Xixu

Martin Morana

XIXU Logħba tat-tfal li kienet tintlagħab fit-toroq bejn żewġt itfal jew aktar. Dawn jużaw biċċtejn injam – waħda twila bejn 30 u 40 ċm u l-oħra laqxa ta’ bejn 5 u 10 ċm. Din tal-aħħar titqiegħed mal-art, u bl-injama l-kbira t-tfal kienu jagħtu daqqa b’saħħitha mat-tarf tal-injama ż-żgħira, biex din jalzawha mill-art u hekk tittajjar fl-ajru kemm jista’ jkun ’il bogħod. Jirbaħ il-logħba min iwassal l-injama l-aktar ’il bogħod. Meta l-laqxa jtajruha ’l hinn, imbagħad, kienu jgħidu, ‘Kemm se tieħu sal-posta?’ jiġifieri ‘Kemm hemm bogħod minn fejn waqgħet il-laqxa sa fejn hemm il-post aħħari fejn trid titwassal?’ U l-ieħor jgħid, ‘Ħa nieħu ħamsin’ (it-tul tal-injama mmultiplikat ħamsin darba). Allura jekk ikollu dubju jrid ikejjel ħamsin tul tal-injama t-twila mill-post fejn taret il-laqxa. Jekk il-ħamsin joqogħdu, jiżdiedu mal-punti, u jekk le jitlef kollox. Ir-regoli u l-intriċċi kienu jinbidlu skont it-tfal ta’ dak il-post.

Sorsi: Mario Galea, Facebook, Kelmet il-Malti.