Karfusu

Martin Morana

KARFUSU   Wieħed mill-ismijiet mogħtija lix-xitan. Dan hu wkoll l-isem ta’ logħba tat-tfal. F’din il-logħba jintgħażlu tlitt itfal. Tifel jew tifla j/tagħmilha ta’ Ġesù, tifel jew tifla oħra j/tagħmilha tal-anġlu u tifel ieħor jew tifla oħra j/tagħmilha ta’ Karfusu, jiġifieri tax-xitan. Dik il-persuna li tagħmilha ta’ Ġesù, b’vuċi baxxa biex ma jisimgħuhiex ‘l-anġlu’ jew ‘Karfusu’, tagħti isem ta’ kulur lil kull wieħed u waħda mit-tfal li jkun hemm madwarha. Imbagħad jersqu lejha l-anġlu u Karfusu u jsaqsuha x’tip ta’ kuluri hi tat lit-tfal. Fil-fatt din il-mistoqsija jsaqsuhielha bit-Taljan: ‘Che colore?’ L-anġlu u Karfusu jibdew jissuġġerulha kulur wieħed wara l-ieħor, kif imisshom skont it-tokk. Kull darba li ż-żewġ karattri jaqtgħu l-kulur tat-tfal, dawn it-tfal ikollhom imorru ħdejn dak li jkun qata’ l-kuluri. Fl-aħħar jingħaddu kemm-il tifel jew tifla hemm mal-‘anġlu’ u ma’ ‘Karfusu’, u jirbaħ dak li jkun qata’ l-akbar numru ta’ kuluri u għaldaqstant ġabar l-aktar tfal miegħu. Sors prinċipali: Logħob, Taqbil u Ġugarelli ta’ Guido Lanfranco, Wise Owl Publications, p. 35.