
Donna kienet tinqala’ għall-praspar, iżda qajla kienet tagħti kas l-istudju. Il-qatla tagħha kienet li tqum filgħodu kmieni għall-iskola, u kemm-il darba kienet tara kif tagħmel biex tfalli xi ġurnata, taparsi qamet ma tiflaħx. Fil-klassi ma tantx kienet toqgħod ħsiebha fil-lezzjonijiet, u l-homework kienet tagħmlu kif ġie ġie biex tfittex teħles minnu ħalli toqgħod tilgħab.
Meta waslu t-testijiet tal-aħħar tas-sena, Donna ma studjatx. Ftit ġimghat wara, l-għalliema tatha l-ktieb tar-riżultati, bħalma għamlet lil sħabha tal-klassi, u qaltilha biex tieħdu d-dar ħalli tarah u tiffirmah il-mamà matul il-weekend, u mbagħad terġa’ tagħtihulha t-Tnejn ta’ wara.
Iżda dan il-ktieb baqa’ ma rritornax għand l-għalliema. Għalhekk din ċemplet lill-mamà ħalli tara kienx wasal għandha l-ktieb tar-riżultati ta’ Donna. Il-mamà weġbitha li ma kienet rat ebda ktieb. Quddiem l-għalliema, Donna qabdet tħokk rasha, u qalet li ma kinitx taf fejn hu. L-għalliema baqgħet imbellha. Tgħid fejn kien sparixxa l-ktieb?
Il-ktieb tar-riżultati nstab xi jiem wara fid-dustbin tal-klassi mill-fattiga tal-iskola li ħallietu fuq il-mejda tal-għalliema. Donna kienet remietu hemm, u għamlet tabirruħha li tilfitu. Ma riditx turih lill-mamà ma jmurx tagħmel xi għamla għaliha talli marret ħażin fit-testijiet. U jekk il-mamà kien ifettlilha tgħid b’kollox lin-nannu, min jaf kemm kien jirrabja magħha għax dejjem kien iridha tistudja biex tkun brava fis-suġġetti kollha!
L-għada filgħodu l-fattiga qalet lill-għalliema bis-sejba tal-ktieb fid-dustbin. L-għalliema riedet lil Donna tispjegalha għala kienet remietu. It-tifla bdiet tlaqlaq għax għalkemm kienet ittantat teħles minnu ħafif ħafif, kienet inqabdet. L-għalliema basret li kienet għamlet hekk ghax riedet tiżgiċċa mill-mamà. B’hekk reġgħet ċemplitilha biex tgħarrafha għaliex il-ktieb tar-riżultati ta’ bintha ma kienx wasal għandha.
Dakinhar Donna qalgħet ċanfira doppja: waħda mingħand l-għalliema talli m’obdithiex meta qaltilha biex tieħu l-ktieb tar-riżultati magħha d-dar; u oħra mingħand il-mamà talli ħbiet minnha r-riżultati tat-testijiet. Donna talbithom jaħfrulha, u wegħdithom li qatt aktar ma terġa’ tagħmel dil-praspura. Ma nafx jekk emmnuhiex għax il-praspar Donna kienet tikolhom bil-ħobż.