Iċċelebrajna

Charles B. Spiteri
1 2 3

Iltaqgħu f’Tal-Pietà waqt ‘Luna Park’

altminn Charles B. Spiteri

Victor Zammit u Tessie nee Bartolo għalqu 55 sena miżżewġin. Iltaqgħu f’Tal-Pjetà, fejn kienet intramat Luna Park fl-1950. Victor kien niżel mir-Rabat ma’ ħabib tiegħu u lemaħ lil Tessie ma’ oħtha u ħuhom iż-żgħir, li llum jinsab l-Awstralja. Tkellmu kemxejn, iżda dik it-taħdita kebbsitilhom in-nar tal-imħabba f’qalbhom. Kienet l-ewwel laqgħa li mhux biss wasslithom għaż-żwieġ, iżda li kif xtaqu, iqattgħu l-kumplament ta’ ħajjithom flimkien.

Victor hu l-kbir minn tliet aħwa, żewġ subien u tifla, waqt li Tessie hi l-ħames waħda minn tmint itfal. Proprjament, Victor twieled l-Isla iżda minħabba l-Aħħar Gwerra Dinjija, il-familja tiegħu telgħet refuġjata r-Rabat u baqgħet tgħix hemm. Tessie, kienet mill-Ħamrun. Minn dak l-ewwel jum li raw lil xulxin, ftehmu li jkomplu jiltaqgħu. U hekk għamlu. Victor u Tessie jiftakru li f’dawk il-ġranet li kienu ltaqgħu kienet ġiet inawgurata l-Birrerija ta’ Farsons fl-Imrieħel u kienet miftuħa għal xi jiem għall-pubbliku. L-appuntament ta’ bejniethom li kien imiss, kien li jiltaqgħu hemm. 

Tfitix għax-xogħol

Wara ftit jistenna, Victor ra lil Tessie ġejja ma’ oħtha u dak il-ħin ħa r-ruħ. Qabel ma ltaqa’ ma’ Tessie, Victor kien beħsiebu jidħol l-Università, iżda ma kellux biżżejjed kwalifiki biex jagħmel dan. Allura beda jfittex ix-xogħol.  Kif jiġru l-affarijiet, ftit snin qabel kienet qed tinbena l-fabbrika ta’ Farsons fl-Imrieħel u hu kien jinżel mir-Rabat biex ifittex ix-xogħol għalih u għal ħuh ma’ din il-fabbrika. Iltaqa’ ma’ ġuvnott li bħalu beda jfittex ix-xogħol bla ma kien jaf min kien u baqgħu flimkien sa ma waslu Fleur de Lys.
Xi żmien wara li Victor iltaqa’ ma’ Tessie, sar jaf lil ħuha li kien jismu Harry u ftakar li kien iltaqa’ miegħu żmien qabel. B’kumbinazzjoni kbira, dan il-ġuvni kellu jkun ħu Tessie.

Il-ħruġ ta’ Victor u Tessie kien ikun xi passiġġata sal-Bombi u lura. Fit-8.30 p.m. Victor kien ikollu jkun id-dar. Allura meta jilmaħ lill-karrozza tar-Rabat tielgħa minn Triq il-Kbira, kien jitlaq lix-xbejba tiegħu, jirkeb u jitlaq lejn daru. Għamlu sentejn namrati u sentejn għarajjes. Il-ġenituri kienu jkunu jafu li uliedhom qed jiltaqgħu, iżda xorta l-ħin tal-irtrirar kien ikun l-istess. Meta Victor għarraf lill-ġenituri tiegħu b’Tessie, missieru ħadha kontra tiegħu bl-iskuża li ma kienx għadu l-waqt. Victor bħal irribella u qal lill-ġenituri tiegħu li kien se jagħmel l-eżami u jekk jgħaddi japplika għall-Papaffy Fund u jkun jista’ jħallas il-passaġġ għall-Awstralja.

Meta omm Victor semgħet dan, inkwetat għax ma riditx li binha jħallihom. Ippruvat tikkonvinċi lil żewġha biex jaċċetta. Għalkemm l-omm dehrilha li ma kien hemm xejn ħażin li binha jkellem xebba, ħa ladarba tkun tal-affari tagħha, missieru baqa’ jsostni li ma kienx il-waqt, avolja ibnu kellu 20 sena. Ir-raġuni ta’ kollox kienet għax il-ġenituri ta’ Victor, fil-familja tagħhom kellhom numru sabiħ ta’ patrijiet u qassisin u xtaqu li huma wkoll iżommu din it-tradizzjoni.  Dan peress li Victor ħa l-edukazzjoni sekondarja tiegħu fis-Seminarju tal-Arċisqof, fil-Furjana. Għalhekk kienu jittamaw li huma wkoll ikollhom saċerdot.

Aċċettazzjoni

Minn hemm u minn hawn, fl-aħħar aċċettaw il-fatt li binhom ikellem lil Tessie, iżda missieru dam ħafna jsostni fehmtu, tant li waqt li Victor kien ikun sejjer jirkeb il-karrozza tal-linja minn fuq is-Saqqajja għall-Ħamrun biex jiltaqa’ mat-tfajla tiegħu, u missieru, li kien jaħdem id-Dockyard ikun qed jirritorna d-dar mix-xogħol – hekk kif jiltaqgħu fit-triq, Victor kien ikun lest biex jgħidlu ‘benedizzjoni pa’, imma missieru kien jinjorah u jibqa’ sejjer, qisu ma għadda ħadd.

Ma għandniex xi ngħidu, Victor, għalkemm kien jiddispjaċih għal din l-imġiba, jifhem ukoll id-dixxiplina li kien jeżerċita missieru fuqu u dan, fl-aħħarnett, seta’ kien ukoll għax xtaqlu l-ġid. Meta ried ikun jaf min kienet it-tfajla li Victor kien qed jiltaqa’ magħha, mar jistaqsi lil wieħed li kien jaħdem miegħu fid-Dipartiment tal-Fitters u qallu li ibnu kien qed ikellem tfajla kunjomha ‘Bartolo’ u xtaq ikun jaf xi informazzjoni fuq il-familja tagħha.

Għall-ewwel dan qallu li lill-familja Bartolo ma jafhiex, iżda wara, irrealizza li kellu sitt kuġini subien u żewġt ibniet, li kunjomhom kien ‘Bartolo’ u nduna li t-tfajla ta’ Victor, li kien jisimha Tessie, kienet kuġintu u ommha kienet iz-zija tiegġu, oħt missieru. L-għada, dan mar jgħidlu li għandu jserraħ rasu u li ma għandu jkollu l-ebda nkwiet li ibnu jitħallat mal-familja Bartolo.

Għar-rigward tal-ġenituri ta’ Tessie, Victor jirrakkonta li kellha żewġ qaddisin. Aċċettawh mill-ewwel hekk kif saru jafu li kien ġuvni tal-affari tiegħu, iżda kien hemm waqtiet fejn missierha (li wkoll kien jaħdem it-Tarzna) kien jgħidilha biex tieqaf tkellmu, għax missieru kien qed imur ħdejh waqt ix-xogħol u jgħidlu ‘tħallix lil bintek tkellem lil ibni’.

Fil-festa tal-Bambina

Għall-festa ta’ Maria Bambina tal-Isla ta’ dik is-sena kien ftiehem ma’ ommu li biex imorru għall-festa, u jurihom min kienet ix-xebba li kellu. Dak iż-żmien, l-istatwa kienet toħroġ mill-knisja ta’ San Filippu. Ma għandniex xi ngħidu, dan il-ftehim seħħ għax waqt li kienet ħierġa l-purċissjoni bil-vara, kemm il-ġenituri u ż-żewġ maħbubin tefgħu ħarsithom lejn xulxin ta’ spiss.

Wieħed jista’ jikkonkludi li kien jidher ċar li l-ġenituri ta’ Victor kienu kuntenti, għax meta rritorna d-dar, missieru biddel l-imġiba negattiva tiegħu ma’ ibnu, u omm Victor qaltlu biex issa, la qabad din it-triq, iqis li jkun serju mat-tfajla li qed ikellem, jibża’ għaliha u jirrispettaw lil xulxin. Mill-għada, l-affarijiet qabdu rotta ġdida u l-ġenituri ta’ Tessie ma damux ma kienu mistednin jitilgħu r-Rabat, għand il-ġenituri ta’ Victor. Victor u Tessie damu sentejn namrati u mbagħad tgħarrsu. Kull nhar ta’ Ħadd, Mary, omm l-għarusa, kienet tistieden lil Victor għall-ikel. Din id-drawwa damet sakemm darba, ommu staqsietu x’joqogħdu jagħmlu wara l-ikel, u Victor qalilha li ommha u missierha jitilqgħu jistrieħu u hu u Tessie joqogħdu fil-kamra tal-pranzu. Ommu tant ħaditha bi kbira li qaltlu biex ma jmurx iżjed, għax il-fatt li jkunu weħidhom ma għoġobhiex.

altMatul is-sentejn tal-għerusija bdew ifittxu fejn jikru. Ħabiba ta’ Tessie qaltilha b’post f’Ħal Balzan u krewh. Għalhekk bdew iħejju biex jiżżewġu. Dak iż-żmien, peress li Tessie ma kinitx taħdem, id-dota lill-ulied bniet kienu jagħtuha l-ġenituri. Din kienet tikkonsisti f’għamara, ħwejjeġ u kulma jkun hemm bżonn. Meta Tessie waslet biex tiżżewweġ fil-25 ta’ Lulju 1954 kellha 24 sena u ż-żwieġ tagħhom sar fil-Kappella San Ġużepp, Santa Venera. Iżda peress li l-Isqof Emmauel Galea kien mill-Isla, Victor qal lil missieru biex jara jaqlagħlux permess jiżżewweġ fil-knisja ta’ Sarria, il-Furjana u dan għar-raġuni li t-tieġ kien se jkun fis-sala tal-Iscouts tal-istess lokal. Jiġifieri jiżżewġu u kemm jaqsmu t-triq. Iżda l-Isqof ma taħx il-permess. Appena spiċċa t-tieġ, Victor u Tessie kienu marru għall-qamar il-għasel fil-Lukanda Sea Bank, il-Mellieħa.

Lukanda bla dawl

Sal-1954, din il-lukanda kienet għadha bla dawl tal-Gvern. Biex imorru għall-kamra tas-sodda tagħhom, ingħatatilhom xemgħa. Dan għax id-dawl kien ġenerat minn mutur, li matul il-lejl, jintefa. Hemmhekk, għalkemm kien ix-xahar ta’ Lulju u s-sajf kien daħal ġmielu, filgħodu, fil-bajja tal-Għadira rari kienu jidhru nies jgħumu. Peress li xtaqu jaraw lil tal-familja, iddeċidew ma joqogħdux ġimgħa sħiħa, u niżlu d-dar wara erbat ijiem.

Minħabba li aktar tard, fid-dar ta’ Ħal Balzan kien jidħlilhom ħafna ilma, kellhom iġorru f’dar oħra fl-Isla. F’dik id-dar li kienet fi Triq iż-Żewġ Mini, viċin il-knisja ta’ San Filippu, lil Victor u Tessie twelditilhom l-ewwel tarbija, li semmewha Alex.
Victor kien jaħdem Pinto Wharf, il-Belt, mal-Army, u lura lejn l-Isla wara x-xogħol, kien imur id-dar bil-lanċa. Tessie kienet titla’ fuq it-turretta u tilmħu jxejrilha minn fuq il-lanċa. B’hekk meta kienet bil-ħsieb li ssajjar l-għaġin kien ikollha ċ-ċans kollu li tlestih sa ma żewġha jasal id-dar.

Darba marret ommha tarahom u xejn ma għoġbitha d-dar tagħhom. Qaltilhom biex ifittxu jmorru l-Ħamrun. U spiċċat tathom id-dar tagħha. Imbagħad kellhom tlett itfal oħra. Raymond wara sena u għaxar xhur, Silvio, erba’ snin wara Raymond u David, ħames snin wara Silvio.

