Il-preċett u l-parrukkier

altIl-preċett riesaq mgħaġġel. Il-libsa l-bajda – qalziet twil u ġlekk abjad pariġġ,lesti, għax se nieħu li libes ħija s-sena l-oħra. Irrid noqgħod attent li ma nħammiġhiex, għax warajja jerġa’ jilbisha hu għall-Griżma tal-Isqof din is-sena stess. Imbagħad sena oħra, ta’ seba’ snin, nerġa’ nilbisha jien biex insir ukoll ‘Suldat ta’Kristu’.

Il-papà ma jridx iħallili xagħri bin-nokkli għall-preċett. In-nanna ma tixtieqx li naqtgħu. Drat tagħmilli l-karti tal-gazzetta rrumblati u magħhom iddawwarli xagħri u torbothomli b’biċċa spaga jew wire irqiq.  Iżda la l-papà jrid hekk, hekk isir; għax jien it-tifel tiegħu.

Quddiemna, in-naħa tal-Ħamrun, xi erba’ bibien ’il fuq mir-Radio City Opera House  hemm ħanut fil-kantuniera. Dan il-ħanut ċkejken hu ta’ Ġeraldu l-parrukkier. Soltu, n-nannu jagħmilli l-flus f’muniti f’borża tal-grossa tas-sigaretti, jaqsamli u jibgħatni nixtrilu aktar grosos. Għax Ġeraldu jbigħ is-sigaretti wkoll. Speċi ta’ aġent, nisma’ lin-nannu jgħid.

Fil-ħanut, Ġeraldu għandu gaġġa kbira u fiha hemm pappagall aħdar sabiħ. Jaf jitkellem u jwieġeb għal dak li jgħidulu. Anki t-talb jaf jgħid.

Il-lum m’jienix sejjer għand Ġeraldu biex nixtri s-sigaretti iżda biex naqta’xagħri l-ewwel darba. Wara li nistennieh ilesti qtugħta’xagħar u l-leħja ta’raġel, qed isejjaħli, jagħmilli kaxxa tal-injam fuq pultruna kbira tal-injam tal-kewba, iqegħidli qisu favalor kbir abjad ma’għonqi u bl-imqass qed itajjarli n-nokkli kollha. Il-pappagall qisu qed jidħak bija u jsejjaħ isem Ġeraldu u isem xi ħaddiema tat-trakkijiet li kollha jsorġu għandu. Minkejja li l-ħanut mhux kbir, qisu xi każin tal-paroli.

In-nanna kważi qed jagħtiha l-biki xħin qed tarali xagħri maqtugħ. L-istess iz-zijiet. Iżda kollox lest għall-Preċett.

altIl-jum il-Ħadd. Qisni buqar tal-fjuri bajdan. Iz-zija Connie tilbes ukoll u żżanżan żarbun biex twassalni l-knisja. Imma x-xitan ma jaħmilx. Kif qed taqbad it-taraġ għal isfel, tiżloq b’mod li kejlitu kollu. Biex tqum fuq saqajha trid parank. U agħar, issib li t-takkuna minn taż-żarbun il-ġdid inqalgħetilha. Ikollha tilbes żarbun ieħor milli għandha. Bi dwejjaq fuq wiċċha u bil-geddum sal-art, xorta telgħin il-knisja.

Hawn ħafna tfal oħra, subien u bniet lebsin għall-okkażjoni. Kulħadd bl-abjad. B’xemgħa f’id waħda u bl-ingwanti bojod, fl-oħra. Wara l-quddiesa sejrin sad-dar tal-mamà, biex jarawni. Ħuti qed iduru miegħi – l-artist tal-ġurnata. Xi rigali żgħar mingħand min jafna u jiġi minna ma jonqsux, l-aktar kuruni f’kaxxi żgħar apposta, kotba ċkejknin tal-quddiesa bil-Latin jew bl-Ingliż, jew xi nkwatru reliġjuż. Jien inqassam is-santi b’talba fuq naħa u n-naħa l-oħra ritratt ta’ tifel jirċievi l-Ostja. Tifel, li ma jixbaħni xejn! Iżda kulħadd jiggustani. Mill-kartiera tiegħu, iz-ziju Fred qed jagħtini karta ġdida fjamanta ta’ lira.alt

Lil Ġeraldu għamluhielu. Ma fetaħx il-ħanut bħas-soltu. Quddiem il-bieb għandu pulizija twil ħafna. Qed tiġri x-xniegħa li serquh. Mhux lilu serqu, iżda l-ħafna sigaretti li minnhom, soltu jbigħ lin-nannu u li qegħdin f’qatgħa bl-ixkafef wara purtiera taċ-ċarruta.

Maz-zija Connie ngħaddu minn ħdejn il-ħanut biex naraw u nisimgħu sew x’ġara. Ġeraldu jinsab fil-ħanut. Miegħu hemm pulizija ieħor. Qishom qed jgħoddu. Il-pappagall jiddieħak, isaffar u jwerżaq.

Fi żmien jumejn qed jingħad li nqabad il-ħalliel. Ma jinqabadx mill-pulizija li qishom kolonni u jbeżżgħuni narahom għaddejjin fit-tard, iżda għax kixifhom il-pappagall. Tah jirrepeti isem ta’ bniedem, li spiss ikun ma’ tat-trakkijiet, u li ilu xi żmien ma jidher fil-kumpanija tagħhom. Il-Pulizija tibgħat għalih, tinterrogah u ssib li l-pappagall lagħabha ta’ spija.

Issa kull darba li mmur naqta’ xagħri mill-ġdid u noqgħod nistenna wara min imissni, nilgħab mal-pappagall. Jien ngħidlu “Pappagall trid kafè?” u hu jweġibni “Jew te’!” Il-Kredu, is-Sliema u l-Qaddisa jafhom ukoll, iżda meta jkun se jibda, Ġeraldu jsikktu u joqgħod kwiet. Jaqbadlu parlata oħra.

Il-maginetta tal-idejn li tagħmel ix-xahar fuq l-għonq qisu rizza, tweġġagħni ftit, iżda meta Ġeraldu joqgħod iniżżilli xagħri bil-moxt, ħelu ħelu, jagħtini n-nagħas u nibda nxengel rasi sa xħin inxomm it-terra li jtajjarli minn wara widnejja permezz ta’flixkun tal-lastiku.