u xi karti oħra importanti. Ħaditha bl-ikrah man-nannu Ġużi għax bdiet twaħħal fih li kien ħadhulha biex jonfoq xi ftit flus f’te u żewġ pastizzi l-każin. Iżda hu kien ilu x-xhur ma jersaq ‘l hemm, jekk mhux ukoll is-snin. Wara ħafna battibekki, in-nanna emmnitu li ma kienx messilha l-portmoni, għax wara kollox in-nannu dejjem kien iħallihulha f’postu, fejn l-armarju tal-kċina, meta kien jeħdilha xi flus minnu. Mela fejn seta’ mar il-portmoni? Tgħid kien rabba s-saqajn f’daqqa waħda?
Moħħ in-nanna kompla jdur bħal raddiena. Bejnha u bejn ruħha fettlilha li Elise, Luca u Peter setgħu ħadulha l-portmoni biex jixtru xi ħaġa bil-moħbi ta’ kulħadd. Il-mamà u l-papà qallbu kull rokna tad-dar u saħansitra fittxu fil-karozzi tagħhom ukoll, iżda ebda portmoni mhux tagħhom ma ġie f’idejhom. In-nanna dlonk indunat li kienet żbaljat meta ħasbet ħażin fihom. In-neputijiet tagħha kienu fuq ruħhom kemm trid, imma żgur li qatt ma kienu se jaslu biex jisirqulha l-flus, daqskemm kienu tfal bil-għaqal.
Billejl in-nanna ma setgħetx tagħlaq għajn m’għajn. Kompliet thewden dejjem aktar forsi xi darba ssib tarf din il-biċċa tal-portmoni, li dakinhar filgħodu kienet ħaditu magħha għax-xiri u mbagħad ma ratux iżjed. Tgħid kien seraqhulha xi ħadd? Tgħid kien waqgħalha barra t-triq? Tgħid tmur sal-għassa tal-pulizija għall-għajnuna la jisbaħ? In-nanna bdiet iddur u titqalleb f’sodditha b’moħħha jitqal bil-ħsibijiet misterjużi. Marret għajnha biha meta qabad ibexbex, iżda kif daqqu s-sebgħa qamet u libset f’ħakka t’għajn biex tfittex tmur tixtri l-ħobż u l-ħalib qabel ma jqum in-nannu Ġużi. Qabel ħarġet ħadet xi ħaġa tal-flus mill-kexxun tal-gradenza u tefgħethom fil-but tal-ġakketta flimkien maċ-ċavetta tad-dar, billi ma kellhiex portmoni ieħor fejn tpoġġihom.
Lanqas laħaq lemaħha Raymond fil-bieb tal-ħanut tiegħu li ma staqsihiex jekk kinitx taf ta’ min kien il-portmoni kbir u aħmar li kien ħalla xi ħadd warajh għandu l-jum ta’ qabel. Qalb in-nanna għamlet tikk u dlonk ġiet f’sensiha. Mela l-portmoni kienet insietu warajha għand tal-merċa u lanqas biss intebħet! Lanqas ħaqq kemm ħabblet moħħha bil-ħsibijiet biex imbagħad sabitu hemm, ħelu ħelu! Dlonk ftakret li l-ġurnata ta’ qabel kienet għamlet xirja mdaqqsa mingħand Raymond, u wara li ħallsitu tagħha, il-portmoni kienet telqitu fejn il-cash register sakemm ġabret l-affarijiet kollha fil-basket, u mbagħad baqgħet ħierġa ‘l barra mill-ħanut mingħajru. Lil Raymond qaltlu li dak il-portmoni kien tagħha u talbitu jagħtihulha. Ħassitha ferħana se ttir u wiċċha reġa’ ħa r-ruħ malli qabditu f’idejha, u ħaditu magħha lejn id-dar. Kollox kien għadu fejn kien, u ħadd ma kien serqilha jew ċaqalqilha xi ħaġa minnu. In-nannu Ġużi, il-mamà, il-papà u n-neputijiet tgħidx kemm ħadu gost li l-portmoni kien, fl-aħħar, instab! Għalkemm wara dik il-kedda n-nanna spiċċat bi wġigħ ta’ ras qawwi, issa setgħet isserraħ moħħha darba għal dejjem u ma tkomplix tinkwieta lejl u nhar, għax l-inkwiet mhu tajjeb għal ħadd, aħseb u ara għal min hu tal-età tagħha!