Valuri morali

Mistoqsija fuq il-valuri morali ta’ żmienhom, Victor semmieli li ommu kienet tibgħat lilu u lil ħutu l-quddies kuljum u r-rużarju ma naqas qatt. Mhux talli hekk, talli missieru kien iwissihom, li jekk xi ħadd jongħos jew jorqod waqt ir-rużarju, jerġgħu jibdewh mill-bidu. U kien idendlilhom l-istampi tal-kalendarju bil-Via Sagra ta’ Ħaż-Żabbar, biex waqt ir-rużarju, joqogħdu jimmeditaw. Hu u ħuh kienu wkoll abbatini, u jiftakar sew il-quddiesa bil-Latin.

Tessie tirrakkonta wkoll li meta kienu żgħar, biex żgur ma jorqdux waqt ir-rużarju, hi u ħutha kienu joqogħdu jippassiġġaw tul id-dar u jwieġbu bis-Slimiet u l-Qaddisiet. Għar-rigward tal-quddies semmiet li qatt ma tilfet waħda, l-aktar għax id-dar tagħhom kienet viċin tal-knisja.

Skond Victor, issa li kibret fl-età, mhux naqqset mis-smigħ tal-quddies u r-reċtar tar-rużarju, talli tismagħha fuq Radju Marija u tgħid kemm-il rużarju jixxandar. Wara ż-żwieġ Victor ma baqax bid-drawwa tal-quddies ta’ kuljum minħabba x-xogħol, iżda martu Tessie kienet tesiġi li t-tfal jitilgħu kif telgħu huma meta kienu żgħar.

Madankollu Victor jemmen li l-laqgħat tat-talb li jsiru bħalissa, fihom skop ferm usa’, kemm bħala attrazzjoni, kif ukoll f’dik li hi meditazzjoni, minn funzjonijiet oħra fil-Knisja. Tant hu hekk, li kif spjega hu, il-prayer meetings ikunu mballati, waqt li funzjonijiet oħra, uħud jattendu fuq qalbhom. Iżda f’laqgħa ta’ talb il-preżenza tal-Ispirtu Qaddis tinħass ħafna aktar.

Dixxiplina

Il-koppja Zammit temmen li bejn it-trobbija ta’ dari u dik tal-lum teżisti differenza tremenda. Fl-antik kienet teżisti d-dixxiplina u l-biża’ mill-ġenituri, tant li Victor jgħid li hu kellu sudizzjoni minn missieru anki wara li żżewweġ.

F’xi żmien, missier Tessie kien Lixandra, u hi tgħid li fin-nuqqas tiegħu, kienet tibża’ ferm minn ħuha l-kbir li kien jindukrahom fl-assenza tiegħu. Victor u Tessie huma tal-fehma li llum, id-dixxiplina naqset ħafna. Naqas sew ukoll ir-rispett tal-ulied lejn il-ġenituri. Jgħidu li jista’ jagħti l-kas li dan hu dovut għall-fsied li trabbew bih l-ulied, fejn kulma jridu jingħatalhom.

altVictor jiftakar li fi tfulitu, meta kien diġà s-Seminarju, missieru la qatt xtralu rota u lanqas camera tar-ritratti. U mhux talli hekk, talli meta beda jaħdem, missieru qallu li mill-paga tiegħu ried jagħmel id-dota ta’ oħtu. Altru nbidlux iż-żminijiet! Terġa’ llum inħolqu bosta aġenziji u help lines li qed ikomplu jagħtu r-riħ lit-tfal. Victor u martu huma tal-fehma li d-dixxiplina tal-ulied għandha primarjament titħalla f’idejn il-ġenituri, u l-helplines jidħlu meta jkun aċċertat in-nuqqas tagħha. Jekk ħaddieħor jipprova jieħu post il-ġenituri, kif qed jiġri llum, jispiċċa biex ikollna vapur b’żewġ kaptani… u dan il-qawl kulħadd jaf xi jfisser. Hi ħaġa magħrufa minn kulħadd, li l-ġenituri huma fid-dmir, la ġabu lil uliedhom fid-dinja, biex jindukrawhom u jedukawhom mill-aħjar li jistgħu, u m’għandux ikollhom gambetti fl-iffurmar tat-trobbija tagħhom… forsi wkoll minn individwi li m’humiex ġenituri.

Dawn is-servizzi offruti mill-Gvern, qed iħeġġu lit-tfal ta’ llum ikunu aktar ribellużi u ma joqogħdux għad-dixxiplina. Wasalna fi żmien fejn għandna tfal li lanqas jafu x’inhi ubbidjenza u jaslu jgħollu leħinhom anki mal-ġenituri. Ħaġa li daqqa ta’ 40 sena ilu lanqas ħadd ma kien joħlom biha.

Mistoqsijin jaħsbux li xi darba r-rota terġa’ ddur, huma weġbuni li la r-rota qabdet in-niżla, aktar faċli tkompli nieżla, milli terġa’ lura għat-telgħa. Anzi, fil-fehma tagħhom, din hi ħaġa impossibbli. Illum lit-tfal li telgħin għandhom attrazzjonijiet x’jaljenawhom, li ebda valur ma jista’ jerġa’ jreġġagħhom lura għad-drawwiet ta’ nanniethom.  

L-aħħar gwerra tkebbes l-imħabba f’qalb żagħżugħ mużewmin

altminn Charles B. Spiteri

Toninu Falzon mill-Birgu, li fi ċkunitu l-familja tiegħu marret tgħix il-Marsa, kien tifel li jattendi l-Museum b’mod regolari, iżda meta faqqgħet l-aħħar gwerra, inġabar bil-lieva u serva bħala suldat. Tul l-erba’ snin ta’ tħarbit ħadd ma kien jaf x’sar mill-għaqda tad-duttrina, għax il-laqgħat waqfu. Kien f’dan l-istess żmien li Toninu beda jinġibed lejn is-Sagrament taż-żwieġ. Meta ntemmet il-gwerra tkellem fuq hekk ma’ ommu u staqsieha kinitx taf b’xi xbejba għaż-żwieġ.

Mingħajr titubar, ommu Katy nee Forte, semmietlu lil Lucy, bint Tereża, li kienu bil-ħanut maġenbhom. Qaltlu li kienet tifla bieżla u li kienet temmen li hi addattata għalih. Mhux hekk biss, talli Katie għarrfet hi stess lil żewġha Ġużeppi bil-ħsieb ta’ binhom.

altGħalhekk, Toninu nqeda biż-żewġ ħutu bniet, Tereża u Mary li spiss kienu joħorġu ma’ Lucy, biex iwasslulu l-istedina għall-imħabba.

Min-naħa tagħha, Lucy, bint Francesco, neguzjant u Tereża, qaltli li hi kienet l-unika tifla fil-familja. Għandha żewġ ħutha oħra, wieħed akbar u l-ieħor iżgħar minnha. Minħabba f’hekk kienet il-mimmi tal-ġenituri tagħha.

Passiġġati u talb

Spiss, matul il-ġimgħa, flimkien ma’ ħut Toninu, kienu jpassu mill-Marsa għall-kappella ta’ Lourdes fil-Furjana, fejn jgħidu xi talb. Darba waħda, f’Marzu tal-1945, waqt li kienu għal din il-passiġġata, Tereża qaltilha li ħuha Toninu kellu ġibda għaliha. Lucy ssummat u ma weġbitha xejn, għax qabel riedet tieħu l-permess tal-ġenituri tagħha.

Meta marret id-dar qalet b’kollox lil ommha, li staqsietha x’kienet wieġbet lil Tereża. Hi ammettiet li ma weġbitha xejn, għax xtaqet tara x’tgħidilha hi. U ommha weġbitha “issa naraw”. Sadattant marret tgħid lil żewġha Francesco bl-aħbar ta’ binthom u kulma qalilha kien “dak jogħġobni”. Lucy ssemmi li xi xahrejn qabel, kien mar xi ħadd ieħor ikellem lil missierha biex jitolbu jiżżewweġ lil bintu u missierha mhux talli ma riedx, talli kien bagħatha l-knisja biex lanqas tara min kien.

Bi tbissima tirrakkonta wkoll li wieħed minn zijietha, ġuvni, li kien ikun sikwit għandhom; meta sema’ mingħand ommha bil-ġibda ta’ Toninu lejn Lucy, qal lil missierha “lil dan ma tgħidlux le, ta!” U missierha wrieh li lest jaċċettah.

B’hekk, omm Lucy qaltilha biex meta terġa’ tiltaqa’ ma’ Tereża tistaqsieha jekk dak li kienet qaltilha, kienx minnu, u jekk tgħidilha li kien tassew, tweġibha “iva”. Għamlet hekk u mill-ewwel kienet aċċettata bħala waħda tal-familja u bdiet tidħol id-dar għandhom. Matul dan l-episodju, Lucy kellha 19 u Toninu 25 sena.

Aħwa ’l-aħwa

altIn-namur ma kienx jeżisti. Ladarba l-ġenituri jkunu jafu bil-ħsieb rett, kienet tibda l-għerusija, b’data fissa għaż-żwieġ, li ta’ dawn l-għarajjes kienet it-28 ta’ April tal-1946. Bħala għarajjes kienu joħorġu għal xi passiġġati, iżda dejjem iġorru magħhom lil oħt Toninu, li inċidentalment, spiċċat biex iżżewġet lil ħu Lucy.

Toninu u Lucy jiftakru li kienu xtraw iċ-ċrieket tal-għerusija u tawhom lil xulxin waqt riċeviment fejn tlaqqgħu l-ġenituri. Matul din il-laqgħa kienet saret diskussjoni fuq id-dota, fejn l-għarajjes ingħataw kulma kellhom bżonn għad-dar…tant li wara 68 sena għad għandhom bosta tifkiriet tad-dotarju.

Il-koppja Falzon qaltli li peress li dak iż-żmien kienet għadha kif intemmet il-gwerra, ma tantx kien hawn postijiet fejn imorru jabitaw tabita fihom, għax ħafna kienu ġġarrfu. Iżda l-familja ta’ Lucy, li kellha dar kbira, offritilhom imorru joqogħdu għandha sa ma jsibu fejn joqogħdu. Min-naħa tagħhom, Toninu u Lucy kienu diġa’ qabbdu sensara biex issibilhom dar għalihom.

Ġara iżda li l-familja ta’ Lucy kellhom dar mikrija l-Marsa u min kien joqgħod fiha kien se jmur l-Afrika ta’ Isfel. B’hekk ingħataw din id-dar biex imorru joqogħdu fiha.

Toninu u Lucy żżewġu fil-jum tal-Ħadd, peress li minħabba l-ħwienet li kellhom il-familja ta’ Lucy, din kienet l-aktar ġurnata ideali. Il-kunsens taż-żwieġ sar filgħaxija, fil-knisja parrokkjali tat-Trinita’. Żewwiġhom Patri Ġużepp Falzon, Dumnikan, li hu l-prim kuġin ta’ Toninu u li kien għadu kif ħa l-quddiesa tliet xhur qabel. Bħala xhieda kellhom ziju minn kull naħa, it-tnejn jisimhom Carmelo.

Ir-riċeviment

Ir-riċeviment tat-tieġ għamluh f’sala fi Triq Balbi, il-Marsa. Kellhom tieġ sabiħ minkejja li kienet għadha kif spiċċat il-gwerra.

altWara t-tieġ marru għall-qamar il-għasel fil-lukanda Riviera, Għajn Tuffieħa u mbagħad niżlu fid-dar ġdida tagħhom biex jibdew ħajjithom.

