Karettun tal-Bolrejs

Martin Morana

altKARETTUN TAL-BOLREJS   Dan kien ikun tista’ tgħid meqjus bħala l-ġugarell tal-avventuri tat-tfal. Kien ikun magħmul minn injama, x’aktarx tavla żgħira ta’ madwar 40 ċm x 30 ċm, ċatta imma soda, li tkun tiflaħ tifel li joqgħod bilqiegħda fuqha. Minn taħtha jgħaddu żewġ injamiet bħal kurrenti kull naħa tat-truf fil-wisa’ biex mat-truf tagħhom jintrabtu l-bolrejs biex dawn jintużaw bħala roti żgħar li jkunu b’saħħithom. Imbagħad kienet titwaħħal, minn taħt din it-tavla jew twavel, injama żgħira u dejqa fin-nofs minn taħt, u bi skorfina tifforma maqbad li jiċċaqlaq u b’hekk idur skont id-direzzjoni kif jinġibed mill-ħabel irqiq jew lenza, kif ikun hemm bżonn, minn dak li jirkeb il-karettun. Ir-roti ta’ dan il-karettun kienu dejjem ikunu tal-bolrejs (ball bearing races). Dawn il-ball races kienu jkunu meħuda minn xi spare parts ta’ xi ger tal-karozza jew tal-ajruplani li jkunu ġew skrappjati.alt Dawn x’aktarx kienu jinxtraw mingħand xi regettier tal-iskrapp. Bi tlieta jew b’erbgħa minn dawn ir-roti tal-ball bearing imwaħħlin waħda ma’ kull tarf tal-kurrenti, u ġieli oħra fin-nofs taħt il-maqbad forma ta’ salib, dawn il-karettuni kont toqgħod bilqiegħeda fuqhom u tiġri fit-toroq, naturalment fejn it-triq tkun lixxa, u l-aħjar fejn it-triq tagħti għan-niżla. Dan il-karettun żgħir kien ipaxxi lit-tfal għax kienu qishom qegħdin isuqu xi karozza ta’ veru. Ir-roti tal-ball races iħokku mal-art kienu jagħmlu ħoss tremend, u minħabba f’hekk malajr kont tara xi ġirien ħerġin għal dawn it-tfal biex ifittxu jmorru band’oħra. (Informazzjoni miġbura kemm mill-esperjenza tal-awtur innifsu kif ukoll minn oħrajn li kitbu fuq Facebook, eż. Guido Michael Tabone u Lawrence Fenech.)