Il-Pupa Wisq Għażiża
Charmaine Tanti M.A.
Elise kellha ġugarell wisq għal qalbha, u dan kien il-pupa kbira liebsa ta’ prinċipessa, li kienet qalgħet mingħand Father Christmas. Mill-ewwel inkarmet għaliha u l-mamà ħasbet li, wara ftit taż-żmien, il-pupa kienet se ssib ruħha mwarrba f’xi rokna qalb il-ġugarelli l-oħrajn. Pero` kienet marret żmerċ għax iżjed m’għadda żmien, Elise wrietha li ma kinitx tgħaddi mingħajrha. Kieku mhux għax kienet tibża’ li xi ħadd minn sħabha seta’ jeħodhielha, kienet saħansitra ġġorrha magħha l-iskola wkoll. Iżda malli tasal id-dar, Elise kienet taqbadha f’idejha u ma titlaqhiex biex donnha tpatti għall-ħin li fih ma kinitx tgawdiha. Tant kienet tistħajjilha ħlejqa tad-demm u l-laħam, li kull filgħaxija kienet traqqadha magħha u tħaddanha biex ma tibżax rieqda fid-dlam. Meta kibret ftit, bdiet ukoll tqegħedha bilqiegħda fuq il-mejda tal-kċina u tqatta’ s-sigħat tkellimha, tipprova tgħallimha xi ħaġa milli tkun qaltilhom l-għalliema fil-klassi, jew taparsi titmagħha xi biċċa ħobż jew xi ftit ċikkulata. F’kelma waħda, il-pupa kienet saret qisha oħtha ż-żgħira.
Luca ma kienx jieħu daqshekk gost xħin jara lil oħtu mwaħħda daqstant mal-pupa u kien iħoss li din ix-xi ħaġa tal-plastic kienet ħaditlu postu f’ħajjitha. Kien jixtieq li Elise wkoll tilgħab miegħu, meta tkun id-dar, għax ma kienx irid jilgħab dejjem ma’ ħuh, Peter biss. Huwa tgħidx kemm kien iħarsilha bl-ikrah lill-pupa, u kieku seta’ kien jisparixxiha ħalli oħtu tibda tagħti kasu bħal qabel.
Darba fost l-oħrajn, Luca daħal baxx baxx fil-kamra tas-sodda, ħataf il-pupa minn fuq il-komodina, qalgħalha rasha, idejha u saqajha, sabbatha mal-art bl-herra u telaq `l hemm. Dak il-ħin, Elise kienet għand in-nanniet u l-mamà u l-papà kienu fil-garaxx qegħdin jaħslu l-karozzi tagħhom. Peter kien rieqed fil-fond fuq is-sufan. Wiċċ Elise sfar lelluxa hekk kif waslet id-dar u rat x’kien ġralha l-pupa, li kienet tant tħobb. Ma riditx tieqaf tibki u l-mama` u l-papà tassew tħassruha għax qalbha riedet tinqasam bid-diqa kbira li ħasset fiha.
Il-mamà u l-papà rrabjaw ma’ Luca bil-kbir meta, sa fl-aħħar, tgħarrfilhom li hu kien kisser il-pupa, iżda lil Elise ma wrewhiex biex ma tiġġilidx miegħu u l-biċċa titwal. Minflok, il-mamà għamlet tabirruħha li waqqgħatilha hi l-pupa xħin kienet qiegħda tfarfar il-komodina tal-kamra tas-sodda. It-tifla dendlet geddum sal-art, u l-mamà riedet issib mezz kif tqajjimha ftit fuq tagħha u tagħmlilha l-kuraġġ. Għalhekk, qaltilha biex kull filgħaxija qabel ma torqod, titlob lill-Bambin ħalli jagħtiha pupa ġdida. Elise, li ħassitha tassew stramba mingħajr il-pupa, bdiet ta’ kuljum toqgħod għarkupptejha għal ftit ħin fuq is-sodda tagħha, torbot idejha flimkien u tlissen talba ċkejkna biex forsi l-Bambin ikollu ħniena minnha. Il-mamà kienet tiggustaha wisq meta taraha titlob b’dik il-ħrara u b’dik l-innoċenza kollha.
