Iz-ziju Willie, għalkemm iżżewweġ għandu l-ewwel tarbija, għadu jiġi kuljum, filgħodu, fid-dar tan-nanna qabel ma jmur ix-xogħol. Hekk kif in-nannu jiftaħ il-ħanut f’xi l-4.30 a.m., iz-zija Connie tinżel tagħmillu t-te bil-lumi u tixgħel ir-Rediffusion, li ma jiftaħx qabel is-sitta ta’ filgħodu.
Dak il-ħin mis-sodda nisma’ l-isbaħ talba kantata tal-Ave Maria, darba ta’ Schubert u darb’oħra ta’ Gounod. It-tnejn iqajmuni b’burdata tajba. Wara ftit minuti jasal iz-ziju Willie, li ftit aktar qabel ikun għadda l-ħanut u qagħad ħdejn in-nannu. Miegħu, id-dar itella’ l-ġurnali kollha – it–Times, l-Orizzont u l-Berqa u jintasab fit-tarf tas-saqqu, n-naħa tas-saqajn, ikellem lin-nanna fuq it-tifel Lino u fuq ix-xogħol. F’xi ġranet, meta jaqbad il-paga, jagħtiha xi ħaġa tal-flus ukoll.
Jumejn ilu z-ziju Willie ġie ferħan aktar mis-soltu. Qal li xtara karozza mingħand wieħed li jaħdem miegħu; Salvu Attard, mill-Ħamrun. Hi karozza Ford Anglia, magħrufa bħala ta’ molla waħda. Swietu ₤100, u l-lum il-Ħadd se jiġi biha maz-zija Fefa (għal Raffaela) u ma’Lino. Filgħaxija għandu joħroġ lili u lin-nanna wkoll. Għandna mmorru sa Birżebbuġa.
Għandi seba’mitt sena biex nara din il-karozza. Ħlief f’taz-Ziju Pio ma rkibt qatt minn tal-familja, għax ħadd ma għandu, peress li għadhom meqjusin b’lussu kbir, u l-pagi tal-ħaddiema ma tantx iwasslu. Għall-quddiesa tal-lum sejjer ferħan se ntir. Nixtieq jgħaddi l-ħin biex nara liz-ziju Willie ġej bil-karozza li għadu kemm xtara. In-nannu Karm biss qisu ma ħax pjaċir, għax tant beda jgergirlu li ma kellux x’jambiha.
Il-minutieri tal-arloġġ qishom weħlu. Il-ħin ma jrid jgħaddi b’xejn. Fl-aħħar, mal-għaxra u nofs ta’filgħodu preċiż, mill-bogħod nisma’ ħorn ikrah (minn dawk tat-tromba bil-lastiku, li tal-linja sikwit jagħfsu u jdoqqu). Balleċ, ikun hu; iz-ziju Willie. Jitrakka mal-bankina u jitlobni nitla’ fil-kantuniera biex naralu kif idur ħalli jinżel wiċċu ’l isfel lejn il-Belt, biex jipparkja. Din il-karozza ta’ lewn aħdar ċar, qisu piżella, għandha n-numru tar-reġistrazzjoni 4068 u b’żewġ fanali kbar fuq il-parafangi ta’ quddiem. Aktarx li sa meta ħarġet iddur f’Malta, daqshekk kien hawn karozzi jiġru fit-toroq – 4,068. Dan, fis-snin ħamsin.
Mal-bankina tal-faċċata, li kulmin għandu karozza jipparkjaha hemm, hawn spazju enormi, għax kif għedt il-karrozzi għadhom limitati. In-nannu qed jaqsamli t-triq, għax jaf x’ġenn għandi biex immur naraha mill-qrib u nidħol fiha. Issa, z-ziju Willie pparkja, qala’ ċ-ċavetta minn postha u ħareġ mill-karozza ferħan. Talli rajtlu biex idur u ma jaħbatx, qed jgħini u jtellagħni fuq is-seat minfloku, ħalli noqgħod wara t-tmun. Kos kemm hi differenti minn taz-ziju Pio. Din hi aktar antika u quddiem qisu ġej bil-ponta. Meta ngħidlu hekk, iz-ziju Willie jgħidli li tiegħu aħjar għax b’dik il-forma, il-karozza taqsam ir-riħu tiġri aktar. Jien ma nifhimx f’hekk, iżda l-aqwa li fiha erba’roti u llejla twassal lili u lin-nanna għall-ħarġa li webbilni biha z-ziju Willie.
Għalhekk illum lgħabt aktar bil-qalb mat-tarbija taz-Ziju Willie, u dan biex inpattilu bil-quddiem ta’ din l-ewwel ħarġa. Ma nafx x’tani. Tant jien viċin maz-ziju Willie, li din il-karozza qed inħossha li hi tiegħi ukoll. U lanqas nilħaq niekol li ma nitlax fil-gallarija nittawwal biex niżgura ruħi li għadha hemm. Bħali qed jagħmel ukoll iz-ziju Willie.
Lino qed jibki. Wasallu l-ħin għall-irqad. Iz-zija Fefa talbitni noqgħod mal-baby tagħha fuq is-sodda, biex jorqod. Hekk nagħmel u nispiċċa norqod jien ukoll. Tqajjimni n-nanna biex nilbes għax sar il-ħin għad-dawra. X’gost qed inħossu fina u x’differenza mill-ħarġa tas-soltu, sa Tas-Sliema. Hawn, minbarra li qed naraw toroq oħra u l-vjaġġhu itwal, għandna s-sodisfazzjon li ma noqogħdux nieqfu f’kull stage.
Issa wasalna fid-destinazzjoni li xtaq iz-ziju Willie. It-toroq baħħmill-karozzi. Iridna ninżlu lkoll u resqin lejn ħanut mnejn sejjer jordna xi luminati. Għalkemm sar l-istess ħin li soltu nirritornaw id-dar b’tal-linja, illum in-nagħas għadu ma tefax is-seħer tiegħu fuqi. Qiegħed attent għat-toroq u għall-mod kif iz-ziju Willie qed isuq il-karozza. Min jaf Ħadd ieħor jerġax jiġi għalina u joħroġna xi mkien ieħor?