Ftit żmien ilu u sewwasew fit-22 ta’ Novembru tal-1963, xterdet ix-xniegħa li assassinaw lill-President tal-Amerika, John F. Kennedy. Jiem wara ħabbru l-funeral.
Li jinqatel President ta’ superpotenza mhix ħaġa ta’ kuljum u dan il-President Kennedy kien maħbub. Issa Malta kollha xegħlet għal dan il-funeral. Setgħu jsegwuh biss dawk il-Maltin tat-tajjeb li għandhom televiżjoni black and white. It-televiżjoni f”Maltadaħal għall-ewwel darba s-sena ta’ qabel.
Jien u nannti ninsabu mistednin għand is-Sur u s-Sinjura Simmler, li joqogħdu faċċata tagħna. Nistgħu nsegwu bilqiegħda fis-salott tagħhom, kulma jsir dakinhar. Issa, li kważi għandi 13-il sena, it-televiżjoni jsaħħarni. Għax tibda tistaqsi: kif tista’ ssegwi dak il-ħin stess kulma qed iseħħ f’pajjiż tant ’il bogħod minnartek!
Barra minnhekk, it-televiżjoni ma jxandarx biss funerali. Hemm filmati sbieħ, varjetà, kant u kulma wieħed jista’ jistenna mix-xandir.
Fil-Ħamrun hawn żewġ bejjiegħa ta’ fama għall-bejgħ tat-televiżjonijiet. Wieħed hu Consiglio Damato, li jimporta l-Leowe Opta u għandu l-ħanut tiegħu ftit ’l isfel u faċċata tal-knisja ta’ San Gejtanu u l-ieħor, ċertu Frans, jimporta l-Erres u jinsab quddiem l-Għassa tal-Pulizija.
Ħafna nies, biex taparsi għandhom is-sett tat-televiżjoni, qed itellgħu arblu fuq il-bejt u miegħu jwaħħlu antenna. Iżda bħali, ma jaraw xejn.
Issa missieri, li jaħdem mal-Gvern, aktarx li ngħata somma flus bħala arretrati u peress li fil-familja diġà ninsabu b’ħamest itfal żgħir, apparti jien, li ngħix għand in-nanna, it-televiżjoni hu bżonjuż għal dak li missieri u ommi jaħsbu li hu ġabra tal-familja. Għax fejn tmur fis-sajf u fix-xitwa, jekk karozza ma għandniex? Kemm se jdumu niżlin u telgħin għand in-nanna, mill-Ħamrun għall-Blata l-Bajda?
Allura missieri qatagħha li jixtri televiżjoni tad-ditta Erres. Il-prezz tiegħu hu £130. Issa d-distakk bejni u bejn ħuti hu kbir immens. Huma jistgħu jsegwu l-filmati wara l-iskola u jien le, għax in-nannu Karm u n-nanna Alice m’għandhomx televiżjoni. B’hekk issa ninsab fuq ix-xwiek li nkun aktar spiss fid-dar ta’ ommi. Hemm insegwi bosta programmi tat-tfal. L-aktar popolari huma l-filmati tal-kelb Rin Tin Tin; Penno di falco – il capo Cheyenne; Flipper; Furia; l-aħbarijiet; il-Carosello (programm ta’ reklami differenti) u l-ispettakli ta’ filgħaxija meta nibqa’ għand il-mamà u l-papà.
Il-mamà ġieli tinġabar magħna ssegwi dawn il-programmi. Il-papà le. Dak l-aktar li jħobb jara huma l-logħbiet tal-football, li jien qatt ma interessani u xi logħba boxing. Ma nafx kif għall-football u l-boxing jużaw it-terminu ‘logħob’. Dejjem jaqgħu, jaqilgħu id-daqqiet u jweġġgħu – u jsejħulu logħob. Mela l-logħob li fih ma tweġġax, x’jgħidulu?
Issa qed tidħol il-pika sew bejn l-impurtaturi tat-televiżjonijiet. Qed jingħad li l-Leowe Opta huma l-aħjar u hawn min qed jgħid li r-raġuni hi li t-technicians tagħhom qed itellgħu l-aktar antennifil-għoli biex jiġbdu s-sinjali aħjar.
It-televiżjoni hu invenzjoni sabiħa u ġdida, iżda bħal invenzjonijiet oħrajn, qed joqtol delizzju sajfi tagħna t-tfal; dak li ntellgħu t-tajr minnfuq il-bjut. Bil-mod il-mod, il-bjut tad-djar Maltin qed jimtlew bil-kanen twal u antenni u kull tajra tal-karti, teħel magħhom u titqatta’ appena titla’.