It-tieġ ta’ Emanuel Mifsud u Josephine nee Micallef kien kemmxejn differenti minn tiġijiet oħra. Ir-raġunijiet kienu varji, iżda forsi l-aktar waħda mhux soltu kienet il-ħtieġa tal-permess (jew bolol) biex jiżżewġu. U dan, minħabba li l-għarajjes kienu sekondi kuġini! Bolol, li spiċċaw sarulhom wara li żżewġu.
Emanuel u Josephine huma t-tnejn mill-Imsida. Kienu joqogħdu qrib l-Għajn tal-Ħasselin. Il-familja ta’ Emanuel kellha ħanut fl-Imsida stess bl-isem ta’ Tancredi Store, li minnu kienu jbigħu minn oġġetti tal-EPNS sa twiebet. Josephine kellhom id-dar tagħhom ’il ġewwa mill-Għajn, iżda ma kellhomx tfulija qrib xulxin, peress li meta fl-1940, Emanuel kellu disa’ snin, missieru miet u hu spiċċa daħal il-Kulleġġ St. Patrick’s.
Il-familja Mifsud kellha ħamest ulied u Emanuel kien it-tielet wieħed. Mal-mewt ta’ missieru, xtaq jidħol fi stitut, għax minn dejjem kien inklinat lejn il-kulleġġi. Familjari min-naħa ta’ nanntu, li kienu ħbieb mal-familja Strickland – li kellhom il-kulleġġi St. Edwards – tkellmulu, iżda ma sabulux post. Wara, Connie Strickland, oħt Mabel, staqsietu riedx imur Tas-Sliema. Emanuel aċċetta u daħal St. Patrick’s. Ħareġ minn hemm fl-1947.
Sena wara mietet ommu wkoll u oħthom il-kbira, Carmelina, li kienet diġa’ miżżewġa b’erbat itfal, spiċċat iddur bil-familja tagħha u b’ħutha kollha. Min-naħa ta’ Josephine kienu sitt aħwa. Hi t-tielet wild tal-familja Micallef. Tiftakar li minkejja li missierha kien jaħdem, il-ħajja għalihom ma kinitx wisq faċli, tant li ta’ 11-il sena kellha toħroġ taħdem man-nies, fid-dar tal-familja ta’ Buhagiar, fl-Imsida stess għal nofs lira fil-ġimgħa. Meta Emanuel ħareġ minn St. Patrick’s, flimkien ma’ uħud minn ħutu u xi ħbieb, kienu jilagħbu l-ballun fil-[anut li kellu missieru. Magħhom kien imur tifel żgħir, Freddie, li jiġi ħu Josephine.
Min-naħa tagħha, Josephine spiss kienet tmur għand oħt Emanuel, li kienet titlobha tagħmel dan biex timlielha ftit mill-vojt li kkaġunatilha l-mewt ta’ ommha. Josephine tirrakkonta li f’oħt Emanuel kellha oħt oħra, tant li kienet tgħinha wkoll f’xi xogħol tad-dar. Iżda sa dak iż-żmien, la hi ma kellha ħsiebha f’Emanuel u lanqas hu.
Ġara li darba, xi ħadd tefa’ l-ballun barra fit-triq, fl-istess waqt li kienet għaddejja Josephine. Emanuel ħareġ jiġri għall-ballun u hi qaltlu: ‘‘Ar’hemm, kont se ttajjarni’’, waqt li Emanuel weġibha> ‘‘u int żul min-nofs u ħallina’’.
Aktar tard, Josephine kienet tmur għand zijitha, li kważi kienet toqgħod bieb ma’ bieb magħhom, u minn dak iż-żmien bdew speċi jkellmu lil xulxin. Għall-bidu, Josephine beżgħet minn x’setgħu jgħidulha l-ġenituri, iżda mbagħad komplew.
Ma damux wisq joħorġu bil-moħbi bħala namrati, għax meta Josephine qalet lil ommha b’Emanuel, aċċettatu mill-ewwel, ladarba kienu jafu sew lill-familja tiegħu. Terġa’ omm u z-zija ta’ Josephine, kienu spiss imorru għal kull ħtieġa li kien ikollha omm Emanuel u z-zija ta’ Josephine kienet in-nanny tal-familja Mifsud. Għalhekk malajr ingħata l-kunsens tal-ġenituri tax-xbejba u ta’ Carmelina, oħt Emanuel.
