Temmen fl-ispirti fl-għamara antika?

Charles B Spiteri
Meta xi ħaġa tmur ħażin matul il-lejl, żgur li l-inqas ħaġa li twaħħal fiha jkun il-bastun tan-nannu! Iżda dak jaf ikun l-oġġett sfortunat f’numru ta’ postijiet meqjusa msaħħra.alt
 
F’nofs is-seklu dsatax, f’South Carolina, Jacob Cooley qatel ilsir bl-isem ta’ Hosea, talli ħadimlu bagoll li ma kienx kif xtaqu hu. L-ilsiera ħbieb ta’ Hosea vvendikaw irwieħhom billi marru għand saħħar u talbuh jagħmel magħmul fuq il-bagoll. Dan il-magħmul wassal għall-mewt ta’ 17-il persuna qrib ta’ Colley, fosthom l-ewwel tifel li twelidlu. Is-saħta tneħħiet aktar tard minn saħħara; u llum il-bagoll jinsab fil-Mużew tal-Istorja f’Kentucky.
 
Meta l-proneputi ta’ Mary Anderson ra l-ispirtu ta’ nannuh fid-dar f’Indiana, qatgħetha li tneħħi l-beżgħat tat-tifel billi tbigħ il-bastun li kellu n-nannu.
Min ħallas l-iktar għalih fl-irkant, intalab jikteb ittra lit-tifel, jgħidlu li l-bastun sab postu. Għalih tħallset is-somma ta’ €57,286 u llum jinsab fil-Golden Palace Casino f’Antigwa.
 
Il-pittura ta’ Bruno Amadio, li turi tifel jibki, qajmet furur fis-snin tmenin meta ġellied tan-nar f’Yorkshire stqarr li ra l-pittura mhix mittiefsa f’nirien li ħakmu dar. Bdew id-diċeriji li l-pittura kellha xi magħmul.
 
Il-gazzetti organizzaw ħruq tal-kopji tal-pittura biex jeħilsu lill-pajjiż mis-saħta. Il-każ tal-bunk beds misħutin f’Wisconsin sar magħruf fl-1987, meta Alan u Debby Tallman xtrawhom mingħand regettier lokali. Minn meta daħħluhom id-dar, qattgħu disa’ xhur jgħixu f’biża’ totali.
 
Is-settijiet tar-radju bdew jixegħlu u jintfew weħidhom; it-tfal beda jitlgħalhom id-deni mix-xejn u sa raw xbieha ta’ saħħara matul il-lejl. Il-familja sejħet lil saċerdot għall-għajnuna u għal xi żmien kollox ikkwieta. Iżda fil-Milied tal-1988, is-Sur Tallman sema’ vuċi titolbu jmur fil-garaxx, fejn ra nar enormi li ntefa dikment.
 
Is-‘siġġu tal-mewt’ ta’ Pennsylvania kien l-aktar artefatt prezzjuż miżmum f’Baelroy Mansion f’Philadelphia.
Jingħad li dan is-siġġu ta’ 200 sena kien ta’ Napuljun, iżda l-fatat li jimmanifesta ruħu f’din l-għamara jieħu l-forma ta’ mara żagħżugħa bl-isem ta’ Amelia. Hi tidher f’ħuġġieġa ta’ lewn ikħal.
 
Is-siġġu ħa ismu wara li erbgħa min-nies mietu ħesrem wara li poġġew fuqu, u jingħad li l-istess xorti tmiss lil kull min jittanta jużah.