Is-sajf u l-insetti li jżuruna

alt

Riesaq ġmielu s-sajf lejn l-aħħar tas-snin ħamsin. L-iskola primarja għaddejjin bin-nofstanhari. Minkejja li ma ndumux fil-klassi sal-4.00 p.m., il-ħedla xorta tagħmel tagħha. L-aktar meta wara l-iskola, ikolli nimxi t-triq minn ħdejn l-Għassa tal-Pulizija tal-Ħamrun, sal-Blata l-Bajda. Ix-xemx tiżreġ u magħha ġġib kemm il-qamel, il-baqq u wkoll in-nemus.

Il-qamel hu dudu li jtir minn ras għall-oħra tat-tfal. Naturalment, peress li fl-iskola ninsabu numru ta’ studenti, ilkoll b’qoffa xagħar fuq rasna, il-qamel jista’ jagħmel bejta fuq kull tifel u tifla tal-iskola. Qamla waħda u tista’ tagħmel infestazzjoni sħiħa.

Għalhekk, meta filgħaxija n-nanna Alice tintasab bilqiegħda wara l-grada fuq siġġu u jien quddiemha fuq il-pulturna żgħira li xtrali n-nannu Karm, inserraħ rasi fuq kuxxtejha u b’subgħajha fin-nokkli ta’ xagħri, tiflili u kultant issibli xi duda. Għandha paċenzja enormi u ma tiqafx qabel ma taċċerta ruħha li daritli rasi kollha. Meta tlesti, tobrom il-karti tal-gazzetta, iddawwarli n-nokkli fuqhom u torbotli waħda ħdejn l-oħra. Nitla’ norqod bihom b’kollox sal-għada filgħodu.

Iz-zija Connie tixtri shampoo apposta u spiss taħsilli xagħri bih. Hi u ddawwar. tagħfas il-facecloth  ma’ rasi u kif taqlagħha terġa’ toqgħod tfittex fiha għal xi duda oħra. Ħażin meta ssib, għax rasi taqlagħhieli bl-għorik!

Imbagħad ġieli tixtrili mxat (pettine) bojod żgħar b’rixtelli ta’ snien qrib xulxin, fuq żewġ naħat, li meta dak li jkun jomxot, jaqbad il-qamel bejn is-snien. Nieħu gost meta nara xi qamla ċkejkna u nifqagħha bejn id-dwiefer tas-swaba’ l-ħoxnin ta’ kull id.

Għada, l-iskola għandha tiġi n-nurse, u tinvista lil kull tifel u tifla. Anki xagħarna taralna, biex tiżgura li m’għandniex qamel. Lil min issiblu tgħid lill-għalliem jew għalliema ħalli jinfurmaw lill-ġenituri.

Iżda l-qamel mhumiex l-uniċi parassiti li nsib fis-sajf. Għandna l-baqq ukoll, u kważi kważi huma agħar mill-qamel. Il-baqq tad-dar, joħorġu matul il-lejl mill-imtieraħ tal-ħaxixa. Għalxejn ta’ kull filgħodu, in-nanna Alice u z-zija Connie ifettħu l-ħaxixa ta’ kull saqqu, għax xorta ssib xi waħda jew tnejn li joħorġu jixorbu d-demm tal-vittma fil-qrib.

Waqt li l-qamla qajla tidher, għax hi ċkejkna ħafna, il-baqqa tidher, għax lewnha lewn id-demm u hi nofs tond. Ġeneralment tistaħba mad-dawra tal-ħjata tas-saqqu. U meta tinqatel, minnha joħroġ id-demm li tkun soffiet.

Baqq ieħor, li ġeneralment jattakka lin-nisa u lit-tfal għax ikunu lebsin ix-shorts jew dublett kemxejn qasir, joħroġ jigdem waqt il-quddies.

Fil-knejjes hawn ħafna siġġijiet, bil-mag[qad tal-ispag, li bil-qagħad tan-nies, dan jisħon u jrabbi l-baqq. U xejn ma tkun pjaċevoli, gidma waqt l-omelija jew il-quddiesa tal-Ħadd.