L-ewwel tarbija li kellhom kienet tifla, illum Suor Olivia, Dumnikana. Imbagħad kellhom lil Catherine, miżżewġa lil John Calleja u għandhom żewġt itfal, Christian u Clarissa. Wara kellhom lil Tessie, miżżewġa lil Twanny Cutajar u għandhom tlett itfal; Norbert, Ruben u Maria Alexia. Fl-aħħar kellhom lil Joe, li hu miżżewweġ lil Josette u wkoll għandhom tlett itfal; Nicholas, Daniel u David. B’hekk, Toninu u Lucy huma nanniet ta’ tmien neputijiet u bużnanniet ta’ żewġ pro neputijiet Samuel u Julia, ulied Nicholas, li hu bin Joe.

Mitluba jagħtu l-fehma tagħhom fuq il-valuri tal-passat u llum, il-koppja Falzon taqbel li fl-antik il-bniedem kien aktar reliġjuż u jfittex lil Alla. Illum, il-materjaliżmu kiber u qaċċat lill-ispiritwalita’. U qed naraw li aktar mal-bniedem jingħaqad mal-materjal, jinqata’ għal kollox mill-ispiritwal.
Biex Lucy tfiehem kemm kienet qawwija r-reliġjożita’ fi żmienhom, issemmi li f’pajjiżna kien daħal it-talkies. Ħafna żgħażagħ kienu jmorru biex jaraw xi filmat. Hi kienet tgħid lil missierha biex xi darba tmur, u hu kien iweġibha li xi darba joħodha. Darba, wara li reġgħet qaltlu, qalilha biex tmur tbiddel. Lucy ħadet gost kbir u rat lil ommha u lil ħutha mbiddlin ukoll. Iżda mbagħad kienu jispiċċaw iċ-ċimiterju, fejn kienu jitilgħu ħdejn il-kappella u jagħmlu l-Via Sagra u jitolbu għall-mejtin. Din kienet rutina regolari. U meta ma jmorrux iċ-ċimiterju, kienu jattendu l-knisja għall-prietka jew katekiżmu ta’ wara nofsinhar. Illum, tgħid Lucy, dawn l-affarijiet inqatgħu għal kollox.

Differenzi

Mitlubin jgħidu x’jaraw differenti mill-għerusija tal-imgħoddi għal dik tal-lum, Lucy tgħid li hemm baħar bejniethom. Illum, iż-żgħażagħ joħorġu, imorru fejn iridu u jdumu kemm iridu. Illum ma jġorru lil ħadd magħhom bħala chaperon. Barra minhekk, meta l-ġenituri l-antiki kien ikollhom lil uliedhom għarajjes, kien ikollhom seba’ mitt sena sakemm iżewġuhom, biex ir-responsabbilta’ tagħhom ikunu wettquha fil-milja tagħha.

Toninu jgħid li d-differenza kollha tinsab fid-dixxiplina. Dari, id-dixxiplina kienet serja. Illum, din battiet ukoll. U fejn ma jkunx hemm dixxiplina, il-bniedem jasal jiftaħ il-bibien tal-passjonijiet, u dawn jiġru bih u jwaqqgħuh f’kull tiġrib.

Toninu żied li eżempju tipiku tan-nuqqas tad-dixxiplina jidher sew fl-iskejjel Maltin. Fejn dari, jekk għalliem jikkorreġi student u jagħtih xi daqqa ta’ riga, il-ġenituri kienu jaqblu mal-għalliema – illum issib lill-ġenituri jieħdu l-linja tal-ulied u jmorru għas-sodisfazzjon, jekk mhux ukoll iħebbu għall-għalliem.

Ikompli jtenni li jekk il-ġenituri tal-lum ma jżommux il-bastun tad-dixxiplina, għad jiġi żmien li l-bastun ikun f’idejn ħaddieħor u jsawwat lilhom infushom minflok. Apparti dan, maż-żmien, l-ulied għad jisħtu lill-ġenituri tagħhom, għax la jkunu draw bla dixxiplina, ma jkunu lesti jbaxxu rashom għal ħadd.

Mitlubin jistqarru x’kienet ir-riċetta għal 63 sena żwieġ hieni, il-koppja Falzon taqbel mal-kliem ta’ Patri Paten, li “min jitlob flimkien, jibqa’ flimkien”. Jekk ma jkunx hemm Alla l-imbierek bejn ir-raġel u l-mara, il-problemi li jinqalgħu, iġarrfu kollox. Kulħadd kellu, għandu u jibqa’ jkollu l-problemi tul ħajtu. Id-differenza fis-soluzzjoni tagħhom hi biss fir-rigward ikunx hemm Alla fil-qalb tal-koppja. Jekk iva, kull problema ddub u tixxejjen, jekk le, il-koppja tasal tinfired. Għax ir-reliġjożita’ twasslek biex bl-umilta’, tagħraf, tagħder u taħfer, iżda jekk ma tkunx trid taf bir-reliġjon, ir-ras iebsa twasslek għad-dagħbien u t-telfien tar-ruħ.

L-għajnuna ta’ Alla

altMin-naħa l-oħra jaqblu li meta koppja miżżewġa jkollha xi tgħid bejnietha, m’għandha qatt tirrikorri għall-għajnuna tal-ġenituri jew tal-ħbieb, għax dawn jafu jxaqilbu lejn xi parti u jagħmlu aktar ħsara milli ġid. Meta raġel u mara jiżżewġu, għandhom ikunu kapaċi li fin-nuqqasijiet tagħhom stess, jiddiskutu bejniethom u jsolvu d-differenzi ta’ bejniethom weħidhom, bl-għajnuna ta’ Alla.

F’għeluq il-ħamsin u sittin sena żwieġ, Toninu u Lucy iċċelebraw b’quddiesa ta’ ringrazzjament. Għall-ħamsin sena, din tqaddset fil-Għar tal-Madonna Dumnikani, r-Rabat. Qaddsilhom l-istess Patri li żewwiġhom – Fr. Joe Falzon u wara marru għal ikla f’ristorant ir-Rabat. Fl-okkażjoni tas-sittin sena żwieġ, il-quddiesa ta’ ringrazzjament għamluha fil-knisja San Ġorġ Preca u qaddsilhom Dun Gordon Refalo. Wara marru għal ikla f’ristorant f’Ta’ Xbiex. Għaż-żewġ okkażjonijiet, ġiet mill-Awstralja binthom Suor Olivia, fejn ilha f’missjoni snin sħaħ.  

Jiltaqgħu kawża tal-evakwazzjoni fi żmien il-gwerra

altminn Charles B. Spiteri

Il-koppja Saver u Olga Camilleri minn Ħ’Attard jistgħu jgħidu li l-aħħar gwerra dinjija kienet katalista biex laqqgħethom flimkien, iżżewġu u ilhom flimkien għal 69 sena.

Olga, flimkien mal-ġenituri u ħutha – li kienu 13, kienu joqogħdu Tas-Sliema, iżda fi żmien il-gwerra spiċċaw evakwaw ruħhom u sabu refuġju Ħ’Attard, f’dar – quddiem il-Villa ta’ Strickland – li serviethom ukoll bħala xelter. Imbagħad, ommha kellmet lill-Kappillan Balzan, li kien minn Tas-Sliema, u tahom joqogħdu fil-kappella u s-Sagristija tal-Museum ta’ Ħ’Attard. Kien hemm numru ta’ familji, li ħadu kamra kull wieħed.

Wara krew mezzanin fit-triq tar-Rabat, li kellha xelter ukoll. Damu fiha xi sitt xhur, għax twaqqgħet fl-attakki tal-għadu. Minħabba f’hekk allokawhom fil-knisja tas-Salvatur, li kienet faċċata tad-dar fejn kienu. Wara xi tmint ijiem, il-knisja wkoll twaqqgħet mill-bombi tal-għadu u hi, ħutha u l-familja spiċċaw mirdumin taħt l-art, għax ix-xelter tal-knisja kellu bokka waħda, li ġiet imblukkata. Madankollu ħadd ma weġġa’ bil-goff, u ġew salvati mill-ħaddiema tas-salvataġġ.

Saver minn dejjem kien joqgħod Ħ’Attard u jirrakkonta li kienu familja ta’ ħamsa min-nies: missieru u ommu, hu u żewġt aħwa bniet. Iżda fi żmien il-gwerra u f’temp ta’ tliet snin mietu l-ġenituri tiegħu u oħtu l-kbira.

L-introduzzjoni

Darba, waqt li kien f’passiġġata mal-kuġina tiegħu Carmelina, li llum tinsab l-Amerika, lemaħ lil Olga u talabha tintroduċih magħha. Din qablet max-xewqa tiegħu u qalet lil Olga li kuġinuha xtaq ikellimha. Min-naħa tagħha, Olga weġbitha li lesta tkellmu iżda bi prova, għax ħasbet li l-kuġin li qaltilha bih Carmelina, kien ġuvni ieħor. Dan kollu seħħ fl-1944.

Għal dawk is-snin, in-namur kien ikun l-ewwel pass għall-ħajja tal-imħabba, fejn in-namrati jippjanaw biex jagħtu l-aħbar lill-ġenituri. Saver jgħid li madankollu, fin-namur tagħhom kien diġa’ beda jidħol fid-dar tan-namrata. Miegħu kien jieħu lil oħtu iżgħar minnu Ġuża, għax huma biss kien fadal mill-familja. Missier u omm Olga, li sadattant kienu saru jafuh sew, ma oġġezzjonawx għall-imħabba ta’ binthom lil dan il-ġuvnott.

Bħala namrati kienu jitħallew joħorġu flimkien, bil-patt li fis-7.30 p.m. ikunu rritornaw id-dar. Kienu jmorru passiġġata sal-istazzjon tal-ferrovija f’Ħ’Attard u xi kultant, nhar ta’ Sibt jew Ħadd imorru jaraw xi film il-Prince inkella r-Roxy, Birkirkara. Il-films kienu jintemmu fit-8.00 p.m. iżda għal okkażjonijiet bħal dawn kienu jkunu permessi jittardjaw dik in-nofs siegħa. U jmorru fejn imorru, magħhom kienu jieħdu lil oħtu Ġuża u lil waħda minn ħut Olga.

Xi xhur wara ħadu l-għerusija, fejn xtraw iċ-ċrieket u tawhom lil xulxin. Riċevimenti ma kinux jeżistu, peress li kien żmien il-gwerra.

Wara sena u erba’ xhur mindu ltaqgħu, ħasbu li jiżżewġu. Kellhom l-ewwel dar tagħhom fi Triq San Antnin, Ħ’Attard stess. Olga tiftakar sew li l-libsa tat-tieġ tagħha, li kienet simili għal dawn ta’ llum, kienet bagħtithielha zijitha mill-Amerika. Saver, li kien daħal minn jeddu mal-Air Force biex ma jinġabarx bil-lieva u jispiċċa fl-Armata – li ma kellux grazzja magħha, kien ħa kors mal-Uffiċċju tal-Posta u daħal bħala Postal Clerk. Naturalment, kellu l-uniformi u allura, dak iż-żmien, kulmin kien jaħdem mal-Ingliżi u kellu uniformi, kien obbligat jiżżewweġ biha.

Għallmu u żewġu

Saver u Olga żżewġu fid-29 ta’ April, 1945 fil-Parroċċa Santa Marija ta’ Ħ’Attard. Żewwiġhom Dun Pawl Said, li lil Saver kien jgħallmu meta kien għadu student is-Seminarju. Wara ż-żwieġ, il-miżżewġin friski rikbu l-karrozza u marru l-Ħamrun għand Cassar Photo Studio, biex jiġbdilhom ir-ritratt tal-okkażjoni. Kienu marru bil-biża’ fuqhom, minħabba li l-attakki tal-gwerra kienu għadhom jimmiraw fuq Malta. Mill-Ħamrun telgħu d-dar tal-ġenituri ta’ Saver, fejn kellhom riċeviment familjari u kienu mistednin xi ħbieb.

Għat-tieġ, Saver kellu ħabib li sablu tliet mużiċisti li marru jdoqqulhom u ħolqu ambjent ferrieħi fost il-mistednin.

Minkejja li kien żmien il-gwerra, Saver u Olga marru għal qamar il-għasel f’lukanda Birżebbuġa, li kienet ta’ Dowling.