Il-ħruġ tal-għarajjes kien jikkonsisti f’xi dawra bil-mixi fuq l-irdum, fl-Imsida. Dan l-irdum kien mad-dawra li mill-Imsida tagħti għall-Whitehall, u ngħata dan l-isem peress li fi żmien il-gwerra, il-ġebel tal-bini mwaqqa’ kien jintefa’ f’dak il-baħar. Nhar ta’ Ħadd kienu jmorru jaraw xi filmat tal-5.00 p.m. fil-Gaeity, għax fis-6.30 p.m. riedu jkunu d-dar. Meta matul il-ġimgħa, Emanuel kien imur id-dar ta’ Josephine, mad-9.00 p.m. kien ikollu jitlaq, biex il-familja Micallef tkun tista’ tirtira ħalli torqod. Emanuel jirrakkonta li din ma kinitx xi ħaġa kbira għal dak iż-żmien, għax id-dixxiplina fl-individwi kienet mill-aqwa. Bħala għarajjes jiftakru li darba marru jixtru ċ-ċrieket tal-għerusija u libsuhom mingħajr ma berkuhom. Iżda f’dan l-istat ma damux bosta.
Ġara li l-oħt il-kbira ta’ Josephine, kienet iżżewġet lil suldat: Amadeo Micallef u fl-1949 telqu għand iz-zijiet tiegħu fil-Kanada. Ftit wara tellgħu lil missier il-mara, li fl-1951 bagħat għal martu u uliedu biex jitilgħu ukoll. Minn hawn Malta lestew il-karti kollha, il-passaporti u l-eżami mediku.
Magħhom kien tiela’ wkoll Emanuel, li jiftakar li n-numru tiegħu tal-emigrazzjoni kien id-9,464. Jiġifieri daqshekk kienu siefru nies qablu! Iżda f’salt wieħed, Josephine qatgħetha li ma riditx tmur. Minħabba f’hekk, Emanuel baqa’ hawn ukoll. Bi tbissima ta’ bniedem li għaraf id-dinja, Emanuel jirrakkonta li dawk in-numri dejjem lagħabhom lottu… iżda qatt ma telgħu. Omm Josephine kellha biċċa xogħol enormi biex terġa’ tħalli lil bintha warajha u ma ridithiex tibqa’ hawn jekk ma tiżżewwiġx. Għalhekk tathom id-dar tagħha bl-għamara li kien fiha u l-għarajjes qablu li jiżżewġu qabel ma omm l-għarusa u t-tfal l-oħra jsiefru. L-omm innifisha marret għand il-Kappillan u qaltlu li bintha kienet se tiżżewweġ. Għarrfitu li l-ġenituri tal-għarajjes kienu jiġu ulied l-aħwa u l-Kappillan qalilha li kollox kien sew. Jumejn qabel it-tieġ, il-Kappillan, Dun Innoċenz Zammit, bagħat għall-omm u spjegalha li l-għarajjes kellhom bżonn il-bolol. L-omm weġbitu li issa ma kienx fadal żmien, u li l-bolol iġibuhom wara. Għaddiet tal-omm!
Emanuel u Josephine iżżewġu fl-10 ta’ Frar, 1952, nhar il-festa tan-Nawfraġju ta’ San Pawl, b’quddiesa kantata. Hu kellu 20 sena, u hi 19. Żewwiġhom il-Kappillan innifsu. Lil Emanuel tellgħu zijuh Ruġġieru, peress li missieru kien mejjet u lil Josephine tellagħha zijuha Salvu, peress li missierha kien il-Kanada. Ix-xhud tal-għarus kien il-Maġġur John Dimech, li miegħu, dak iż-żmien, kien jaħdem Emanuel, waqt li dak tal-għarusa kien Toni Saliba, kuġinuha min-naħa ta’ missierha.
Aneddotu ħelu hu dak ta’ jum it-tieġ. Kienu jinkrew żewġ karrozzi. Waħda biex twassal lill-għarusa u l-oħra għall-għarus. Imbagħad din il-karrozza tmur għal mistednin oħra. Emanuel kien ftiehem li wara li hu jitwassal il-knisja, ix-xufier imur għal oħtu l-kbira, bil-familja tagħha u ħutu. Ġara li s-sewwieq mar f’ħanut tat-te’ u nesa li kellu aktar nies x’jgħabbi. Ovvjament, il-familja ta’ Emanuel ma kinitx preżenti għall-quddiesa tat-tieġ tiegħu!
Wara t-tieġ, il-miżżewġin friski marru l-Ħamrun, għand Blackman għar-ritratti. Dak iż-żmien kien jittieħed ritratt kbir tal-miżżewġin weħidhom u ieħor fejn jidhru x-xhieda, biex ikunu jistgħu jagħtuhom ritratt b’tifkira. Fir-ritratt tat-tieġ tal-koppja Mifsud jidhru bridesmaid u żewġ flower-girls.