Meta kienet għoddha tilfet it-tama li l-Bambin jisma’ talbha, Elise sabet pupa oħra, eżatt bħal dik li kellha, tistennieha fuq is-sodda, meta darba waħda ġiet id-dar mill-iskola. Hija nfexxet taqbeż u togħla bil-ferħ u dlonk ħadet ir-ruħ. Il-mama` u l-papa` setgħu jobsru kemm it-tifla kienet se tkun fis-seba’ sema. Luca ma ried qatt jirrepeti dak li għamel lil oħtu għax kien iddispjaċieh ħafna meta ra kemm il-pupa kienet għażiża għaliha. Ma setax jibqa’ egoist u jippretendi li oħtu tilgħab miegħu biss u ma tilgħabx bil-ġugarelli minħabba fih. Iżda l-akbar kurżita` kienet dwar min kien poġġielha pupa ġdida fuq is-sodda lil Elise. Il-Bambin kien jaf li Elise kienet tifla brava u qalbha tajba, u għaldaqstant kien ipprovda xi ħaġa żejda tal-flus lill-mama` u lill-papa` fl-aħħar tax-xahar biex setgħu jixtrulha pupa oħra u jagħmluha kuntenta.
Il-Poeżija Rebbieħa
Charmaine Tanti
Matul is-sajf, il-mamà kienet taħdem bin-nofstanhari. Kien ikollha aktar ħin liberu mix-xitwa, li fih setgħet tnaddaf id-dar, taħsel il-ħwejjeġ u tistrieħ xi ftit. Kif tasal id-dar mix-xogħol, kienet tiekol xi ħaġa żgħira tal-ikel u l-frott, u wara tintefa’ fuq is-sodda għax is-sħana kienet tħalliha bla saħħa. Is-skiet ta’ madwarha kien idejjaqha u għalhekk kienet tiftaħ ir-radju ta’ fuq il-komodina biex ikollha kumpanija.
Ta’ kuljum, fost il-ġimgħa kien ikun hemm programm fuq wieħed mill-istazzjonijiet tar-radju, li dejjem kien jibda għall-ħabta tal-erbgħa ta’ wara nofsinhar. Il-programm kien jismu “Lenti Fuq Il-Malti” u kien iddedikat kollu kemm hu lil-lingwa u lill-poeżija Maltija.
Il-mamà kien l-għors tagħha tisimgħu għax kien iġibilha bosta memorji sbieħ tal-lezzjonijiet tal-Malti ta’ tfulitha, li kienet tattendi għalihom b’tant ħerqa l-iskola. Anki għall-eżamijiet tal-Malti dejjem stinkat u studjat għalihom bil-ħeġġa u ta’ kull sena kienet tiġi l-ewwel fihom minn fost xi disgħin studenta. Elise kienet fula maqsuma magħha minħabba li fil-Malti kienet tibbrilla wkoll u tkaxkar il-premjijiet l-iskola. Dnub li fil-ħin tal-programm ma kinitx tkun hemm, iżda fil-vaganzi hi u ħutha ma tantx kienu jfittxu l-kenn tad-dar.
Darba minnhom, il-preżentatur għamel kompetizzjoni ferm interessanti għas-semmiegħa tiegħu. Kienet tikkonsisti f’kitba ta’ poeżija qasira u min kien imħajjar, kellu biss ġimgħa ċans biex jieħu sehem fiha. Il-mamà ħatfet l-opportunità u daħlet għall-kompetizzjoni b’ruħha u b’ġisimha. Riedet tittanta xortiha u tikteb poeżija ta’ ftit versi għall-ewwel darba f’ħajjitha dwar uliedha li għaliha kienu kollox. Damet taħseb x’versi se tikteb, u n-nannu Ġużi għamlilha kuraġġ ta’ sur biex tipparteċipa. Meta l-versi kienu ċari f’moħħha, qagħdet bilqiegħda u ħarbxithom fuq karta:
Uliedi
Uliedi tassew ħelwin.
