Ħakkieka

Martin Morana

altĦAKKIEKA   Oġġett li wieħed jista’ juża biex iħakkek bih, eż. 1. ĦAKKIEKA TAL-ĠOBON (ngħidulha ‘mħakka’) – strument normalment tal-metall b’ħafna toqob ippuntati ’l barra, li wieħed juża biex fuqhom iħokk il-ġobon jew ikel ieħor, biex dan jitfarrak jew jitqaxxar fi frak żgħir ħafna.  

ĦAKKIEKA TAL-ĦASIL   Oġġett li jintuża biex wieħed ikun jista’ jogħrok dawk il-partijiet tal-ġisem li huma diffiċli biex jintlaħqu. Din it-tip ta’ ħakkieka tkun magħmula mill-għadam ta’ xi annimal maħdum apposta, jew materjal ieħor. Normalment ikollha manku twil biex wieħed ikun jista’ jżommha. Ara ĦAFFIEFA. Ħakkieka oħra hi dik taċ-ċarruta, li tintuża biex tnaddaf il-ħġieġ jew l-għamara.

2. Figurattiv appellattiv li jintuża għal xi mara li tagħmilha mal-irġiel biex takkwista dak li trid mingħandhom. 3. U ma rridx ninsa nsemmi l-aktar ħakkieka importanti: il-ħakkieka tal-krikk! Il-krikk huwa l-brejk tal-karettun li jkollu ħadida sura ta’ ċoff vertikali li jross maċ-ċirku tar-rota biex irażżanha. Il-krikk jintuża l-aktar fit-toroq li jagħtu għan-niżla. Meta xi ħadd ngħidulu “ħakkieka tal-krikk” ikun ifisser li għandu lsienu ħażin u li jobrox, għax ikun iħobb jibbottja u jinsulenta lin-nies bil-botti.