Finalment, is-sajf iġib miegħu in-nemus. Apparti miż-żarżira li tagħmel hi u ddur fuq rasek, il-gdim tagħha xejn mhu pjaċevoli. Tqabbad il-ħakk u f’ħafna każi, min jingidem jibqa’ sa ma joħroġ id-demm mill-gidma.

Tabilħaqq, li kull min jingidem ikun martri. Ma tista’ tagħmel xejn. F’dawn is-snin ma għandniex fannijiet tal-elettriku u biex ma nħossux is-sħana, aħna t-tfal naqbdu biċċa njama dejqa, b’xi pied tul u mat-tarf tagħha nsammru biċċa kartuna. B’hekk noħolqu palju primittiv li noqogħdu nrewħu bih sakemm jaqbadna n-nagħas, norqdu u l-palju jaqa’ fl-art. Hawnhekk, jibda l-attakk bla difensiva tan-nemus.

Meta għal darbtejn fil-ġimgħa, jgħaddi tal-pitrolju bit-trakk, minbarra l-pitrolju, in-nanna tixtri wkoll likwidu ieħor li jsejħulu flitt. Dan nitfgħuh f’pompa apposta tal-landa u filgħaxija, qabel nidħlu fis-sodda, nifflittjaw bih. Il-pompa hi magħmula minn bott fuq quddiem, li fuqu hemm tubu twil u ġo fih virga rqiqa li tidħol u toħroġ permezz ta’ pum. Kull darba li l-virga tidħol fit-tubu, joħroġ raxx tal-flitt, li suppost joqtol lin-nemus. Ġieli nużawh ukoll mad-dawra tas-saqqu, biex noqtlu l-baqq.

Iżda n-nemus mhux ħmar. Naħseb li tgħallem skola tajba, għax ħafna drabi, sekemm nifflittjaw il-kamra jintasab qrib is-saqaf, iggranfat mal-ħitan. S’hemm fuq, il-pompa ma tlaħħaqx, u għalhekk qisu jpattihielna appena nitfu d-dawl u ninxteħtu biex norqdu.

Fis-suq bdiet tidher ukoll il-Moon Tiger. Nixtru pakkett b’xi ħames tidwiriet spiralli, ta’ lewn aħdar, li meta tqiegħda fuq ħadida apposta li jkun hemm fil-pakkett, tinfetaħ ’l isfel u tkun tista’ tixgħelha b’sulfarina. Aħna nqegħduha fuq platt, fuq gradenza viċin tiegħi. Sakemm tibda tinħaraq u tarmi d-duħħan minnha, ir-riħa hi ftit inkrepattiva, iżda aktar ma tinħaraq, nidraha. U l-ħsieb li m’iniex se nkun attakkat min-nemus, iġegħilni nissaporti d-duħħan li ħiereġ. Kos hu, minkejja li meta nifflittjaw, in-nemus jidher li hu ta’ skola, għax jogħla ’l fuq, meta jara l-ġamra mixgħula joqgħod idur magħha sakemm jinħaraq.

Filgħodu, kif inqum, inħobb nagħti titwila lill-platt, u l-gost tiegħi ngħodd kemm ikunu mietu nemus tul il-lejl. Kull nemusa mejta, taf mill-inqas kienet gidma waħda waqt ir-raqda tiegħi. U fis-sajf, ħadd ma jissaporti jorqod bil-piġama, kif nagħmel jien fix-xitwa.

Barra minn hekk, peress li kif għedt, fannijiet fid-dar ma għandniex, qabel ma norqdu, in-nanna tiftaħ il-purtelli tal-gallarija u l-bieb tat-terrazzin, biex tkun tista’ tgħaddi l-arja. Iżda meta tagħmel dan, tkun qed tistieden lin-nemus iżurna u jagħmel ikla sabiħa minn fuqna. Biex tgħaxxaq kollox, wara t-terrazzin tinsab dik magħrufa bħala l-għalqa ta’ Kalafatu – għalqa mitluqa, li n-nies tad-dawra jitfgħu fiha l-imbarazz kollu li jkollhom. Għalhekk, in-nemus li jitla’ minn din l-għalqa jaf ikun infettat u sa filgħodu nqum b’ħobża daqsiex kull fejn indabbar gidma ta’ nemusa.