Jum wara jum, minn wara t-twieqi tal-gallarija jew inkella minn wara l-grada tad-dar, nista’ nsegwi t-teatrin tat-triq. Teatrin maħluq mill-istess nies li jum wara l-ieħor jew darba u darbtejn fil-ġimgħa, jgħaddu jbigħu xi prodotti għall-konsum.
L-ewwel tnejn min-nies li jiftħu l-ġranet ikunu Salvu u Ġeraldu. Dawn it-tnejn ibigħu tiġieġ, fniek u bajd. Salvu għandu żiemel ubbidjenti għall-aħħar, li jiġbed karettun magħruf bħala tal- Qisu dak tal-karozzini. Wara ż-żiemel għandu qatgħa fejn jekk irid jitla’ bilqiegħda fuq il-karettun u jista’ jserraħ dahru ma’ żewġ gaġeġ fuq xulxin. F’dawn ikollu l-fniek, tiġieġ u ħamiem għall-bejgħ. Fuq wara tal-karettun ikollu kannestri kbar bil-bajd.
Ġeraldu wkoll għandu żiemel u karettun. Iżda ta’ dan hu karettun normali u kull ma’ jkollu hu saff wieħed ta’ gaġeġ u kannestru għall-bajd. Ħadd minnhom ma jgħajjat bil-prodotti tiegħu. In-nies tal-Blata l-Bajda draw il-ħinijiet tagħhom u jkunu qed jistennewhom. Interessanti ngħid li ż-żiemel ta’ Salvu fih għaxqa. Meta sidu, jimxi kantuniera sħiħa u jsejjaħlu, iż-żiemel jimxi qajl qajl sa ma’ jasal maġenbu. Periklu ma’ tantx hawn, għax il-karozzi għadhom limitati wisq.
L-aktar li nixtru bajd hu mingħand Salvu u nieħu gost narah joħroġ ponn muniti minn but jew ieħor tal-qalziet, imburġati bihom, biex jagħtini l-bqija. Kultant nixtru wkoll mingħand Ġeraldu għax kulħadd irid jiekol! Tjur ma nixtru mingħand ħadd, għax għandna tagħna.
Imbagħad jgħaddi bejjiegħ ieħor, li għandu l-laqam ta’ Galluwa. Dan hu raħħal, botni, bi qmis minn barra fuq żaqq ittundjata u qalziet twil imxammar sa fuq il-pxiexel. Id-dehra tiegħu mhix bħal dik ta’ Salvu jew Ġeraldu. Galluwa jbigħ il-ħaxix u jkollu wkoll xi fniek u tiġieġ għall-bejgħ. Meta n-nanna tiddeċiedi mil-lum għal-lum li ssajjar il-ħaxix, ma tibgħatnix għand Ġanni tal-pitkali, iżda tibgħatni nixtri mingħandu Galluwa. Jekk jieqaf mal-bankina tagħna, kemm noħroġ mid-dar, jekk ikun għaddej man-naħa l-oħra, in-nannu joħroġ mill-ħanut tiegħu u jaqsamli t-triq. Galluwa jgħajjat b’dak kollu li jkollu għall-bejgħ u n-nies jisimgħuh minn ġo djarhom u joħorġu jixtru. Għajta tiegħu li niftakar sew hi “Ta’ Belludju t-tuffieħ.”
Darba f’ġimgħa jasal bejjiegħ ieħor, filgħodu kmieni. Naf li jismu Ġużeppi, u l-ewwel darba li smajtu jgħajjat, ħsibtu mara. Ġużeppi jbigħ il-ħut fuq karettun miġbud minn żiemel. Il-karettun nadif tazza. L-istess il-bejjiegħ. Għandu dehra ta’ artist. Mhux żgħir fl-età, iżda xagħru folt bin-nokklu quddiem u għajnejh ċelesti sbieħ. Li jitfgħu kemxejn lura hu leħnu, meta jgħajjat “Tajba l-vopi” u “Għajnu ħamra t-tonn.”
Bħall-bejjiegħa l-oħra, Ġużeppi jieqaf kull fejn joħorġu x-xerrejja minn djarhom, u bil-ġentilezza kollha jservihom bil-galbu.
Darba f’ġimgħa jasal ukoll Ġorġ, il-bejjiegħ tal-pitrolju. Dan biss naf li għandu trakk mgħammar b’tank enormi fuqu, mimli bil-pitrolju. Mas-sid jiġu żewġ uliedu, biex iħaffu jaqdu n-nies u jilħqu aktar parruċċani. Dawn ma jgħajtux biex in-nies joħorġu jixtru, iżda mid-djar kulħadd jisma’ li jkunu waslu, għax jinstemgħu l-laned iċekċku fl-art.
Ġeneralment in-nies jixtru f’laned tal-gallun u l-bejjiegħ kemm jiftaħ vit enormi fuq wara, in-naħa t’isfel, u l-pitrolju jibda jgelgel fir-reċipjenti tagħhom tal-landa, li jesgħu erba’ glalen, żewġ glalen, gallun jew nofs gallun. Imbagħad, l-istess pitrolju jitferra’ fil-laned tax-xerrejja.
Mingħand tal-pitrolju nixtri wkoll il-flitt għan-nemus u l-ispirtu għall-ispiritiera. Ġieli nixtri wkoll xi flixkun spirtu tal-melħ, biex innaddfu l-loki bih.
Persunaġġ ieħor hu l-landier. Jgħaddi jimbotta karettun. Jieqaf faċċata tal-‘Hollywood‘, jarma fl-art f’kantuniera u kulħadd imur għandu jsewwi bottijiet u stanjati.
Dawn il-bejjiegħa jiġu kollha fid-dawl tax-xemx. L-ewwel wieħed jitfaċċa f’xi s-7.00 a.m. u sa nofsinhar it-teatrin ikun intemm u s-siparju jingħalaq biex l-għada jerġa’ jinfetaħ f’għodwa ġdida.