Jinkwetawni mhux ħażin
Għax ftit jew wisq imqarbin.
Iżda huma tfal tajbin
Kif iridhom il-Bambin,
Għax iħobbu lil xulxin.
Wara li lestiet din il-biċċa kitba li semmietha “Uliedi”, il-mamà marret tiġri turiha lin-nannu Ġużi, li tgħidx kemm ferħilha tal-isforz li għamlet għax tassew kellha xogħol tajjeb. Kienet poeżija sempliċi għall-aħħar, li kienet tikxef kemm il-mamà kienet kburija b’uliedha. In-nanna Marija u l-papà wkoll ħadu gost jaqraw din il-poeżija hekk ħelwa. Imbagħad il-mamà ttajpjatha pulita u bagħtitha bid-dettalji tagħha mehmużin magħha lill-programm tar-radju.
L-eċċitament tagħha beda jiżdied dejjem iżjed ma’ kull jum li jgħaddi, u meta waslet il-ġurnata tant mistennija, il-mamà kellha seba’ mitt sena sakemm jibda l-programm. Qalbha bdiet tħabbat sitta sitta xħin il-preżentatur kien se jħabbar ir-rebbieħ tal-kompetizzjoni, u waħħlet widintha mar-radju biex tisma’ sew. Kif intqal l-isem tar-rebbieħ, il-mamà ma riditx temmen lil widnejha u kienet għoddha mietet bil-ferħ. Minnufih, ċemplulha l-papà u n-nanniet biex jgħidulha prosit għax kienu għadhom kemm semgħu isimha jissemma’ bħala r-rebbieħa tal-kompetizzjoni tal-aqwa poeżija. Dakinhar il-papà kompla jikkonferma kemm il-mamà kienet tinqala’ għal kollox, u bis-saħħa tal-kapaċita` tagħha, Elise, Luca u Peter gawdew il-premju li rebħet. Il-vawċer ta’ tmenin ewro f’xiri ta’ kotba, li rċeviet xi ħmistax wara bil-posta mingħand l-isponsor tal-kompetizzjoni, nefqitu kollu għalihom biex ikollhom ħafna kotba x’jaqraw u b’hekk tgħinhom jitjiebu iżjed fil-Malti.
TMIEM
Il-Fantażma fl-Appartament
L-ikbar biża’ li kellhom Elise u Luca kienet mill-fantażmi. Meta ġieli kienu jmorru għand in-nannu Ġużi, u kien jibda jirrakkuntalhom xi storja tal-waħx, malajr kienu jsoddu widnejhom, u jitilqu jiġru `l hemm. Ma kinux ċerti jekk il-fantażmi kinux jeżistu għax qatt ma kienu rawhom, sakemm ġrat xi ħaġa mhux tas-soltu.
Kienet lejla sajfija fl-aħħar ġimgħa ta’ Ġunju. Kienet sħana toqtol, u għalhekk Luca u Elise ma ħasbuhiex darbtejn, u ħarġu fit-terazzin għall-frisk. Id-dawl isfar ċar tal-arblu tad-dawl kien idawwal it-triq kollha, li dak il-ħin kienet baħħ. Elise u Luca ma beżgħux b’daqshekk, u ntefgħu bilqiegħda fuq is-siġġijiet tal-injam. F’daqqa waħda, raw id-dawl mixgħul fl-appartament ta’ quddiemhom, u nħasdu. Dak l-appartament kien ilu żdingat xi għoxrin sena, skont ma darba kien qal il-papa`. Allura min kien xegħel id-dawl? Meta semmewlu l-biċċa tad-dawl fl-appartament, qabel ma marru jorqdu, il-papa` ma ħax għalihom, u ħaseb li kienu qegħdin joħolmu mqajmin. Huma komplew jinsistu li ma kinux bi ngħas, u huwa qatagħha li l-għada joħroġ fit-terazzin, u jara b’għajnejh jekk kellhomx raġun jew le.