Lura fid-dar matrimonjali, bdiet ħajja ġdida għall-koppja Camilleri, li xxettlet bl-ulied. L-ewwel ma kellhom kien lil Philip, armel ta’ Nathalie u għandu tlett itfal: TracyAnn, Adrian u Audrey. Imbagħad kellhom lil Tony, li hu miżżewweġ lil Rosemary u għandhom żewġt itfal: Stefan u Michelle.

Saver, li serva fl-Air Force għal 26 sena, kellu jsiefer fuq ix-xogħol tiegħu. Dan għamlu fl-1949. Ħadem fil-Lvant Imbiegħed, fil-Lvant Nofsani, fl-Ingilterra u f’Ċipru. Meta kien l-Ingilterra, martu Olga kienet miegħu u hemm tweldilhom Peter, li llum hu miżżewweġ lil Irene u għandhom tlett itfal bniet: Hayley, Ashley u Natasha.

Fl-aħħar, Saver u Olga kellhom lil binthom Maria, illum miżżewġa lil Francis Pisani u huma l-ġenituri ta’ Ephrem u Victoria. Maria twelditilhom f’Aden, fejn marru għal sentejn minħabba s-servizz ta’ Saver. Illum, Olga u żewġha huma bużnanniet ta’ żewġ pro neputijiet, li huma Maria u Harley.

Meta Saver iħares lura lejn ħajtu jiftakru jwettaq ix-xogħol mitlub minnu mill-Air Force, tant li l-aktar li għandu għal qalbu huma l-medalji kommemorattivi li ngħata u li apparti milli jilbishom f’ċerti okkażjonijiet, huma esebiti f’vetrina.

Medalji kommemoratti

Għas-servizz li ta, Saver irċieva l-Africa Star, id-Defence Medal, Il-Long Service u Good Conduct Medal, żewġ General Service Medals, mogħtijin f’perijodi differenti u l-Victory Medal . Barra minhekk għandu medalja oħra mogħtija mill-Gvern Malti lil dawk li taw servizz f’Malta.

Mitluba tirrakkonta fuq id-differenza bejn il-ħajja ta’ tfulitha u dik ta’ llum, Olga tgħid teżisti differenza kbira. Illum hawn ħafna aktar divertiment. Dari, biex familja tiddeverti kienet tmur għal xi opra milli kienu jiġu Malta, u li kienu jkunu preżentati fil-Gaeity jew fir-Radio City, il-Ħamrun.

Il-ħajja tal-mara tbiddlet ukoll u b’rata mgħaġġla. Dari, mara miżżewġa kienet tieħu ħsieb id-dar u lil uliedha, meta mhux ukoll lill-ġenituri. Illum, mhux talli kulħadd jirsisti biex joħroġ jaħdem, talli qed tinbet il-pika bejn il-miżżewġin għax f’xi każi l-mara taqla’ aktar flus minn żewġha. U dan qed joħloq il-problemi u ġieli jwassal għas-separazzjonijiet.

Olga hi tal-fehma li problema ewlenija oħra fost il-miżżewġin ta’ llum hi ma jafux jistennew. Iridu kollox fil-pront, sew f’kulma jeħel ma’ moħħhom kif ukoll f’dik li tiqies bħala lifestyle u oġġetti tad-dar.

Forsi problema oħra li l-koppja Camilleri tara fit-tfal li telgħin illum hi n-nuqqas ta’ ħeġġa li għandhom għall-attivitajiet b’rabta mar-ruħ. Hawn numru kbir ta’ żgħażagħ tal-ġabra u li jagħtu sehemhom kollu b’riżq il-proxxmu, iżda hawn numru ieħor li huma berdin għall-ħwejjeġ tal-Knisja.

Olga tirrakkonta li meta kienet żgħira, qatt ma kienet titlef quddiesa u din id-drawwa sabiħa għaddietha wkoll lill-erba’ uliedha. Tiftakar żmien meta kienet tattendi quddiesa b’xi tarbija milli kellha fi ħdanha. Illum, li qabżet it-80 sena, tmur mill-inqas darbtejn fil-ġimgħa. Żewġha Saver kien l-istess, u jgħid li anki meta kien imsiefer, kien ifittex biex jara fejn kienet se titqaddes xi quddiesa, ħalli ma jitlifhiex.

Imħabba bla namur u b’laqgħat fil-British Institute

altminn Charles B. Spiteri

Pawlu u Maria huma t-tnejn Għawdxin, għalkemm ilhom madwar 56 sena jgħixu Malta. Huma wkoll, bħal numru kbir ta’ Maltin ta’ snin oħra jagħtu xhieda ta’ mħabbithom li diġà daħlet fil-66 sena tagħhom. Kif jirrakkuntaw, l-imħabba tagħhom ma kinitx ward u żahar biss, iżda kellhom ukoll il-morr ta’ dak kollu li jħabbat ma’ wiċċ il-bniedem. Madankollu, l-imħabba tagħhom rebħet kull ostaklu u jemmnu f’dak li kien jgħid San Ġorġ Preca, li l-veru għani hu dak li ma jixtieq xejn.

Kien ix-xahar ta’ Lulju u kienu għadhom kif temmew l-eżamijiet tal-iskejjel. Marija kienet f’Form II tas-Central School. Jiftakru ż-żmien meta minn Malta kien jitla’ s-Sur Cauchi, li kien Inspector. Dan kien jagħti xi lectures fil-British Institute ta’ Għawdex, u bl-iskuża tagħhom kienu jiltaqgħu ftit.

Maria kellha dawk l-14-il sena u Pawlu kien ftit akbar minnha. Ta’ 17-il sena, Pawlu kien diġà laħaq għalliem. Kien mar sena l-Kulleġġ St. Michael’s, għax kien hemm kors u aċċettawh. Kien jgħallem klassijiet ta’ filgħodu u ta’ filgħaxija, għax l-istudenti kienu jagħżlu liema klassi jmorru. Għal tliet snin kien jgħallem fl-iskola Sta Ubaldeska, f’Raħal Ġdid. Kien joqgħod Malta l-ġimgħa kollha u nhar ta’ Ġimgħa wara nofsinhar imur Għawdex.

Jiftakar sew it-traġedja tad-29 ta’ Ottubru, 1949. Hu kien wieħed minn dawk li ċemplu għal dgħajsa biex twassalhom Għawdex. Meta mar il-Marfa sab li kienet diġà mimlija. Mit-tlieta li kienu ċemplu, kien rikeb biss Pawlu Zammit — li baqa’ ħaj u ieħor li kien il-lukanda Belleview, ċertu Karmnu mill-Qala, ġuvnott ta’ xi 15-il sena. Dan meta ra lil Pawlu offrielu li jersaqlu biex jitla’. Iżda Pawlu ma telax u telaq bil-mixi sal-Mellieħa mal-ieħor li baqa’ l-art. L-għada semgħu bl-għarqa tad-dgħajsa. Kienu mietu 23 ruħ. Fuq id-dgħajsa kien hemm ukoll kelb li salva u baqa’ jistenna lil sidu sa wara li tellgħuh mejjet.

It-trobbija

Maria, ir-raba’ minn disa’ aħwa, ulied Ġużeppi u Maria Anna Scicluna mir-Rabat Għawdex, tirrakkonta li waqt li ommha kienet omm ħabiba, missierha kien ta’ dixxiplina kbira. Kien wieħed min-neguzjanti ewlenin tal-gżira Għawdxija. Kellhom ħanut tal-għamara, ieħor tal-fajjenza, li kien jimporta u ieħor tad-drappijiet. Lil uliedu ma kien iħallihom imorru mkien, iżda fejn jidħlu suġġetti ta’ skola, kien iħeġġiġhom jattendu. Kien b’riħet hekk li hi u Pawlu kellhom dawk il-mumenti flimkien, waqt il-lezzjonijiet.
Madankollu taf li kien hemm raġel li kien iċempel lil missierha u jgħidlu biex imur jara bintu Maria ma’ min kienet qiegħda.

Il-quddiesa wkoll kienet toffrilhom iċ-ċans li jħarsu ftit lejn xulxin u jitkellmu b’għajnejhom, għax dak iż-żmien, l-irġiel kienu jinqatgħu għalihom f’naħa u n-nisa naħa oħra.

Min-naħa tiegħu Pawlu kien it-tieni wild minn 14 aħwa. Il-ġenituri tiegħu kienu Ġorġ u Regina. Huma wkoll kellhom in-negozju u Pawlu minn dejjem kien meqjus bħala l-breadwinner. Isemmi li fl-antik, l-Għawdxin kienu jgħixu ħajja ta’ family economy – dak kollu li jiggwadanja wieħed, imur f’borża waħda u minnha tiekol il-familja kollha. U allura anki l-paga tiegħu kienet meqjusa bħala hekk. Jiftakar li għall-bidu kien jaqla’ Lm17 fix-xahar u aktar tard tela’ għal Lm27.

Il-festa ta’ Santa Marija

Darba f’Awwissu, fil-festa ta’ Santa Marija taż-Żebbuġ, iż-żewġ familji kienu Marsalforn. Kellhom post hemm għas-sajf. Maria u Pawlu ltaqgħu fil-festa u qagħdu ftit flimkien. Wara ftit Maria rat lil missierha għaddej. Stenniet li meta tirritorna d-dar jagħmlilha xi xenata. Iżda minn dan kollu ma ġara xejn, għax kif taħseb hi, kien diġà jaf b’xi ħaġa minn xi ħadd. Iżda wara dik il-laqgħa, ma ħallihiex toħroġ aktar. Mhux hekk biss, talli peress li kien jaf li Pawlu kien jirreċta mas-Salesjani, lanqas sal-Oratorju ma kien iħalliha tmur.

Min-naħa tiegħu Pawlu ma kellux l-istess problemi. Jgħid li huma kienu familja kbira u midħla tad-drawweit ta’ dak iż-żmien. Li ġuvni jkellem xbejba u jiltaqa’ magħha regolarment, ma kinux jarawha bi kbira, la ommu lanqas missieru.

Il-ħanut ta’ Ġoġò

Ġoġò kien in-neputi tal-Isqof Pace u kien jaf bl-imħabba ta’ Pawlu għal Marija. Dan kellu ħanut tal-kotba bieb ma’ bieb mad-dar ta’ Maria u peress li Pawlu minn dejjem kien iħobb il-kotba, kien imur għandu.
Dak iż-żmien f’Għawdex ma kienx hemm wisq ħwienet tal-merċa u ħafna mix-xiri kien isir mis-suq. Iżda meta omm Maria ma kien ikollha bżonn tixtri xejn, bintha kienet tibqa’ d-dar. Allura biex Ġoġò juriha li Pawlu kien qiegħed għandu, kien iħabbtilha fuq it-tieqa ta’ barra u jgħidilha “bil-għatx il-gawwi”.

Missier Maria kellu xi ftit oppożizzjoni li bintu tkellem lil Pawlu u dan għar-raġuni li Pawlu kien ikun spiss Malta u b’hekk hi ma tkunx taf x’inhu jagħmel. Iżda minn hemm u minn hawn it-triq ta’ mħabbithom kompliet miexja ’l quddiem u Pawlu wasal biex daħal id-dar. Omm Maria kienet ferħana bl-għażla ta’ bintha, kif kienet ferħana wkoll li binha kien wasal biex jilħaq saċerdot. Madankollu għall-omm, dan il-ferħ ma damx bosta. Hekk kif binha ordna għal saċerdot, hi ma setgħetx tattendi għax mardet. Marru għall-ewwel quddiesa tiegħu, il-missier u ħutu s-subien. Imbagħad l-Isqof Pace tah permess iqaddes id-dar. Aktar tard dakinhar stess, lil omm Maria sarilha l-Vjatku. Dan kien ukoll ]mien xahrejn mindu Pawlu daħal għandhom.

