minn Charles B. Spiteri
Membri tal-Istitut tan-Nisa li ħadmu villaġġ żgħir bis-suf, għat-tfal morda, baqgħu skantati meta ntqalilhom li ma setgħux jagħtuhulhom minħabba li s-suf jirrappreżenta riskju għas-saħħa u s-sigurtà tat-tfal.
In-nisa minn Sidford f’Devon, qattgħu sena sħiħa joħolqu x-xenarju f’kobor ta’ sitt piedi b’erbgħa, mimli b’persunaġġi ċkejknin, djar, annimali, fjuri, razzett u knisja.
Dan ix-xogħol soltu jingħata lill-isptarijiet tat-tfal, ospizji u nurseries, biex it-tfal foqra jkollhom biex jilagħbu, iżda din id-darba ma kienx aċċettat minħabba l-biża’ li s-suf ma jistax ikun sterilizzat. Għalhekk, in-nisa ħarġu diżappuntati għall-aħħar.
Waħda mill-anzjani qalet li kienu xebgħu sal-ponta ta’ mneħirhom, li kull sena jaħdmu x-xalpi u għalhekk qatgħuha li jagħmlu xi ħaġa differenti u fuq skala kbira.
Ilkoll involvew ruħhom f’dan ix-xogħol u ħadu gost jaħdmu xi ħaġa mhix tas-soltu mis-suf. Huma fittxew li jkollhom materjal li hu sigur għat-tfal.
Meta ngħataw din l-aħbar – li qatgħethom xi ftit minn ġewwa – in-nisa esibew ħidmiethom f’wirja tal-ortikultura, fejn laqat l-għajn ta’ voluntier tal-karità. Dan qalilhom li orfanatrofju fl-Arika t’Isfel jieħu gost jaċċettah għat-tfal orfni tiegħu.
Għalhekk, in-nisa ppakkjawh f’taqsimiet u bagħtuhulhom bil-posta. Għax, kif ngħidu bil-Malti: min hu mejjet fis-sakra…. u min hu mejjet għal qatra!