Il-Palazz Presidenzjali f’Ateni

Charles B. Spiteri

BDL Books - Binjiet MeastużiIl-Palazz Presidenzjali f’Ateni, il-Greċja, hu r-residenza uffiċjali tal-President tar-Repubblika Ellenika. Qabel kien iservi bħala l-Palazz Irjali u dan dam hekk sa ma permezz ta’ referendum fl-1974, tneħħiet il-monarkija.

Id-deċiżjoni li jinbena l-bini li llum iservi bħala d-dar Presidenzjali ttieħdet fl-1868. Dik is-sena twieled Kostantinu, bin Ġorġ I, u eredi tat-tron. L-istat Grieg qatagħha li jippreżentalu dar privata għal meta jilħaq l-età tiegħu.

Wieħed u għoxrin sena wara, meta Kostantinu żżewweġ lil Sophia, Prinċipessa tal-Hohenzollern, l-istat qabel li jinbena l-palazz għall-Prinċep eredi, u sar magħruf bħala Enst Ziller. Il-bini beda fl-1891 u tlesta sitt snin wara fl-1897.

Nar qerried

Lejlet il-Milied tal-1909, in-nar qered parti kbira mill-Palazz Irjali (illum użat mill-Parlament) bir-riżultat li temporanjament, beda jintuża bħala r-residenza tal-familja rjali. Wara l-assassinar ta’ Ġorġ I fl-1913, u l-inkurunazzjoni ta’ Kostantinu, il-Palazz tal-Prinċep eredi, finalment sar ir-residenza rjali.

L-użu tal-bini bħala Palazz waqaf fl-1924, meta l-monarkija twarrbet għal kollox u l-pajjiż ġie dikjarat Repubblika. Imbagħad intuża bħala dar Presidenzjali sal-1935 sa mal-monarkija reġgħet ġiet restawrata u r-Re rritorna f’pajjiżu. Mill-1974, ġiet restawrata wkoll id-demokrazija wara seba’ snin ta’ dittatura militari u l-bini ntuża bħala dar Presidenzjali u residenza għall-President tal-ġurnata.

Sal-aħħar snin tas-seklu dsatax, l-art li fuqha nbniet id-dar Presidenzjali kienet meqjusa bħala ’l-barra mil-limiti tal-belt. Fuq in-naħa tal-Lvant tagħha kien hemm il-Palazz Irjali. Wara dak, kien hemm biss għelieqi u rziezet żgħar. F’dak il-perijodu, l-uniċI bini li kien jidher fuq il-mapep, kienu d-dar tad-Dukessa ta’ Plaisance (magħrufa bħala Ilissia u llum fiha l-Mużew Biżantin) u l-Monasteru Petraki, li t-tnejn inbnew fl-inħawi tal-kampanja, ’il bogħod miċ-ċentru tal-belt.

Għarfien limitat

L-għarfien limitat għall-inħawi f’dak iż-żmien, jista’ jidher mill-fatt li fl-1854, fuq l-istess art kien hemm orfanatrofju tal-bniet (li m’għadux jeżisti). Barra minhekk, l-art matul Vjal Kifissias (illum magħrufa bħala Vjal Vasilissis Sofias) ukoll baqgħet mhux mibnija u l-istat kien mistenni jibni fuqha, bini ministerjali.

Fil-bidu tal-1870 l-Istat ippermetta l-bejgħ tal-art lil individwi privati, li wassal għall-bini ta’ djar għall-familji għonja ta’ Ateni. Lejn l-1890, l-arkitett Ernst Ziller ingħata l-kummissjoni li jibni l-Palazz għall-Prinċep eredi. Ziller kien l-arkitett uffiċjali tal-Qorti taħt ir-Re Ġorġ I u ddisinja madwar 700 binja mal-Grecja kollha, kemm dawk uffiċjali kif ukoll għall-użu privat.

Ġnien ornamentali

Mat-tlestija tal-Palazz fl-1897 u l-bini ta’ Triq Herodou Attikou, il-Palazz tal-Prinċep ġie mdawwar bi ġnien ornamentali kbir. L-għażla tal-pjanti aktarx li tħalliet f’idejn xi speċjalist Grieg, peress li ħafna mis-siġar huma Griegi.

Sa mill-bidu, il-ġnien kien maqsum f’żewġ partijiet kbar, minħabba li t-triq mhix dritta. Il-Palazz jinsab fl-ogħla parti u quddiemu hemm il-ġnien li sar fuq stil Franċiż.

Peress li dan kien se jkun palazz għall-Prinċep eredi, ma sarux swali tal-ballu kbar, peress li twemmen li dawn kellhom ikunu biss fil-Palazz Irjali l-antik. Għalhekk, meta l-palazz sar ir-residenza ewlenija rjali, kienet meħtieġa sala tal-ballu kbira.
Fl-1909, Ziller reġa’ tqabbad jiddisinja estensjoni li kienet tintuża bħala sala tal-ballu u li llum hi magħrufa bħala s-Sala tal-Kredenzjali.

L-ikbar kamra

Estensjoni oħra kienet meħtieġa meta l-Prinċipessa Sophia tal-Greċja, bint ir-Re Pawlu u r-Reġina Frederika, tgħarrset lill-Prinċep Don Juan Carlos I ta’ Spanja (illum Re u Reġina ta’ Spanja). Kien fl-1962, li r-Re ikkummissjona lill-arkitett Alexander Baltatzis biex jiddisinja żieda li kellha tkun l-ikbar kamra li hemm fil-palazz illum, u li hi magħrufa bħala r-Reception Hall.

Illum, bil-belt ta’ Ateni testendi u bosta mili kwadri, id-dar Presidenzjali tinsab eżattament fiċ-ċentru tal-kapitali, maġenb il-Ġnien Nazzjonali u l-Parlament.

Triq Herodou Attikou, fejn jinsab dan il-bini Presidenzjali, mhux biss hi waħda mill-aktar triqat sbieħ tal-belt, iżda hi msawra bil-ħajja politika u soċjali tal-Greċja, peress li fl-istess post hemm il-bini Maximou, fejn il-Prim Ministru Grieg għandu l-uffiċċju tiegħu. Id-dar Presidenzjali bil-ġnien li fiha, għandha firxa ta’ madwar 27,000 metru kwadru.

Sa min-nofs is-snin sebgħin, il-President jorganizza riċeviment kull 24 ta’ Lulju biex ifakkar ir-restawr tad-demokrazija. Għal dan ir-riċeviment ikunu mistednin l-irjus politiċi, miliari, il-mexxejja akkademiċ tal-pajjiż u wkoll rappreżentanti tal-midja u organizzazzjonijiet oħra.

BDL Books - Binjiet Meastużi
Il-librerija mgħammra bl-aqwa kotba, fil-Palazz
BDL Books - Binjiet Meastużi
Is-sala tal-viżitaturi
BDL Books - Binjiet Meastużi
It-taraġ impotenti u sabiħ fil-Palazz
BDL Books - Binjiet Meastużi
Sala enormi tar-rilassament