Dixxiplina

Biex il-koppja Mizzi turi kemm kienet iebsa d-dixxiplina fi żmienhom irrakkuntatli li darba, Pawlu ftakar li Dun Alwiġ kien bagħat risposta għal Fr. Mangion. Ma kienx hemm tul ħlief tefgħa ta’ ġebla. Pawlu talab lil missier Maria biex iħalliha tmur miegħu ġirja u jirritornaw. Kulma wieġbu l-missier kien: “Jekk tmur l-Oratorju waħdek, se titlef it-triq!”

Namur ma kinux jafu x’inhu u baqgħu hekk sa jum iż-żwieġ. L-unika passiġġata li kienu jagħmlu flimkien kienet fl-1 ta’ Novembru – Jum il-Qaddisin kollha. Dak iż-żmien kienet festa kmandata. Kulħadd kien imur iċ-ċimiterju.

Maria kienet tmur ma’ oħtha, li dak iż-żmien kienet tinnamra wkoll. Bis-saħħa tal-erwieħ kienu joħorġu u għalihom kienet tkun passiġġata ta’ darba fis-sena.

L-għerusija

altL-għerusija ta’ Pawlu u Maria kienet sempliċi ferm, minħabba li ommha kienet mietet. Ta’ 21 sena Maria kienet ħadet il-piż kollu tad-dar, peress li oħtha ikbar minnha kienet iżżewġet fis-sajf li kienu se jiżżewġu fih huma u oħtha l-kbira kienet diġà żżewġet u kellha żewġt itfal. Huma taw iċ-ċrieket lil xulxin u għal din l-okkażjoni kienu attendew biss il-ġenituri ta’ Pawlu fid-dar ta’ Maria. Minn dakinhar bdew iħejju għaż-żwieġ, li kien ippjanat għal Awwissu. Missier Maria kellu dar ċkejkna li ħallieha vojta biex jirranġaha għalihom. Tahielhom b’kera. Iżda kellhom jipposponu d-data peress li xahar qabel kien miet ħu Pawlu (aktarx fl-ewwel inċident stradali f’Għawdex). Ħuh, Ġorġ kien qed jirritorna d-dar wara l-festa ta’ Santa Margerita u ttajjar minn trakk.

Għalhekk, Pawlu u Maria qatgħuha li jiżżewġu l-Ħamis filgħodu tas-27 ta’ Diċembru, 1956. Għal-libsa tat-tieġ Maria kienet niżlet Malta ma’ Ġanna ta’ Pawla, li kienet il-ħajjata Għawdxija magħrufa ghal kif tivvinta l-ħwejjeġ tat-tiġijiet. Xtraw id-drapp mingħand Camilleri ta’ Triq Merkanti, l-Belt. Oħtha Maryrose, li kienet il-bridesmaid kienet għamlitilha libsa miksija bil-biċċiet tal-madreperla.

Iżżewġu fil-knisja ta’ San Ġorġ u qaddsilhom ħu Maria stess, Fr Salvinu Scicluna u kien Maġistrat tas-Sagra Rota fil-Vatikan, għal 40 sena.
Bħala xhud għaż-żwieġ Pawlu kellu lit-Tabib Anton Tabone, li kien prinċipal tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u tabib tal-familja u Maria kellha lit-Tabib Nicholas Scicluna, li barra milli kien zijuha, kien ukoll prinċipal ta’ Chambray.
Bħall-familji kollha Għawdxin ta’ dak iż-żmien, it-tieġ sar fid-dar tal-għarusa u r-ritratti ġibidhomlhom il-ħabib tagħhom Francis Cremona. Imbagħad fuq l-insistenza ta’ Fra Ġorġ, Agostinjan iz-ziju ta’ Pawlu, kellhom jin]lu Malta għand Cassar Photo Studio, il-Ħamrun u jieħdu ritratt tal-okkażjoni. Fra Ġorġ qasam il-fliegu magħhom għax kien ħabib ta’ Giuseppe Cassar.

Għal qamar il-għasel niżlu jumejn Malta, fil-British Hotel, il-Belt. Mhux qabel, imma, ħadu l-bukkett tat-tieġ tagħhom lill-Madonna ta’ Pinu. Hekk kienet id-drawwa tal-Għawdxin.

Maria tirrakkonta li wara t-tieġ, u sewwasew għall-going away, reġgħet xiddet il-libsa sewda għal tliet snin u magħha ġabret lil oħtha ż-żgħira Mary Rose kif kienet ix-xewqa ta’ ommha. Maż-żmien, missierha reġa’ żżewweġ u oħtha Mary Rose baqgħet għal kollox ma’ Maria u Pawlu. Meta waslet biex tiżżewweġ, sa ħarġet ukoll mid-dar tagħhom.

Il-Ħajja miżżewġa

Għalkemm kellhom id-dar mikrija ta’ missier Maria, Pawlu minn dejjem xtaq li jkollu d-dar tiegħu. Sab art qrib ħutu u daħal għaliha. Dak iż-żmien ma kienx diffiċli ssib l-art u l-prezz għaliha ma kienx ikun għoli. Terġa’ l-War Damage kien jislef Lm750 għall-bini, li minnhom jieħu lura Lm350 biss. L-art stajt toħodha b’ċens ta’ xi Lm5 fis-sena u wara żmien tifdih.

Fl-ewwel dar tagħhom, u sena u xahar wara ż-żwieġ, lil Pawlu u Maria twelditilhom l-ewwel tarbija – Annamaria, li għandha żewġt itfal, Andrew u James. Imbagħad, fit-tieni dar, li issa kienet proprjetà tagħhom tweldulhom Ginette, illum miżżewġa lil Mario Grima, l-ispiżjar tal-Vittoriosa Pharmacy u għandhom żewġt itfal oħra; Yan u Maria. Wara sitt snin, Pawlu u Maria kellhom lil Joseph, illum gradwat u direttur tal-Klabb Kotba Maltin, li hu miżżewweġ lil Suzanne u għandhom lil Nicholas. B’hekk, Pawlu u Maria huma nanniet ta’ ħamsa.

Residenza

Illum il-ġurnata il-koppja Mizzi toqgħod l-Imdina. Faċċata tagħhom joqgħod l-Arċisqof Emeritus Ġużeppi Mercieca. Darba sejjaħ lil Maria u qalilha: “Intom, fi żmienkom ma kellkomx Moviment ta’ Kana, iżda nara li bħala familja ssudajtu. Kif żammejtu dan?”

Meta Maria semmietlu l-valuri reliġjużi u s-sagrifiċċji, l-Arċisqof fehem u weġibha: “Għedtli biżżejjed. Illum il-kelma sagrifiċċju, ħadd ma jrid jaf biha.” Biex jispjegali aħjar Pawlu rrakkuntali li peress li l-paga kollha kien jagħtiha lil ommu, meta ġie biex imur għal qamar il-għasel ma kellux flus, u qal lil missieru jagħtih xi ħaġa. Meta l-missier kien jaf li ibnu ma kellu xejn, tah Lm40. Missieru ma ridhomx u moħħ Pawlu għadu jtektek li beda l-ħajja miżżewġa b’dejn ta’ Lm40.

Mistoqsija kif sabu ruħhom Malta, qaluli li Pawlu ried jagħmel kors universitarju u ma riedx iħalli lil martu Għawdex bi tlett itfal. Allura telqu minn Għawdex u ġew hawn. Terġa’ Pawlu minn dejjem kien iberren li ’l quddiem f’ħajtu kellu jiftaħ l-ewwel Dar tal-Pubblikazzjonijiet – ħaġa li rnexxielu jwettaqha fil-milja tagħha.

altGħal għeluq il-50 sena miż-żwieġ, Maria u Pawlu xtaqu jmorru Ta’ Pinu jirringrazzjaw lil Madonna, iżda dakinhar tal-50 anniversarju bdew jirċievu telefonata wara oħra. Kienu t-tfal li għamlulhom reklam f’ġurnal bla ma qalulhom. Imbagħad Ginette qaltilhom ma jmorru mkien peress li kienu se joħorġuhom u filgħaxija kellu jasal Malta Fr. Fabio Attard u jqaddsilhom id-dar, peress li kien maltemp. Imbagħad marru jieklu f’ristorant fl-Imdina.

Mitlubin jagħtu parir lill-koppji tal-lum, Maria qalet li meta koppja jkollha xi tilwima, għandha ssolviha fid-dar matrimonjali bejnietha. Jekk jonqos il-kliem, xi ħadd minnhom għandu jibni l-kuraġġ u jibda jitkellem.

Min-naħa tiegħu Pawlu hu tal-fehma li s-sagrifiċċji huma s-sisien għal ħajja ta’ mħabba vera. Isostni li bis-sagrifiċċju u bla mħabba żwieġ iżomm, iżda bl-imħabba biss mingħajr sagrifiċċji, kollox jaf imur il-baħar.  

Żwieġ bil-ħotba li rnexxa fil-milja tiegħu

altminn Charles B. Spiteri

Ma kinux għadhom iż-żminijiet fejn ġuvni jixħet għajnejh fuq xbejba, isegwiha minn ġimgħa għal ġimgħa, jew minn jum għall-ieħor, jara f’liema bar tidħol u joffrilha drink biex jipprova jaqbad magħha, kif isir illum. Kienu għadhom is-snin erbgħin. Il-ħruġ għall-ġuvintur kien għadu limitat u għax-xebbiet ferm u ferm aktar. Iżda meta ġuvni kien jitfa’ għajnejh fuq xbejba, kien jipprova jsib ħabib u jinqeda bih biex iwassal il-messaġġ tiegħu.

Fil-każ tal-koppja intervistata għal-lum – Pawlu u Carmela Ciappara mir-Rabat – l-imħabba tagħhom taf il-ħidma ta’ Ġużi Galea magħruf bħala l-Windsor mill-Imtaħleb, li kien ħuttab.

Pawlu hu r-raba’ wild minn ħdax ta’ Pawlu u Pawla, waqt li Carmela hi l-unika tarbija li baqgħet ħajja fiż-żwieġ ta’ Pawlu u Giovanna.

altMeta Ġużi tarraf lil Carmela bil-ħsieb ta’ Pawlu, għall-ewwel ma tatu ebda tweġiba. Kienet drawwa li qabel ma xbejba tgħid l-iva tagħha, kienet speċi titlob il-kunsens tal-ġenituri. U meta qalet lil ommha, din weġbitha li jekk hu skond il-pjan ta’ Alla, li għandu jsir, isir. Għalhekk, meta rat lil Ġużi qaltlu li aċċettat l-istedina ta’ Pawlu. Ovvjament, il-ġenituri ta’ Carmela kienu jafu lill-ġenituri ta’ Pawlu, u għalhekk kienu jafu wkoll li l-ġuvni li miegħu kienet se titħallat binthom, kien ġuvni serju u bil-għaqal.

Laqgħa bil-ħatfa

Lura għal dik is-sena, Pawlu kellu 21 sena u Carmela 18. Mill-għada tal-aċċettazzjoni, Pawlu u Carmela bdew jiltaqgħu għal ftit mumenti – kemm ‘jisirqu’ bewsa, hekk kif Pawlu kien ikun sejjer għax-xogħol u Carmela tistennieh fil-bieb tad-dar tagħha. Mit-triq tiegħu kien jinżel l-erba’ tarġiet taz-zuntier tal-knisja ta’ San Pawl u jasal ħdejha fi Triq Gusmana Navarra.

Beda jidħol id-dar għandhom mill-ewwel u minkejja li Carmela kienet l-unika tifla tal-familja Saliba, il-ġenituri tagħha kienu jippermettulha toħroġ weħidha għal passiġġata ta’ ftit ħin mal-għarus tagħha. L-għerusija ta’ Pawlu u Carmela ħadet tliet xhur. F’dan iż-żmien huma xtraw iċ-ċrieket ta’ għarajjes u kellhom ukoll festin biex iltaqgħu flimkien il-ġenituri tagħhom. Fejn imorru joqogħdu ma kienet problema xejn, għax il-ġenituri ta’ Carmela offrewlhom imorru joqogħdu magħhom fid-dar tagħhom. U qatgħuha li jaċċettaw l-offerta.