Iżda oħroġ l-għaġeb, l-għada fl-appartament ma deher ebda dawl mixgħul. Il-papa` dam għal-ħin twil fit-terrazzin apposta sabiex jikkonferma li wliedu kienu raw ħażin. Din l-istorja kompliet sejra kuljum, u Luca u Elise baqgħu ma ġewx emmnuti. Darba fettlilhom jgħidu b’kollox lin-nannu Ġużi. Huwa aktar kompla jqallbilhom moħħhom meta qalilhom li x’aktarx kienu qegħdin jaraw fantażma. Imbagħad, staqsewh għala l-papa` qatt ma jara xejn, u hu weġibhom li l-fantażmi ma jarahomx kulħadd. Kliem in-nannu werwirhom aktar mill-bard ta’ Jannar, u minn dakinhar `l hemm ma ħarġux iżjed fit-terrazzin. Lanqas baqgħu joħorġu għall-passiġġati ma’ Nadia u Gordon, ma jmurx isibu l-fantażma ma’ wiċċhom, u jieħdu xi qatgħa, li jibqgħu jiftakruha.
Għodwa waħda, il-mama` kienet għand Marjo tal-ħaxix, u semgħet lil xi ħadd jgħid li l-Perit Fava kien qiegħed jiffrekwenta l-appartament il-mitluq ta’ Triq il-Merill filgħaxijiet fit-tard, għax kien beħsiebu jdawru f’ħanut tal-ħwejjeġ u d-drappijiet. Il-mama` fetħet par widnejn daqsiex, u marret fil-pront isserraħ ras Elise u Luca, li fl-appartament ma kienx hemm affarijiet strambi. Huma mill-ewwel ħadu r-ruħ, u wissew lin-nannu Ġużi biex qatt iżjed ma jsemmilhom il-fantażmi għax kien faqgħalhom rashom b’ħafna ħmerijiet u beżgħat fiergħa. In-nannu ma tkellem xejn, u qabad ifittet il-biskuttelli fit-te biex ma jmurx jibda jirrakkonta xi storja dwar l-iħirsa, u jkun il-kaġun li Elise u Luca ma jagħlqux għajn m’għajn billejl. Lin-nanna Marija qatt ma emminha li l-fantażmi ma jeżistux, imma l-ġrajja li għaddew minnha Luca u Elise tat raġun lilha u mhux lilu. Il-mama` u l-papa` qatt ma interessaw ruħhom fil-fantażmi u lin-nannu kemm-il darba qalulu biex ma jaħlix ħinu jaqra l-istejjer dwarhom għax kienu kollha mibnijin fuq l-invenzjonijiet. Imma għaliex lin-nannu ħadd ma kien jikkonvinċih? Tgħid għax kellu rasu iebsa jew għax tassew kien jemmen kulma jaqra u jisma’ fuq il-fantażmi? It-tweġiba hu biss kien jafha u żgur li ma kien se jgħidha lil ħadd.
Fil-Ħanut tal-Kotba
Darba fost l-oħrajn, il-mamà marret il-Belt biex tixtri rigal għal għeluq snin in-nannu Ġużi. Luca u Elise qamu kmieni u marru magħha. Kif waslu, xammew riħa tfuħ ta’ mqaret. Il-mamà xtratilhom borża mqaret sħan u bnini, li niżlulhom għasel. Wara, komplew mexjin sakemm waslu quddiem il-ħanut tal-kotba. Malli daħlu, sabu quddiemhom kull xkaffa daqsiex mimlija bil-kotba ta’ kull daqs u għamla. Il-mamà staqsiet lil sid il-ħanut biex juriha l-kotba tal-istorja. Hija nfixlet bl-għadd kbir ta’ kotba li rat quddiem għajnejha, u riedet tiflihom sew qabel tagħmel l-għażla tagħha.
Sadanittant, Elise u Luca qagħdu jduru mal-ħanut u jaraw xi kotba, iżda malajr bdew jixbgħu. F’daqqa waħda, lemħu bieb ftit `il bogħod mill-aħħar xkaffa. Ġrew lejh, u ma damux wisq jilagħbu mal-pum għax il-bieb infetaħ beraħ. Huma daħlu jiġru f’kamra mudlama tal-imbarazz u għalqu l-bieb minnufih ma jmurx jarahom xi ħadd. Bdew jidħku kemm jifilħu għax kienu ħarbulha lill-mamà, li kienet għadha mgħaddsa fil-kotba, u ttella’ u tniżżel liema wieħed se tixtri.
