Jiltaqgħu kawża tal-evakwazzjoni fi żmien il-gwerra

Charles B. Spiteri

altminn Charles B. Spiteri

Il-koppja Saver u Olga Camilleri minn Ħ’Attard jistgħu jgħidu li l-aħħar gwerra dinjija kienet katalista biex laqqgħethom flimkien, iżżewġu u ilhom flimkien għal 69 sena.

Olga, flimkien mal-ġenituri u ħutha – li kienu 13, kienu joqogħdu Tas-Sliema, iżda fi żmien il-gwerra spiċċaw evakwaw ruħhom u sabu refuġju Ħ’Attard, f’dar – quddiem il-Villa ta’ Strickland – li serviethom ukoll bħala xelter. Imbagħad, ommha kellmet lill-Kappillan Balzan, li kien minn Tas-Sliema, u tahom joqogħdu fil-kappella u s-Sagristija tal-Museum ta’ Ħ’Attard. Kien hemm numru ta’ familji, li ħadu kamra kull wieħed.

Wara krew mezzanin fit-triq tar-Rabat, li kellha xelter ukoll. Damu fiha xi sitt xhur, għax twaqqgħet fl-attakki tal-għadu. Minħabba f’hekk allokawhom fil-knisja tas-Salvatur, li kienet faċċata tad-dar fejn kienu. Wara xi tmint ijiem, il-knisja wkoll twaqqgħet mill-bombi tal-għadu u hi, ħutha u l-familja spiċċaw mirdumin taħt l-art, għax ix-xelter tal-knisja kellu bokka waħda, li ġiet imblukkata. Madankollu ħadd ma weġġa’ bil-goff, u ġew salvati mill-ħaddiema tas-salvataġġ.

Saver minn dejjem kien joqgħod Ħ’Attard u jirrakkonta li kienu familja ta’ ħamsa min-nies: missieru u ommu, hu u żewġt aħwa bniet. Iżda fi żmien il-gwerra u f’temp ta’ tliet snin mietu l-ġenituri tiegħu u oħtu l-kbira.

L-introduzzjoni

Darba, waqt li kien f’passiġġata mal-kuġina tiegħu Carmelina, li llum tinsab l-Amerika, lemaħ lil Olga u talabha tintroduċih magħha. Din qablet max-xewqa tiegħu u qalet lil Olga li kuġinuha xtaq ikellimha. Min-naħa tagħha, Olga weġbitha li lesta tkellmu iżda bi prova, għax ħasbet li l-kuġin li qaltilha bih Carmelina, kien ġuvni ieħor. Dan kollu seħħ fl-1944.

Għal dawk is-snin, in-namur kien ikun l-ewwel pass għall-ħajja tal-imħabba, fejn in-namrati jippjanaw biex jagħtu l-aħbar lill-ġenituri. Saver jgħid li madankollu, fin-namur tagħhom kien diġa’ beda jidħol fid-dar tan-namrata. Miegħu kien jieħu lil oħtu iżgħar minnu Ġuża, għax huma biss kien fadal mill-familja. Missier u omm Olga, li sadattant kienu saru jafuh sew, ma oġġezzjonawx għall-imħabba ta’ binthom lil dan il-ġuvnott.

Bħala namrati kienu jitħallew joħorġu flimkien, bil-patt li fis-7.30 p.m. ikunu rritornaw id-dar. Kienu jmorru passiġġata sal-istazzjon tal-ferrovija f’Ħ’Attard u xi kultant, nhar ta’ Sibt jew Ħadd imorru jaraw xi film il-Prince inkella r-Roxy, Birkirkara. Il-films kienu jintemmu fit-8.00 p.m. iżda għal okkażjonijiet bħal dawn kienu jkunu permessi jittardjaw dik in-nofs siegħa. U jmorru fejn imorru, magħhom kienu jieħdu lil oħtu Ġuża u lil waħda minn ħut Olga.

Xi xhur wara ħadu l-għerusija, fejn xtraw iċ-ċrieket u tawhom lil xulxin. Riċevimenti ma kinux jeżistu, peress li kien żmien il-gwerra.

Wara sena u erba’ xhur mindu ltaqgħu, ħasbu li jiżżewġu. Kellhom l-ewwel dar tagħhom fi Triq San Antnin, Ħ’Attard stess. Olga tiftakar sew li l-libsa tat-tieġ tagħha, li kienet simili għal dawn ta’ llum, kienet bagħtithielha zijitha mill-Amerika. Saver, li kien daħal minn jeddu mal-Air Force biex ma jinġabarx bil-lieva u jispiċċa fl-Armata – li ma kellux grazzja magħha, kien ħa kors mal-Uffiċċju tal-Posta u daħal bħala Postal Clerk. Naturalment, kellu l-uniformi u allura, dak iż-żmien, kulmin kien jaħdem mal-Ingliżi u kellu uniformi, kien obbligat jiżżewweġ biha.

