Charmaine Tanti M.A.
Is-Sur Spiridione Gatt kien l-avukat tar-raħal. Kulħadd kien javviċinah għall-pariri legali jew għall-kuntratti għax xogħlu kien irħis minbarra li kien professjonali għall-aħħar. Dan l-aħħar kien waħħalha f’rasu li jikkontesta l-elezzjoni ġenerali bħala kandidat indipendenti. Mill-ewwel sab l-appoġġ tal-maġġoranza tar-raħlin li ħarġu għonqhom biex jgħinuh mill-aħjar li jistgħu. Meta l-kampanja elettorali kienet fl-aqwa tagħha, il-canvassers tiegħu bdew iqassmu l-karti bieb bieb biex jgħarrfu lir-residenti, li kien se jżurhom fi djarhom ħalli jagħtuh il-vot.
Dakinhar li s-Sur Gatt kien se jmur għand il-familji ta’ Triq il-Merill, il-mama` u l-papa` naddfu s-salott u neħħew l-imbarazz min-nofs. Luca u Elise qagħdu fil-kċina jagħmlu l-homework u sa ma wasal għandhom is-Sur Gatt, kienu ilhom li lestewh. Ma kellhomx aptit joħorġu fis-salott avolja l-mama` u l-papa` xtaquhom jingħaqdu magħhom. Minflok, daħħlu lil Spotty maġenbhom biex joqogħdu jilagħbu miegħu. Dan kien kelb kbir, li kien ħa post Pupu, u kien il-mimmi t’għajnejhom. Kienu semmewh Spotty għax dahru kien miksi biċ-ċrieki kannella.
Malli s-Sur Gatt rifes l-għatba tad-dar, il-papa` xegħel il-linfa tas-salott li dawlet il-kamra kollha. Wara, hu u l-mama` ħadulu b’idejh u stednuh ipoġġi fuq is-sufan tad-damask. Il-papa` offrielu drink u qagħdu jitkellmu flimkien. Bejn tlegliga whisky u oħra, il-kliem waqa’ bħaċ-ċirasa fuq diversi affarijiet. Is-Sur Gatt kien dħuli u qalbu f’idu, u mill-ewwel għamel ħbieb mal-mama` u l-papa`.
Iżda Spotty ma ħassu xejn komdu bil-preżenza tas-Sur Gatt. Minn xħin daħal għandhom ma waqafx jinbaħ. Elise u Luca għamlu minn kollox biex jippruvaw iżommuh kwiet, daqqa jmellsulu dahru u daqqa oħra jagħtuh ħelwa f’ħalqu. F’ħin minnhom is-Sur Gatt instema’ jidħak wara li kien qasam ċajta mal-mama` u l-papa`. Spotty ma felaħx iżjed. Nebaħ tnejn kbar u telaq jiġri b’kemm għandu saħħa lejn is-salott. Is-Sur Gatt bjad karti malli lemaħ il-kelb jinbaħ f’wiċċu u jgerger għalih. Telaq jiġri `l barra ħin bla waqt ma jmurx idabbar xi gidma bla ħsieb. Il-familja kollha baqgħet iċċassata, tħares lejn xulxin. Ħadd minnhom ma seta’ jemmen kif Spotty kien aġixxa hekk dakinhar, meta s-soltu kien ikun mans bħal nagħġa quddiem in-nies. Li kieku l-kelb kellu jivvota, żgur li s-Sur Gatt ma kienx jieħu l-uno mingħandu, għax xejn ma kien ħa grazzja miegħu.