Għalhekk bdew iħejju għat-tieġ. Carmela, oħt Pawlu il-kbira, li kienet ħajjata prima, ħietet il-libsa tat-tieġ tal-għarusa. Il-bridesmaids kienu Doris u Annie, ħut Pawlu u bħala flowergirl tqiegħdet Marija, kuġina ta’ Carmela.
Iżżewġu nhar il-11 ta’ Jannar, 1948, filgħodu, fil-knisja kolleġġjata ta’ San Pawl u wara kellhom il-festin fil-każin tal-Konti Ruġġieru, ir-Rabat stess. Għar-ritratti tat-tieġ niżlu għand Cassar, il-Ħamrun.

Il-qamar il-għasel

Wieħed u sittin sena ilu, il-qamar il-għasel kien diġa’ popolari, iżda mhux bħal dak li nafu llum. Tant li l-għada tat-tieġ, Pawlu u Carmela marru għal dawra ma’ Malta u Għawdex bil-karrozza ta’ missier ir-raġel, li kien wieħed minn tal-bidu li kellu vettura f’Malta. Sena wara, Pawlu kien xtara wkoll l-ewwel karrozza tiegħu – Morris. Dawn kienu jiġu Malta fil-kaxxi tal-injam, u min jixtriha ma jkunx jaf x’lewn u x’tip ta’ karrozza tkun. Hu jiftakar li f’ħajtu kellu tmien karrozzi differenti, li kiseb bi tpartit u fl-aħħar kellu waħda ġdida, li żanżanha hu.

altWara l-honeymoon marru d-dar, fejn bdew il-ħajja ġdida ta’ miżżewġin, li matulha kellhom tlett itfal: Pawlu, miżżewweġ lil Jessie u għandhom tlett itfal, li huma Mario, Rosemarie u Joanna; Janie miżżewġa lil Joe Spiteri u għandhom żewġt itfal, Kevin u Mark. Fl-aħħar kellhom lil Joe, li hu miżżewweġ lil Joyce u għandhom żewġt itfal, Amanda u Denise.

Apparti milli Pawlu u Carmela huma nanniet ta’ seba’ neputijiet huma bużnanniet ta’żewġt itfal oħra, Andrea u Antonia. Fir-rigward tat-trobbija fl-antik, Pawlu u Carmela jsostnu li lil uliedhom tellgħuhom f’dixxiplina, ubbidjenza u valuri sodi. B’ħarsa, gidma tax-xufftejn, jew b’tisfira, kienu jikkwietawhom. Jgħidu li xejn ma hu l-istess illum, fejn jekk issaffar lit-tfal, iħalluk fil-veru sens ‘issaffar’.

Karrozza privata

Pawlu u Carmela ma tantx kienu jħallu lil uliedhom jilagħbu u jiġru barra mat-tfal, għax peress li kellhom il-karrozza privata, spiss kienu joħorġuhom dawriet ’il bogħod, fejn ftit nies setgħu jmorru. Fis-sajf kienet drawwa li kull nhar ta’ Ħadd imorru għal jum baħar l-Għadira u jarmaw il-kamp. Sajf sħiħ kien ikun hemm erba’ sa ħames kampijiet, dejjem l-istess nies. Sas-snin sittin, il-kampijiet żdiedu għal sa bejn sebgħa u tmienja tul il-bajja kollha.
altĠieli wkoll, il-Ħdud kienu jaqbdu t-triq u jieħdu lil uliedhom sal-bajja ta’ Birżebbuġa, biex jgħumu hemm. Ħajjet il-koppja Ciappara tista’ tgħid li kienet ‘gżira’ għal xulxin għall-61 sena li ilhom magħqudin fiż-żwieġ. Pawlu mix-xogħol għad-dar u mid-dar għax-xogħol u t-tfal mid-dar għall-iskola u l-Museum u viċi versa. Meta jsir il-ħruġ, dejjem joħorġu familja sħiħa bil-karrozza tagħhom, tant li uliedhom qatt ma marru mkien bil-karrozza tal-linja.

Pawlu jgħid li hu kellu l-vantaġġ li kien jaf it-toroq kollha ta’ Malta, għax xogħlu kien sewwieq mat-telefons, li kien jaqa’ taħt id-dipartiment tal-Post and Telephones. Kien jew iwassal lill-formen fil-postijiet li jgħidulu, jew inkella lill-kolletturi li kienu jiġbru l-flus mill-coin boxes li kien hawn imferrxin ma’ Malta, u jwassalhom lura d-dipartiment.

Rispett kbir

Meta mitlubin jiddeskrivu l-imħabba wara 66 sena flimkien, Pawlu u Carmela wieġbu li huma baqħu jirrispettaw lil xulxin bħal meta ltaqgħu l-ewwel darba, minkejja li kultant jitlewmu. Iżda kif qalu: “anki l-imsaren fil-ġisem igorru!” U kultant, tilwima ħafifa, tiswielhom ta’ ġid għax tkebbsilhom imħabbithom aktar!

altJafu li issa, li kibru fl-eta’, m’għadhomx fl-imħabba li kienu dari iżda llum jammettu li jridu jieħdu paċenzja b’xulxin. Minkejja dan, f’kull għeluq snin Carmela, u f’kull festa kbira, Pawlu għadu jibgħat kartolina lil martu. Interessanti jingħad li l-ġibda passjonali li nbniet tul il-ħajja miżżewġa tagħhom wasslithom li ma jgħixux mingħajr il-preżenza ta’ xulxin. Tant li dan l-aħħar, wara li Pawlu ġie rikoverat fid-Dar tal-Anzjani tal-Mosta, talab il-permess biex joħroġ daqsxejn. Kif sab ruħu barra, telaq lejn ir-Rabat biex jara lil Carmela tiegħu, u ma damux ma sabu akkomodazzjoni t-tnejn flimkien fl-istess Dar.

Dan l-attakkament flimkien wassalni nistaqsihom kif irriżulta, u Carmela rrakkuntat li żewġha, sa minn żminijiet missieru, kienu dilettanti tal-kaċċa tal-gamiem u s-summien – ħaġa li baqgħet nieżla mhux biss fuq uliedhom, iżda anki fuqha. Tistqarr li kienet tmur mal-familja kollha fl-għalqa privata tagħhom biex żgur dejjem ikunu magħqudin flimkien.

Madankollu dejjem imxew fuq programm għaqli. Tgħid li meta żewġha kien iqum kmieni għall-kaċċa, xorta kien jasal fil-ħin għax-xogħol u wara x-xogħol, iqatta’ ħinu mal-familja. Kaċċa u mhix, il-quddiesa ta’ kuljum qatt ma tilfuha, għax jew imorru qabel ma jmorru l-għalqa jew imorru filgħaxija. It-tqassim tal-jiem tagħhom kien jippermetti li jkollhom ħin għad-delizzju, għall-ħruġ, għall-knisja u għad-dar.

Iżżid li żewġha darba biss ħa s-sick leave kemm dam impjegat u wara li marlu t-tabib tax-xogħol id-dar u qallu biex ma joqgħodx jagħmel hekk, Pawlu qatt ma ħa sick leave aktar, għax kien iħoss li dmiru kien irid jagħmlu.

Id-dixxiplina lill-ulied

L-istess dixxiplina għaddieha kollha lil uliedu, tant li jekk kienu jkunu jridu jibqgħu ftit iktar għall-kaċċa, kien jgħidilhom “illum daqshekk, għada jerġa’ jisbaħ”. U t-tfal qatt ma kienu jwebbsu rashom. Anki għal-liċenzja tal-arma, kien jgħidilhom li qabel ma jkollhom iż-żmien, ma jmissu xejn. L-istess għas-sewqan tal-karrozza. Minkejja li hu kien sewwieq, qatt ma ħalla lit-tfal fuq l-isteering qabel ma kellhom iż-żmien tagħhom, għax kien jirraġuna li jekk ikunu involuti f’xi inċident, jibqa’ jħoss rimors tal-kuxjenza.
Meta ħdax-il sena ilu Pawlu u Carmela għalqu ħamsin sena miżżewġin, kellhom quddiesa ta’ ringrazzjament fl-istess kolleġġjata ta’ San Pawl, fejn kienu tejġu. Wara kellhom riċeviment familjari.

Għar-rigward tal-messaġġ li jgħaddu lill-għarajjes tal-lum, Pawlu, li għandu 88 sena u Carmela, ta’ 78 huma tal-fehma li l-għarajjes għandu jkollhom ħajjithom ippjanata minn qabel iż-żwieġ. Illum il-miżżewġin għandhom ferm aktar prioritajiet u għalhekk jinħtieġ aktar ippjanar. Il-flus huma meħtieġa, iżda l-ħin għal xulxin – għall-mara, għar-raġel, għall-ulied u għad-dar huma fost l-aktar li għandhom jindukraw. L-ewwel attenzjoni trid tkun fuq dawn.

Illum qed tinbet id-drawwa ħażina li l-‘ħbieb’ isiru parti mill-familja, u fejn jiġri hekk qed naraw li tonqos l-attenzjoni lejn min għandu jkollna l-aktar għal qalbna. Finalment qaluli li d-dixxiplina fil-karattri wkoll tilgħab parti mill-aktar importanti fi żwieġ hieni u b’saħħtu. 

Qabad ma’ martu bi mħatra ma’ ħabibu għal xarba

minn Charles B. Spiteri

Żwieġ fil-Palazz tal-Arċisqof

altVictor Mario Abela, Ħamruniż, qabad ma’ martu Carmen b’imħatra ma’ ħabibu għal flixkun cola. Kien student fil-Kulleġġ De La Salle u l-ħabib tiegħu Guido Camilleri, li darba raha l-Kalkara fejn kienet tgħix, qallu li xtaq ikellimha, iżda kien jistħi. Victor inkoraġġieh jersaq lejha u fl-aħħar għamlu l-imħatra bejniethom li allura jkellimha hu.

Dak iż-żmien Victor, l-uniku wild tal-familja, għax l-erbgħa l-oħra ta’ qablu kienu mietu, kellu xi 17-il sena u kien Form V. Carmen, li kellha xi 16, kienet tattendi l-iskola sekondarja l-Belt. Fil-Kulleġġ kienet id-drawwa li l-istudenti jaqbdu xogħol ta’ Shakespeare u joħorġu play għall-palk. Il-klassi tiegħu kienet se tippreżenta l-Merkant ta’ Venezja, u Victor kellu l-parti ta’ Antonio.

Sadattant sar jaf li ħuha l-kbir Joe (illum Professur tax-xjenza teknika) u ż-żgħir Vanni, (magħruf bħala bużullottist ewlieni), kienu wkoll studenti f’De La Salle. Peress li Victor kien ikun spiss fit-tuck shop ibigħ u jagħti palata lill-brother, meta kien imur Vanni, kien jagħtih il-ħelu mingħajr ma joħodlu flus. Iżda dan il-‘pjaċir’ kien jagħmlu bi ħsieb!

Stedina

altAllura meta ngħata l-erba’ biljetti li kull attur kien jingħata biex jistieden lil min ried, Victor sab l-opportunita’, waqqaf lil Carmen, qalilha li hu ħabib ta’ ħutha, u li japprezza ferm kieku tattendi għar-reċta. Hi weġbitu li l-problema kienet il-mama’ tagħha, iżda hu għeleb din il-problema billi taha żewġ biljetti, biex tieħu lil ommha magħha.

Carmen u ommha attendew u wara l-play kellhom xi drinks fejn seta’ jitkellem kemm magħha kif ukoll ma’ ommha. Aktar tard bdew jiltaqgħu fit-triq u jsellmu lil xulxin.