Għallmu u żewġu

Saver u Olga żżewġu fid-29 ta’ April, 1945 fil-Parroċċa Santa Marija ta’ Ħ’Attard. Żewwiġhom Dun Pawl Said, li lil Saver kien jgħallmu meta kien għadu student is-Seminarju. Wara ż-żwieġ, il-miżżewġin friski rikbu l-karrozza u marru l-Ħamrun għand Cassar Photo Studio, biex jiġbdilhom ir-ritratt tal-okkażjoni. Kienu marru bil-biża’ fuqhom, minħabba li l-attakki tal-gwerra kienu għadhom jimmiraw fuq Malta. Mill-Ħamrun telgħu d-dar tal-ġenituri ta’ Saver, fejn kellhom riċeviment familjari u kienu mistednin xi ħbieb.

Għat-tieġ, Saver kellu ħabib li sablu tliet mużiċisti li marru jdoqqulhom u ħolqu ambjent ferrieħi fost il-mistednin.

Minkejja li kien żmien il-gwerra, Saver u Olga marru għal qamar il-għasel f’lukanda Birżebbuġa, li kienet ta’ Dowling.

Lura fid-dar matrimonjali, bdiet ħajja ġdida għall-koppja Camilleri, li xxettlet bl-ulied. L-ewwel ma kellhom kien lil Philip, armel ta’ Nathalie u għandu tlett itfal: TracyAnn, Adrian u Audrey. Imbagħad kellhom lil Tony, li hu miżżewweġ lil Rosemary u għandhom żewġt itfal: Stefan u Michelle.

Saver, li serva fl-Air Force għal 26 sena, kellu jsiefer fuq ix-xogħol tiegħu. Dan għamlu fl-1949. Ħadem fil-Lvant Imbiegħed, fil-Lvant Nofsani, fl-Ingilterra u f’Ċipru. Meta kien l-Ingilterra, martu Olga kienet miegħu u hemm tweldilhom Peter, li llum hu miżżewweġ lil Irene u għandhom tlett itfal bniet: Hayley, Ashley u Natasha.

Fl-aħħar, Saver u Olga kellhom lil binthom Maria, illum miżżewġa lil Francis Pisani u huma l-ġenituri ta’ Ephrem u Victoria. Maria twelditilhom f’Aden, fejn marru għal sentejn minħabba s-servizz ta’ Saver. Illum, Olga u żewġha huma bużnanniet ta’ żewġ pro neputijiet, li huma Maria u Harley.

Meta Saver iħares lura lejn ħajtu jiftakru jwettaq ix-xogħol mitlub minnu mill-Air Force, tant li l-aktar li għandu għal qalbu huma l-medalji kommemorattivi li ngħata u li apparti milli jilbishom f’ċerti okkażjonijiet, huma esebiti f’vetrina.

Medalji kommemoratti

Għas-servizz li ta, Saver irċieva l-Africa Star, id-Defence Medal, Il-Long Service u Good Conduct Medal, żewġ General Service Medals, mogħtijin f’perijodi differenti u l-Victory Medal . Barra minhekk għandu medalja oħra mogħtija mill-Gvern Malti lil dawk li taw servizz f’Malta.

Mitluba tirrakkonta fuq id-differenza bejn il-ħajja ta’ tfulitha u dik ta’ llum, Olga tgħid teżisti differenza kbira. Illum hawn ħafna aktar divertiment. Dari, biex familja tiddeverti kienet tmur għal xi opra milli kienu jiġu Malta, u li kienu jkunu preżentati fil-Gaeity jew fir-Radio City, il-Ħamrun.

Il-ħajja tal-mara tbiddlet ukoll u b’rata mgħaġġla. Dari, mara miżżewġa kienet tieħu ħsieb id-dar u lil uliedha, meta mhux ukoll lill-ġenituri. Illum, mhux talli kulħadd jirsisti biex joħroġ jaħdem, talli qed tinbet il-pika bejn il-miżżewġin għax f’xi każi l-mara taqla’ aktar flus minn żewġha. U dan qed joħloq il-problemi u ġieli jwassal għas-separazzjonijiet.

Olga hi tal-fehma li problema ewlenija oħra fost il-miżżewġin ta’ llum hi ma jafux jistennew. Iridu kollox fil-pront, sew f’kulma jeħel ma’ moħħhom kif ukoll f’dik li tiqies bħala lifestyle u oġġetti tad-dar.

Forsi problema oħra li l-koppja Camilleri tara fit-tfal li telgħin illum hi n-nuqqas ta’ ħeġġa li għandhom għall-attivitajiet b’rabta mar-ruħ. Hawn numru kbir ta’ żgħażagħ tal-ġabra u li jagħtu sehemhom kollu b’riżq il-proxxmu, iżda hawn numru ieħor li huma berdin għall-ħwejjeġ tal-Knisja.

Olga tirrakkonta li meta kienet żgħira, qatt ma kienet titlef quddiesa u din id-drawwa sabiħa għaddietha wkoll lill-erba’ uliedha. Tiftakar żmien meta kienet tattendi quddiesa b’xi tarbija milli kellha fi ħdanha. Illum, li qabżet it-80 sena, tmur mill-inqas darbtejn fil-ġimgħa. Żewġha Saver kien l-istess, u jgħid li anki meta kien imsiefer, kien ifittex biex jara fejn kienet se titqaddes xi quddiesa, ħalli ma jitlifhiex.