Hawn ukoll għandna rakkont ħelu min-naħa ta’ Josephine. Tgħid li peress li l-familja tagħha ma kellhiex flus, kien hemm mara tafhom, li qaltilhom li ħu l-bridesmaid kien għadu kif jiżżewweġ, u li jekk riedu jiffrankaw il-ħwejjeġ tal-bridesmaid u tal-flower-girls, setgħu jqabbdu lilhom stess għat-tieġ tagħhom. Omm Josephine u Josephine stess qablu mal-ħsieb u Adelina l-bridesmaid u Marianne u Dorothy l-flower-girls reġgħu sabu ruħhom jippużaw fit-tieġ ta’ Josephine. Wara t-tieġ, il-miżżewġin kellhom festin ċkejken familjari. Wieħed miz-zijiet ta’ Josephine offrielhom il-kamra li kellu ħdejn il-Gillieru, San Pawl il-Baħar, biex imorru jqattgħu l-qamar il-għasel fiha, iżda huma ppreferew li mill-ewwel lejl imorru fid-dar ġdida tagħhom. F’kamra raqdu huma, waqt li f’oħra raqdu omm Josephine u ħutha. F’temp ta’ xahar u nofs, omm u ħut Josephine, emigraw.
Fid-dar ta’ omm Josephine, bil-ħila tal-Majjistra Consolata Meli, twieldu ħamest itfal lill-koppja Mifsud. Kellhom lil Charlie, miżżewweġ lil Anna; Rita u żewġha Charlie Micallef; Franco u martu Louise; Polly u żewġha Paul Grima u David miżżeweġ lil Rita. Apparti minn dan, Emanuel u Josephine huma nanniet ta’ tmien neputijiet u bużnanniet ta’ tnejn – Nathan u Ilona. Għal dawk li huma valuri reliġjużi, Emanuel jgħid li quddiesa u rużarju ma naqsu qatt meta kien fil-Kulleġġ St. Patrick’s. Min-naħa tagħha, Josephine tgħid li l-quddiesa kienet tmurha kuljum, il-parroċċa. Tiftakar li ġieli kellha taqsam il-wied fix-xita, meta l-ilma kien jitla’ sal-pexxul. Meta kellhom it-tfal u dawn bdew jikbru, kienu jinqasmu għall-quddies, iżda meta marru joqogħdu qrib il-kappella, it-tfal bdew imorru weħidhom. Għar-rigward tat-trobbija ta’ llum, Emanuel jemmen li għan-nanniet, illum aħjar, għax peress li l-ommijiet jaħdmu, imorru aktar spiss għand in-nanniet, meta mhux ukoll iħallulhom lit-tfal. Qabel, it-tfal kienu jibqgħu ma’ ommhom fid-dar.

Josephine hi tal-fehma li dari kienet teżisti aktar ġabra fil-familja. Semmiet li dari, uliedha kienu jaslu fl-4.00 p.m. mill-iskola, iduru mal-mejda u jagħmlu l-homework. Isir ħin il-mużew u jmorru. Wara jieklu, jinħaslu u jidħlu fis-sodda. Hawnhekk, Emanuel jaqbel ma’ martu. Jgħid li llum, it-trobbija hi mill-agħar. Lanqas dixxiplina ma teżisti. Illum, kompla jgħid, l-għalliema ma għadhomx meqjusin bħala dawk li jridu jedukaw, iżda bħala impjegati tal-Gvern li jridu jaqdu lis-soċjeta’ u lit-tfal. Mhux talli hekk, talli jeżisti numru tat-telefon, biex it-tfal, minn eta’ ċkejkna, ngħallmuhom ma joqogħdux għal dak li jgħidulhom min hu akbar minnhom u lanqas għad-dixxiplina. Dari, għal kull żball kien ikun hemm il-kastig, u dan kien jingħata għall-ġid tal-istudenti nfushom.
Il-koppja Mifsud taqbel ukoll li llum, lanqas il-ġenituri nfushom m’huma jisħqu għad-dixxiplina minn uliedhom. Qed jagħtuhom wisq riħ u jagħmlu minn kollox biex lil uliedhom ma jtellgħuhomx bl-istess mod li telgħu huma. Ħafna drabi, dan l-esperiment mhux jirnexxi, għax qed jagħmlu minn uliedhom tfal ribelli.
F’għeluq il-50 sena miż-żwieġ tagħhom, f’Jum San Pawl tal-2002, ma setgħux jagħmlu l-quddiesa tat-tiġdid tat-tieġ fil-parroċċa u għalhekk għamluha fil-kappella fejn kienu joqogħdu sa erba’ snin ilu. Għaliha attendew il-familji kollha Mifsud u Micallef u wara marru għal ikla f’ristorant f’Buġibba. Minn dakinhar tal-50 anniversarju għaddew seba’ snin oħra ta’ ħajja ta’ mħabba bejn Emanuel u Josephine, li lanqas biss jemmnu li ilhom miżżewġin 62 sena!