Darba, Victor, li t-tagħlim tiegħu kien jispiċċa qabel dak ta’ Carmen, mar il-Belt jistennieha tiskola u qagħdu jitkellmu fit-terminus. Maż-żmien bdew jitkellmu regolarment sa ma titlaq il-karrozza għall-Kalkara. Ħbiebu, li bi ftehim miegħu kienu marru jittawlu hux tabilħaqq kien qed ikellimha, kellhom iħallsulu l-cola li rebħilhom.

Fil-frattemp il-kulleġġ kien joħroġ il-gazzetta Il-Kewkba u fiha kien hemm ritratt ta’ Victor mal-kast. Vanni, ħu Carmen, li ġieli ħaditu magħha meta kienet tiltaqa’ ma’ Victor, ħa din il-gazzetta d-dar u qal lil ommu li dak tar-ritratt, kien qed joħroġ ma’ Carmen. L-omm qabdet u marret għand Bro. Robert, id-Direttur, li lissnilha l-kelmiet: ‘‘irringrazzja lil Alla u ixgħel xemgħa lill-Bambin. Dak tifel tajjeb.’’

Jiġu minn xulxin

Wara ftit, Victor ta l-aħbar lil ommu u saru jafu li l-ommijiet kienu jiġu minn xulxin mill-bogħod. Iżda missieru ried ikun jaf min huma l-ġenituri tax-xbejba. Għalhekk Victor inqeda bi Bro Michael Buttigieg, li mar ikellem lil missieru meta hu ma kienx id-dar. U mhux talli missieru ma qallu xejn meta rritorna, talli staqsieh meta se jlaqqgħu ma’ Carmen. Min-naħa ta’ omm Carmen, din qalet lil Victor li kienet lesta ddaħħlu d-dar, ladarba l-ġenituri tiegħu jkunu jafu li qed ikellem lil bintha.

altL-għerusija ta’ Victor u Carmen damet madwar seba’ snin, u dan għall-fatt li hi daħlet il-College tal-għalliema mill-ewwel u hu baqa’ barra minħabba li marad missieru. Xtaq jattendi l-Universita’ biex jaqbad il-professjoni ta’ avukat. Meta ra applikazzjoni għal għalliem, tefagħha, u ngħażel. Għamel żmien jgħallem ukoll lill-persuni neqsin mid-dawl. Wara, mar il-College, intbagħat jgħallem fi skola primarja u aktar tard intbagħat jgħallem fis-sekondarji.

Victor jirrakkonta li meta qabad jaħdem, missieru kien qallu ‘‘il-paga trid tagħtiha lil ommok, għax dawk il-flus m’humiex tiegħek.’’ Jien obdejtu, u kont nagħtiha kollox.

Dar f’Ħal Balzan

Darba waħda staqsieh kemm kien se jdum jaħsibha biex jiżżewweġ u Victor wieġbu li ma kellux flus biex jixtri post, u li la ried joqgħod f’dar il-ġenituri tiegħu u lanqas f’dik tagħha. Missieru qabel miegħu u qallu li kellu l-flus fid-Defence Bonds. Il-Ħadd ta’ wara l-missier reġa’ qabadhielu u staqsieh fejn xtaq imur joqgħod. Victor ħatfu fil-kelma u qallu li l-isbaħ post għalih kien Ħal Balzan, viċin San Anton. Kien hemm xi reklam f’gazzetta u marru jċemplu għalih minn barra, għax dak iż-żmien ma kienx hawn telefons fid-djar.

Raw id-dar, bil-garaxx u għoġbithom, iżda missieru ried li qabel jiftiehmu fuq prezz, jarawha l-għarusa u ommha, biex wara ma jkunx hemm tgergir. Hekk ġara u l-proprjeta’ xtrahielhom missieru għall-prezz ta’ Lm2,500. Dan il-prezz kien 46 sena ilu.

Missier Carmen kien Chief Engineer fuq is-sottomarini fit-Tarzna. Kien raġel kwiet, tant li Victor jirreferi għalih bħala ‘San Ġużepp il-mutu’. Iżda kien kapaċissimu għax il-Commander-in-Chief dejjem jirrikorri lejh f’kull problema. Kien ukoll l-ewwel chargeman u peress li kien iħobb jara lil min jistudja — lil Salvu Debono u lil Nazju Abela, — li kienu jaħdmu t-Tarzna, kien jagħlaqhom f’kamra u jħeġġiġhom ikomplu jistudjaw biex isibu post aħjar. Xogħolhom kien jagħmilhulhom hu.

Victor jgħid li kien jistħi minnu u l-biża’ tiegħu kienet biss meta jilagħbu t-Taljani, għax kien partitarju kbir tagħhom. Darba sa kellhom joħdulu tabib id-dar!

Victor u Carmen damu għarajjes erba’ snin. Fl-għerusija, berkilhom iċ-ċrieket Dun Carmelo Xuereb, li kien kappillan tal-Kalkara u aktar tard Vigarju Ġenerali.

Żwieġ fil-Palazz

Iżżewġu fis-6 ta’ Novembru, 1966 fil-Palazz tal-Arċisqof il-Belt, peress li l-Arċisqof Gonzi kien jiġi z-ziju ta’ missierha. Qaddsilhom hu stess fid-9.00 a.m. Wara marru għall-festin, li dam sat-3.00 p.m. u sar fil-Lukanda Phoenicia, fejn kellhom madwar 600 ruħ mistednin.

altIl-familja ta’ Carmen hi waħda numeruża, u biex Victor ikollu l-mistednin, stieden lil tal-familja u lill-ħbieb li kienu miegħu l-Kulleġġ tal-Għalliema. It-tie; ħallsuh l-għarajjes.

Dari, meta ħaddiema mal-Gvern tkun se tiżżewweġ, kienet obbligata tieqaf mix-xogħol li jkollha, u tingħata somma flus. Carmen kienet se tingħata Lm300 iżda sat-tieġ dawn il-flus kienu għadhom ma ħarġux. Allura marru għand ziju tagħha, issellfu Lm600 u bejn iċ-ċekk tagħha u xi flus li qalgħu fit-tieġ, ħallsu għalih.

Il-qamar il-għasel qattgħuh id-dar, għax ma kellhomx flus. Wara t-tieġ, Victor qal lis-sewwieq biex joħodhom Ħ’Attard. Dak ħaseb li kienu sejrin il-Corinthia, iżda ftit qabel waslu hemm, Victor waqqfu u qallu li kienu waslu.
Għamlu ġimgħa xalata. Filgħodu jieklu għand ommu u filgħaxija għand ommha u f’jumejn minnhom marret għalihom kuġina ta’ Carmen, li żewġha kellu karrozza Anglia, li ħaduhom magħhom għal dawra u kielu barra.

Ra ’l missieru jibki

Meta ġew għat-twelid tat-tarbija tagħhom, Victor xtaq li jkollhom tifla, peress li fil-familja ta’ missieru kien ilu ma jkollhom waħda għal tliet ġenerazzjonijiet. U meta mar iħabbarlu li twelditilhom tifla, ra lil missieru bid-dmugħ f’għajnejh għall-ewwel darba f’ħajtu.

Bint Victor u Carmen twieldet il-Ħadd u l-omm xtaqitu jmur iħabbarha fil-gazzetta. Meta mar sab tfajla li staqsietu x’kien beħsiebhom isemmuha. Peress li kien għadu ma jafx, staqsa lilha x’kien jisimha. Dik qaltlu Rosanne u hu qalilha li se jsemmiha bħalha.

Lura d-dar, Carmen staqsietu wkoll x’se jsemmu lil binthom u hu għarrafha b’dak li ġara ftit qabel u li se jsemmu lit-tarbija Rosanne. Illum, binthom hi miżżewġa lil Stephen Calleja u għandhom żewġt itfal, Luke u Sarah.
Rigward il-valuri Nsara jemmnu li dawn kienu hemm, għadhom hemm u jibqgħu hemm. Il-biċċa xogħol hi kemm qed ikunu pprattikati. U min jipprattikahom irid jagħmel hekk mhux biex jidher iżda għax iħoss minn qalbu li għandu jimxi magħhom.

altMeta jitrattaw id-dixxiplina, jaqblu li saret taqliba enormi tul 50 sena. Dari, il-qofol ta’ kollox kienu: il-kappillan, in-nutar, is-surġent u l-għalliem. Għan-nies, dawn l-individwi kienu qishom il-Kunsill Lokali. Isemmu li fl-istess żmien, meta ssir il-Parents’ Day, minkejja li ħafna ġenituri ma kinux jafu jiktbu, kienu jattendu biex jaraw kif sejrin uliedhom. Illum ftit huma dawk li jagħtu kas uliedhom. Mhux biss, talli dari, studenti li ma joqogħdux sew, kienu jingħataw xi daqqtejn bir-riga. U ebda ġenitur ma kien imur għas-sodisfazzjon, għax kien jemmen fid-dixxiplina, iżda llum, anki jekk iżżiegħel b’xi student, jakkużawk li qed tabbuża minnu.

L-għaks kien deheb

Anki l-għaks tal-antik ħdejn il-lussu ta’ llum, jitqies bħala deheb, għax it-tfal ma kienu jippretendu xejn. Illum tixtrilhom x’tixtrilhom, ukoll b’liri kbar, jifirħu ftit biha u jwarrbuha. Ir-raġuni għal dan kollu hi li l-progress dejjem ġab rigress.

U l-agħar ħaġa bħalissa hi meta ssib ġenituri li jkunu f’qagħda finanzjarja batuta u jridu jikkupjaw lil ħaddieħor, għal dak li jqisu bħala benefiċċju għal uliedhom. Mhux sew li familja tipprova tagħmel aktar milli tiflaħ. Lit-tfal u liż-żgħar irridu ngħallmuhom li l-imħabba ma tissarrafx fi flus.

Victor semma eżempju tipiku ta’ studenti universitarji li għandhom l-isbaħ karrozzi għax strawhielhom il-ġenituri tagħhom, meta għadhom lanqas bdew jaħdmu. Iżda ġenituri hekk qajla jaħsbu fil-ħsara li jagħmlu f’uliedhom ladarba jiġu biex jiżżewġu. Għax żgħażagħ li jkunu draw f’ċerta ħajja lussuża, ma jkunu lesti għal ebda sagrifiċċju. U ż-żwieġ għandu jitfassal fuq is-sagrifiċċji.

Ħtieġa ta’ bolol għal żwieġ bejn sekondi kuġini

altIt-tieġ ta’ Emanuel Mifsud u Josephine nee Micallef kien kemmxejn differenti minn tiġijiet oħra. Ir-raġunijiet kienu varji, iżda forsi l-aktar waħda mhux soltu kienet il-ħtieġa tal-permess (jew bolol) biex jiżżewġu. U dan, minħabba li l-għarajjes kienu sekondi kuġini! Bolol, li spiċċaw sarulhom wara li żżewġu.

Emanuel u Josephine huma t-tnejn mill-Imsida. Kienu joqogħdu qrib l-Għajn tal-Ħasselin. Il-familja ta’ Emanuel kellha ħanut fl-Imsida stess bl-isem ta’ Tancredi Store, li minnu kienu jbigħu minn oġġetti tal-EPNS sa twiebet. Josephine kellhom id-dar tagħhom ’il ġewwa mill-Għajn, iżda ma kellhomx tfulija qrib xulxin, peress li meta fl-1940, Emanuel kellu disa’ snin, missieru miet u hu spiċċa daħal il-Kulleġġ St. Patrick’s.

Il-familja Mifsud kellha ħamest ulied u Emanuel kien it-tielet wieħed. Mal-mewt ta’ missieru, xtaq jidħol fi stitut, għax minn dejjem kien inklinat lejn il-kulleġġi. Familjari min-naħa ta’ nanntu, li kienu ħbieb mal-familja Strickland – li kellhom il-kulleġġi St. Edwards – tkellmulu, iżda ma sabulux post. Wara, Connie Strickland, oħt Mabel, staqsietu riedx imur Tas-Sliema. Emanuel aċċetta u daħal St. Patrick’s. Ħareġ minn hemm fl-1947.

