Tal-imqaret, il-ġelati u l-bigilla

altSewwasew fil-kantuniera l-oħra fi Triq Irjali, kif taqbeż ir-Radio City, lejn il-Ħamrun, qabel ma titla’ l-isqaq għall-forn tal-Bażikk, hemm ħanut ċkejken ferm – toqba kollox, li r-raġel xwejjaħ li jkun fih, Ġanni, jaqli u jbigħ l-imqaret tat-tamal. Imqaret, li fietla u mhux jaħarqu, joħolqulek benna tal-għaġeb fil-ħalq.

Minn filgħodu sa filgħaxija, dan il-ħanut jibqa’ għaddej bil-produzzjoni. Naturalment, sid il-ħanut, iġib l-imqaret mhux misjura miegħu u jaqlihom hemm fiż-żejt jagħli. Ir-riħa tiftaħlek imnifsejk, għax mal-imqaret jitfa’ l-maskta (anisette) u tgħidx x’riħa tfuħ jagħmlu, iżda t-togħma tisboq kollox, għax it-tamal hu kemxejn abbundanti.

Dan in-negozju jtul għal kemm idumu għaddejjin l-istaġuni tal-ħarifa, ix-xitwa u r-rebbiegħa, iżda ħidmet il-bejjiegħ tal-imqaret ma tiqafx. Ġieli jagħlaq il-ħanut qabel, u bl-ewwel Lambretta  bi tliet roti li daħlet Malta, għax bil-kaxxa fuq wara, idur it-toroq tal-Ħamrun ibigħ il-bigilla u l-isfineġ tal-bakkaljaw. Jgħajjat l-għajta ‘Hawn hu’.

altIl-bigilla tkun qisha f’kaldarun fejn tinżamm sħuna. Meta n-nanna tibgħatni nixtri b’xi sold, jaqbad karta strazza, jagħmilha forma ta’ lembut u jitfagħli fiha. Imbagħad ikollu flixkun b’likwidu aħmar – aktarx bżar aħmar misħuq u miżjud b’xi żejt — u jferrixli fuq il-bigilla. Appena jitfa’ l-bigilla fil-lembut u qabel ma jitfagħli l-bżar, jagħlaq il-kaldarun bl-għatu.

Għall-isfineġ għandu speċi ta’ akkwarju tal-ħġieġ, bl-għatu wkoll u meta nixtri minnhom, jagħmilhomli f’borża tal-karti.

It-togħma tal-bigilla niggustaha, għax tajba iżda ma’ tistax tipparagunaha ma’ dik tal-isfineġ, l-aktar fin-nofs tagħha. Meta jiġi jbigħ, in-nies toqgħod fil-kju biex tixtri, forsi għax issib l-ikel lest għal filgħaxija u ma toqgħodx issajjar.

Biex jara jagħti l-bqija sew meta jkun meħtieġ, għax id-dawl fit-toroq għadu batut, dan il-bejjiegħ għandu bozza ċkejkna mwaħħla ma’ wara tas-saqaf tal-Lambretta, in-naħa tal-bankina. Jieqaf fejn jieqaf, jitfi l-vettura u jinżel minn postu biex ibigħ.

Hekk kif jibda riesaq l-istaġun tas-sajf, in-negozju tal-imqaret ibatti xi ftit, għalkemm xorta jibqa’ jsajjarhom u jbigħhom. Iżda kull wara nofsinhar, f’dan l-istaġun tas-sħana, lil ‘tal-imqaret’ nerġa’ narah tiela’ biż-żiemel minn Triq Irjali fil-Blata l-Bajda għall-Ħamrun, din id-darba jbigħ il-ġelat u l-granita tal-lumi.

Il-ġelat u l-granita, jagħmilhom hu, d-dar tiegħu. Bħall-ġelat, il-granita għandha togħma tajba u rinfreskanti. Ikunu f’dawk li ngħidulhom ‘bziezen’. Dawn il-bziezen huma ċilindri fondi, li jitqiegħdu f’nofs bettija tal-injam u mad-dawra tagħhom jintefgħu l-blokki tas-silġ. Jien, l-aktar li nixtri hu l-ġelat. B’sold, ningħata ġelat kbir, li jagħmilhuli f’lembut tal-gallettina ta’ barra. Nies oħra qed jixtru l-ġelat f’reċipjenti tal-aluminju u tal-enamel.

Biex ma jdublix, niekol malajr dak il-ġelat li jkolli ’l barra mill-lembut tal-gallettina, iżda darba nagħmel hekk, nibda nara li qed jonqosli malajr, għax isfel nett qajla jkun hemm ġelat. Mill-banda l-oħra, jekk nieħdu bil-kalma, tilħaq tixxarrabli l-gallettina minn taħt u jaqagħli l-ħalib. Allura kultant, wara li niekol il-ġelat ta’ fuq, biex ma jdublix, nigdem il-gallettina minn taħt u nħalli lill-ġelat jinżel f’ħalqi bil-mod il-mod. B’hekk nemmen li ntawwal ftit il-ħin biex ‘niddevorah’.

Iżda jekk in-nanna jew iz-zija Connie jkollhom xi flus li jistgħu jagħtuni, għada noqgħod nistennieh u nixtri ġelat ieħor!