Meta sa fl-aħħar, il-mamà kienet għażlet il-ktieb, hija nqalgħet minn mal-ixkaffa. Bdiet tfittex lil Luca u lil Elise ma’ kullimkien, iżda ma sabithomx. Tatha rasha, u sid il-ħanut mar biex jgħinha. Dar ma’ kull rokna, imma t-tfal ma kienu jidhru mkien. Huwa beda jħokk rasu u kieku dak il-ħin kont taqtgħalha rasha, lill-mamà ma kinitx toħorġilha qatra demm. Elise u Luca kienu qegħdin jisimgħu kollox minn wara l-bieb, iżda riedu jibqgħu moħbijin hemm ġew għal ftit ħin ieħor.
Wara ftit, sid il-ħanut deherlu li sema’ xi ħsejjes, u qalbu għamlet tikk. Mar jiftaħ il-bieb tal-kamra, u kien għoddu nħasad hekk kif ra lil Luca u lil Elise ma’ wiċċu. Huma ħarġu jiġru `l barra, u l-mamà tathom ħasla papali talli kienu tawha qatgħa bla ħsieb. Anki sid il-ħanut wissiehom biex jobdu u ma jinkwetawx lill-mamà. It-tfal baqgħu ċċassati lejh u ma tkellmu xejn. Il-mamà ntebħet li kienu qegħdin jistħu wara t-twiddiba li qalgħu. Għalhekk hija qaltilhom biex jagħżlu ktieb sabiħ kull wieħed. Dakinhar nefqet flus aktar milli stenniet, imma aħjar għamlet hekk ħalli Elise u Luca jintilfu jaqraw minflok jagħmlu xi praspura oħra.
Jum l-Omm
Charmaine Tanti M.A.
Meta qorob Jum l-Omm, il-papa` beda jiftiehem ma’ Luca u Elise fejn se jieħdu lill-mama`. Elise xtaqet tagħtiha rigal sabiħ, iżda l-ħruġ riedet tħallih f’idejn il-papa`. Luca kien bil-kontra għax lanqas laħaq fetaħ ħalqu l-papa`, li ma bediex jgħajjat li ried jieħu lill-mama` r-ristorant. Il-papa` xengel rasu, imma ħaseb li aħjar ma jgħidlux le għax idendel il-geddum.
Dakinhar ta’ Jum l-Omm, il-papa` qal lill-mama` biex ma tlesti xejn għall-ikel għax kienu ħerġin. Hija tefgħet fuqha t-tibdila tal-Ħadd, flimkien ma’ par imsielet kbar u kullana pariġġ. Xagħarha ħallietu mniżżel u rranġatu bil-gel. Meta l-papa` raha mbiddla daqshekk, ħassu tassew kburi biha daqslikieku kien ħiereġ magħha għall-ewwel darba. Luca u Elise wkoll ferħu ħafna bid-dehra eleganti tal-mama` u tawha bewsa fuq ħaddejha.
Kif poġġew fuq il-mejda tar-ristorant, il-mama` sabet warda ħamra mgeżwra f’karta bajda u pulita, u refgħetha fil-basket biex toħodha magħha d-dar. Il-papa` ordna flixkun inbid ta’ barra u ħa gost iċekċek it-tazza tiegħu ma’ tal-mama`. Elise u Luca kienu moħħhom biss f’żaqqhom u telqu jiġru għal fuq l-istands tal-ikel hekk kif beda l-buffet. Luca beda jimla kull platt daqsiex bl-għaġin, laħam u ħut. Il-mama` wissietu biex ma jtaqqalx il-platti wisq, u kellha raġun għax wara ftit waqqa’ kollox fl-art. Kif rat dik l-istraġi, qabdet tgħajjat miegħu, u nkisret xħin kulħadd beda jħares lejhom. Imbagħad ħaditu lura fuq il-mejda, u qaltlu biex iġib ruħu sew quddiem in-nies. Iżda Luca ma kellux kwiet, u beda jteftef fil-pakkett żgħir tal-butir li kien hemm maġenb il-qoffa tal-ħobż.
