Tliet soldi tal-fidda

Iz-zija Connie, li tieħu ħsiebi ferm u kuljum tlestili l-bajda u ttellagħli t-tè fis-sodda meta r-Rediffusion ikun se jibda jdoqq l-Ave Marija fis-sitta, tpejjep mhux ħażin. alt

Pakkett tal-għaxra taħarqu f’ġurnata. In-nannu u n-nanna naħseb li ma jafux, għax  il-pakketti taħbihom biex ma jarahom ħadd. Il-pakkett tas-sigaretti għandu lewn aħdar. Jisimhom Consulate  u jinxtammu riħa ta’ menta. In-nannu Karm lilhom ukoll ipejjep.

Iz-zija Connie ma tixtrix mingħand in-nannu, inkella jinduna li qabdet il-vizzju ħażin tat-tipjip. Għalhekk jew tixtri meta tmur tagħmel ix-xirja hi, jew tibgħatni bil-moħbi nixtrilha mingħand Ġeraldu l-parukkier, fil-kantuniera mal-faċċata l-oħra tat-triq. Tagħmilli paneġierku għall-mod kif għandi naqsam, għax jekk ikun jaf in-nannu li qsamt waħdi, tgħidx x’jagħmel. Dan meta biex tgħaddi karozzi minn Triq Irjali, irid jgħaddu 30 sekonda.

Minn ’l isfel minna, ġieli nixtrilha wkoll mingħand Ġorġ il-Pintley. Tajba din. It-tifel ta’ Ġorġ jiġi jixtri s-sigaretti mill-ħanut tan-nannu u jien immur nixtri s-sigaretti għal ziti mingħand Ġorġ. Hekk iddur ir-rota tal-kummerċ, għalkemm bin Ġorġ jixtri aktar pakketti milli tista’ tixtri z-zija Connie!

Meta n-nannu jiġi d-dar għall-ikel ta’ nofsinhar, jinża’ fuq il-flanella u joqgħod fuq siġġu li jingħalaq, mal-mejda. Maġenbu jqiegħed is-sigaretti u s-sulfarini. Ħadd ma jqajmu għajr il-ħin tal-4 p.m. meta jiġi biex jerġa’ jiftaħ il-ħanut. Wara l-ikel jibda jongħos fuq iż-żewġ saqajn ta’ quddiem tas-siġġu. Kultant jieħu ħasda u jistenbaħ maħsud. Mhux darba u tnejn inkun se naqbad nidħaq f’wiċċu, iżda ma rridx inkun kattiv miegħu, għax iħobbni tabilħaqq. Kultant jiġbidni lejh u waqt li jgħidli ‘Ganuxu’ idawwar rasu ma’ rasi u qisu jaħraqli xagħri.

Milli jidher liz-zija Connie spiċċawlha s-sigaretti u naħseb li flus m’għandhiex għax tridni nieħu l-pakkett tan-nannu mingħajr ma jinduna. Sa ma jdum ma jieħu ċ-ċaqliqa tan-nagħsa li jmiss, niġbidhulu minn maġenbu u z-zija Connie toħodlu żewġ sigaretti minnu.

Illum reġa’ ma għandhiex, la flus u lanqas sigaretti. Minn taz-ziju Fred, li jixtri t-Three Cats, f’kaxxa ħamra bi tliet qtates fuq il-faċċata, ma tħobbhomx. Ġieni ħsieb. In-nanna qiegħda fil-kamra ta’ ġewwa u z-ziju Fred mar il-Belt waħdu, kif soltu jagħmel kuljum.

B’ċavetta tal-gwardarobba u bi ftit logħob fis-serratura ta’ bieba ċkejkna tal-iskrivanija taz-ziju Fred, qed nipprova niftaħlu kexxun. U balleċ irnexxieli. Hawnhekk, iz-ziju Fred iżomm xi flus antiki f’kaxxa tal-landa. Flus li ma għadhomx fiċ-ċirkulazzjoni. Allura bla użu. Fosthom tliet soldijiet tal-fidda. Qishom sixpenz tal-lum. Ħadt waħda u qfilt kollox bħal qabel.

Sejjer għand Ġorġ il-Pintley. Bħalissa pakkett sigaretti jiswa disa’ soldi (9 ċenteżmi), iżda xħin Ġorġ jara t-tliet soldi tal-fidda qed jaqbel li tagħha jagħtini pakkett Consulate. Iz-zija Connie tgħidx kemm qed tifraħ bih. Issa għandha sigaretti għal jum sħiħ.

Minn ftit jiem ilu, in-nannu qed jagħti kaxxa sulfarini ma’ kull żewġ pakketti sigaretti li dak li jkun jixtri mingħandu. Dan wara li sar jaf li Ġorġ il-Pintley qed jagħmel hekk ukoll. Speċi ta’  qed tinbet kompetizzjoni bejniethom. Min ikollu l-aktar klijenti għax- xiri tas-sigaretti, għax il-Pintley la jbigħ ħelu, la gazzetti u lanqas affarijiet ta’ stationery.

Min jaf kieku n-nannu jintebah li jien qed immur nixtri s-sigaretti għaz-zija Connie mingħand Ġorġ, x’jagħmel. U meta Ġorġ jarani, jgħid lili wkoll bl-offerta tiegħu. Forsi għax it-tliet soldijiet tal-fidda jogħġbuh aktar mid-disa’ soldi ta’ flus li f’materjal ma jiswew xejn! Iżda l-biża’ li teħid simili għandu rabta ma’ serq, kif intqalli minn qassis ħabib tiegħi, mhux qed jinkuraġġini biex nerġa’ nwettaq l-att doppju għal kaxxa sulfarini.

Għal dik it-tliet soldi dabbart penitenza qawwija u kemm-il darba qed ngħid liz-ziju Alfred biex għal din il-ġimgħa ma jagħinix flus pocket money. Qed jiskanta, iżda mhux jistaqsini għaliex.

Awtur: Charles B. Spiteri