Tmiem

Joseph Henry Abela, Qassis

Joseph Henry Abela, Qassis

Hemm drawwa li meta joqrob nofsillejl ta’ tmiem is-sena, ħbieb miġburin flimkien għad-divertiment jibdew jgħoddu; qisu l-għadd se jħaffef iż-żmien. Resqu lejn it-tmiem u xorta ż-żmien għaddej għalkemm ma ntebħux.

Nibdew is-sena b’ħeġġa u ħerqa u iżjed ma jgħaddi ż-żmien inbattu. Hekk maħluq il-bniedem. Jekk nitolbu l-għajnuna jew nersqu fejn nistgħu nitkebbsu, allura nibqgħu mimlija bir-rieda u s-saħħa.

Meta l-ħaġa tkun tridha int, tixtieq kollox malajr u sewwa, meta jridha ħaddieħor tieħu ż-żmien.

 U meta ma tiflaħx, tagħmel l-almu sħiħ biex tnaqqas l-uġigħ u tibla’ l-pilloli. Ħeqq imma meta jkun il-każ ta’ ħaddieħor teħodha bil-lajma. Jiġifieri sikwit it-tmiem jiġi qabel: qalbek tkun nixfet, ma baqgħetx tħoss u tfittex bla waqfien u kollox kif ġie ġie basta għal ħaddieħor.

It-tmiem ikun dak li tgħix qabel l-aħħar tas-sena u iżjed ma jgerbeb iż-żmien int timmoffa għax ma tfittex xejn ġdid. Aħseb, tella’ x-xogħol, gost u ħidmiet. Għalik għalxejn idoqqu l-qniepen għax ma tintebaħx, idoqqu l-mużika għax moħħok ma jkunx hemm. Tħallix it-tmiem jirkbek għax tgħix ġo gandott magħluq u midfun.

Is-sena t-tajba!