Qabad is-sikkina mill-ġenb, ċappasha bil-butir, u mar biha ħdejn il-mama`, li kienet medhija tiekol. Kieku l-papa` ma kienx pront tajjarhielu minn idu, kien idellkilha xagħarha bil-butir. Luca nfaqa’ jibki u lill-mama` telgħulha n-nervi. Talbet lill-papa` biex imorru lura d-dar, iżda hu ma kellimha xejn. Elise marret ħdejn ħuha u aljenatu bil-logħob. Ma damx ma waqaf mill-biki u kulħadd kompla jiekol bil-kwiet.
Fi tmiem l-ikla, il-papa` u t-tfal taw ir-rigal ta’ Jum l-Omm lill-mama`. Ma setgħetx temmen lil għajnejha meta mill-kaxxa mkebba ħarġet ċurkett tad-djamanti, li tant kienet ilha tixtieq. Tgħidx kemm ħadet gost xħin libsitu f’subgħaha, u għannqet magħha lill-papa` u lit-tfal, it-tliet ġojjelli tagħha.
Ħolma Kerha
Charmaine Tanti M.A.
Jum fost l-oħrajn kien maltemp mill-qawwi nett. Il-mama` u l-papa` ma marrux għax-xogħol, u lanqas Elise u Luca ma marru l-iskola. It-toroq kienu mifqugħin bl-ilma tax-xita, u l-mezzi tax-xandir kienu wissew lil kulħadd biex jibqa’ ġewwa ħalli jevita l-inċidenti.
Il-mama` tefgħet borma brodu ttektek fuq in-nar minn kmieni filgħodu, u t-tfal qattgħu nofs ta’ nhar sħiħ jaraw il-cartoons ta’ Tom and Jerry. Ħasbu li kienu tilfu xi lezzjonijiet importanti dakinhar, iżda sħabhom qalulhom li l-iskola baqgħet magħluqa. Il-papa` ħassu kuntent għax seta’ jgawdi ftit il-familja, u jpatti ta’ kemm-il darba ddawwar fuq ix-xogħol.
Filgħaxija, il-mama` ħaslithom u tathom jieklu kmieni. Wara ftit, daħħlithom fis-sodda, u anki hi u l-papa` ma damux ma raqdu. Għall-ħabta ta’ nofsillejl, Luca qam maħsud. Dak il-ħin kien jinstema’ biss il-ħoss qawwi tar-ragħad u d-dawl tal-beraq kien idawwal kullimkien. It-tifel beda jibki u jimxi fid-dlam. Daħal fil-kamra ta’ ħdejh u qabad ma’ xagħar il-mama`. Hija nħasdet hekk kif ratu wieqaf quddiemha. Imbagħad qabditlu wiċċu bil-ħlewwa u staqsietu x’kien ġara. Hu beda jogħrok għajnejh u jnewwaħ kemm jiflaħ. Qalilha li ma riedx jorqod ħdejn Elise għax kienet saret qattusa, u beda jibża’ minnha.
Il-mama` malajr indunat li Luca kien qiegħed joħlom ikrah, avolja kienet bi ngħas. Qabditlu idu u ħaditu lura ħdejn oħtu, li kienet fl-isbaħ raqda. Il-mama` ppruvat turih li ma kellux minn xiex jibża’, imma Luca ma riedx jaf u beda jitlobha bil-ħniena biex jorqod maġenbha u maġenb il-papa`. Hija kellha tikkuntentih għax ma setgħetx tagħmel mod ieħor.
L-għada filgħodu, Elise ħasbet li Luca kien ġralu xi ħaġa meta ma ratux fil-kamra tagħhom. Il-mama` qaltilha bl-istorja kollha ta’ dak il-lejl, u tgħidx kemm daħket bil-qalb. Luca wkoll beda jidħak għax ma setax jifhem x’kienet tfisser dik il-ħolma kerha, li fiha ra lil Elise tinbidel f’qattusa, u bdiet tiġri warajh biex tigirfu. Tgħid kienu impressjonawh il-cartoons ta’ Tom and Jerry?