Sena wara mietet ommu wkoll u oħthom il-kbira, Carmelina, li kienet diġa’ miżżewġa b’erbat itfal, spiċċat iddur bil-familja tagħha u b’ħutha kollha. Min-naħa ta’ Josephine kienu sitt aħwa. Hi t-tielet wild tal-familja Micallef. Tiftakar li minkejja li missierha kien jaħdem, il-ħajja għalihom ma kinitx wisq faċli, tant li ta’ 11-il sena kellha toħroġ taħdem man-nies, fid-dar tal-familja ta’ Buhagiar, fl-Imsida stess għal nofs lira fil-ġimgħa. Meta Emanuel ħareġ minn St. Patrick’s, flimkien ma’ uħud minn ħutu u xi ħbieb, kienu jilagħbu l-ballun fil-[anut li kellu missieru. Magħhom kien imur tifel żgħir, Freddie, li jiġi ħu Josephine.

altMin-naħa tagħha, Josephine spiss kienet tmur għand oħt Emanuel, li kienet titlobha tagħmel dan biex timlielha ftit mill-vojt li kkaġunatilha l-mewt ta’ ommha. Josephine tirrakkonta li f’oħt Emanuel kellha oħt oħra, tant li kienet tgħinha wkoll f’xi xogħol tad-dar. Iżda sa dak iż-żmien, la hi ma kellha ħsiebha f’Emanuel u lanqas hu.

Ġara li darba, xi ħadd tefa’ l-ballun barra fit-triq, fl-istess waqt li kienet għaddejja Josephine. Emanuel ħareġ jiġri għall-ballun u hi qaltlu: ‘‘Ar’hemm, kont se ttajjarni’’, waqt li Emanuel weġibha> ‘‘u int żul min-nofs u ħallina’’.
Aktar tard, Josephine kienet tmur għand zijitha, li kważi kienet toqgħod bieb ma’ bieb magħhom, u minn dak iż-żmien bdew speċi jkellmu lil xulxin. Għall-bidu, Josephine beżgħet minn x’setgħu jgħidulha l-ġenituri, iżda mbagħad komplew.
Ma damux wisq joħorġu bil-moħbi bħala namrati, għax meta Josephine qalet lil ommha b’Emanuel, aċċettatu mill-ewwel, ladarba kienu jafu sew lill-familja tiegħu. Terġa’ omm u z-zija ta’ Josephine, kienu spiss imorru għal kull ħtieġa li kien ikollha omm Emanuel u z-zija ta’ Josephine kienet in-nanny tal-familja Mifsud. Għalhekk malajr ingħata l-kunsens tal-ġenituri tax-xbejba u ta’ Carmelina, oħt Emanuel.

Il-ħruġ tal-għarajjes kien jikkonsisti f’xi dawra bil-mixi fuq l-irdum, fl-Imsida. Dan l-irdum kien mad-dawra li mill-Imsida tagħti għall-Whitehall, u ngħata dan l-isem peress li fi żmien il-gwerra, il-ġebel tal-bini mwaqqa’ kien jintefa’ f’dak il-baħar. Nhar ta’ Ħadd kienu jmorru jaraw xi filmat tal-5.00 p.m. fil-Gaeity, għax fis-6.30 p.m. riedu jkunu d-dar.  Meta matul il-ġimgħa, Emanuel kien imur id-dar ta’ Josephine, mad-9.00 p.m. kien ikollu jitlaq, biex il-familja Micallef tkun tista’ tirtira ħalli torqod. Emanuel jirrakkonta li din ma kinitx xi ħaġa kbira għal dak iż-żmien, għax id-dixxiplina fl-individwi kienet mill-aqwa. Bħala għarajjes jiftakru li darba marru jixtru ċ-ċrieket tal-għerusija u libsuhom mingħajr ma berkuhom. Iżda f’dan l-istat ma damux bosta.
Ġara li l-oħt il-kbira ta’ Josephine, kienet iżżewġet lil suldat: Amadeo Micallef u fl-1949 telqu għand iz-zijiet tiegħu fil-Kanada. Ftit wara tellgħu lil missier il-mara, li fl-1951 bagħat għal martu u uliedu biex jitilgħu ukoll. Minn hawn Malta lestew il-karti kollha, il-passaporti u l-eżami mediku.

Magħhom kien tiela’ wkoll Emanuel, li jiftakar li n-numru tiegħu tal-emigrazzjoni kien id-9,464. Jiġifieri daqshekk kienu siefru nies qablu! Iżda f’salt wieħed, Josephine qatgħetha li ma riditx tmur. Minħabba f’hekk, Emanuel baqa’ hawn ukoll. Bi tbissima ta’ bniedem li għaraf id-dinja, Emanuel jirrakkonta li dawk in-numri dejjem lagħabhom lottu… iżda qatt ma telgħu. Omm Josephine kellha biċċa xogħol enormi biex terġa’ tħalli lil bintha warajha u ma ridithiex tibqa’ hawn jekk ma tiżżewwiġx. Għalhekk tathom id-dar tagħha bl-għamara li kien fiha u l-għarajjes qablu li jiżżewġu qabel ma omm l-għarusa u t-tfal l-oħra jsiefru. L-omm innifisha marret għand il-Kappillan u qaltlu li bintha kienet se tiżżewweġ. Għarrfitu li l-ġenituri tal-għarajjes kienu jiġu ulied l-aħwa u l-Kappillan qalilha li kollox kien sew. Jumejn qabel it-tieġ, il-Kappillan, Dun Innoċenz Zammit, bagħat għall-omm u spjegalha li l-għarajjes kellhom bżonn il-bolol. L-omm weġbitu li issa ma kienx fadal żmien, u li l-bolol iġibuhom wara. Għaddiet tal-omm!
Emanuel u Josephine iżżewġu fl-10 ta’ Frar, 1952, nhar il-festa tan-Nawfraġju ta’ San Pawl, b’quddiesa kantata. Hu kellu 20 sena, u hi 19. Żewwiġhom il-Kappillan innifsu. Lil Emanuel tellgħu zijuh Ruġġieru, peress li missieru kien mejjet u lil Josephine tellagħha zijuha Salvu, peress li missierha kien il-Kanada. Ix-xhud tal-għarus kien il-Maġġur John Dimech, li miegħu, dak iż-żmien, kien jaħdem Emanuel, waqt li dak tal-għarusa kien Toni Saliba, kuġinuha min-naħa ta’ missierha.

Aneddotu ħelu hu dak ta’ jum it-tieġ. Kienu jinkrew żewġ karrozzi. Waħda biex twassal lill-għarusa u l-oħra għall-għarus. Imbagħad din il-karrozza tmur għal mistednin oħra. Emanuel kien ftiehem li wara li hu jitwassal il-knisja, ix-xufier imur għal oħtu l-kbira, bil-familja tagħha u ħutu. Ġara li s-sewwieq mar f’ħanut tat-te’ u nesa li kellu aktar nies x’jgħabbi. Ovvjament, il-familja ta’ Emanuel ma kinitx preżenti għall-quddiesa tat-tieġ tiegħu!
Wara t-tieġ, il-miżżewġin friski marru l-Ħamrun, għand Blackman għar-ritratti. Dak iż-żmien kien jittieħed ritratt kbir tal-miżżewġin weħidhom u ieħor fejn jidhru x-xhieda, biex ikunu jistgħu jagħtuhom ritratt b’tifkira. Fir-ritratt tat-tieġ tal-koppja Mifsud jidhru bridesmaid u żewġ flower-girls.

Hawn ukoll għandna rakkont ħelu min-naħa ta’ Josephine. Tgħid li peress li l-familja tagħha ma kellhiex flus, kien hemm mara tafhom, li qaltilhom li ħu l-bridesmaid kien għadu kif jiżżewweġ, u li jekk riedu jiffrankaw il-ħwejjeġ tal-bridesmaid u tal-flower-girls, setgħu jqabbdu lilhom stess għat-tieġ tagħhom. Omm Josephine u Josephine stess qablu mal-ħsieb u Adelina l-bridesmaid u Marianne u Dorothy l-flower-girls reġgħu sabu ruħhom jippużaw fit-tieġ ta’ Josephine. Wara t-tieġ, il-miżżewġin kellhom festin ċkejken familjari. Wieħed miz-zijiet ta’ Josephine offrielhom il-kamra li kellu ħdejn il-Gillieru, San Pawl il-Baħar, biex imorru jqattgħu l-qamar il-għasel fiha, iżda huma ppreferew li mill-ewwel lejl imorru fid-dar ġdida tagħhom. F’kamra raqdu huma, waqt li f’oħra raqdu omm Josephine u ħutha. F’temp ta’ xahar u nofs, omm u ħut Josephine, emigraw.

Fid-dar ta’ omm Josephine, bil-ħila tal-Majjistra Consolata Meli, twieldu ħamest itfal lill-koppja Mifsud. Kellhom lil Charlie, miżżewweġ lil Anna; Rita u żewġha Charlie Micallef; Franco u martu Louise; Polly u żewġha Paul Grima u David miżżeweġ lil Rita. Apparti minn dan, Emanuel u Josephine huma nanniet ta’ tmien neputijiet u bużnanniet ta’ tnejn – Nathan u Ilona. Għal dawk li huma valuri reliġjużi, Emanuel jgħid li quddiesa u rużarju ma naqsu qatt meta kien fil-Kulleġġ St. Patrick’s. Min-naħa tagħha, Josephine tgħid li l-quddiesa kienet tmurha kuljum, il-parroċċa. Tiftakar li ġieli kellha taqsam il-wied fix-xita, meta l-ilma kien jitla’ sal-pexxul. Meta kellhom it-tfal u dawn bdew jikbru, kienu jinqasmu għall-quddies, iżda meta marru joqogħdu qrib il-kappella, it-tfal bdew imorru weħidhom. Għar-rigward tat-trobbija ta’ llum, Emanuel jemmen li għan-nanniet, illum aħjar, għax peress li l-ommijiet jaħdmu, imorru aktar spiss għand in-nanniet, meta mhux ukoll iħallulhom lit-tfal. Qabel, it-tfal kienu jibqgħu ma’ ommhom fid-dar.

alt

Josephine hi tal-fehma li dari kienet teżisti aktar ġabra fil-familja. Semmiet li dari, uliedha kienu jaslu fl-4.00 p.m. mill-iskola, iduru mal-mejda u jagħmlu l-homework. Isir ħin il-mużew u jmorru. Wara jieklu, jinħaslu u jidħlu fis-sodda. Hawnhekk, Emanuel jaqbel ma’ martu. Jgħid li llum, it-trobbija hi mill-agħar. Lanqas dixxiplina ma teżisti. Illum, kompla jgħid, l-għalliema ma għadhomx meqjusin bħala dawk li jridu jedukaw, iżda bħala impjegati tal-Gvern li jridu jaqdu lis-soċjeta’ u lit-tfal. Mhux talli hekk, talli jeżisti numru tat-telefon, biex it-tfal, minn eta’ ċkejkna, ngħallmuhom ma joqogħdux għal dak li jgħidulhom min hu akbar minnhom u lanqas għad-dixxiplina. Dari, għal kull żball kien ikun hemm il-kastig, u dan kien jingħata għall-ġid tal-istudenti nfushom.

Il-koppja Mifsud taqbel ukoll li llum, lanqas il-ġenituri nfushom m’huma jisħqu għad-dixxiplina minn uliedhom. Qed jagħtuhom wisq riħ u jagħmlu minn kollox biex lil uliedhom ma jtellgħuhomx bl-istess mod li telgħu huma. Ħafna drabi, dan l-esperiment mhux jirnexxi, għax qed jagħmlu minn uliedhom tfal ribelli.

F’għeluq il-50 sena miż-żwieġ tagħhom, f’Jum San Pawl tal-2002, ma setgħux jagħmlu l-quddiesa tat-tiġdid tat-tieġ fil-parroċċa u għalhekk għamluha fil-kappella fejn kienu joqogħdu sa erba’ snin ilu. Għaliha attendew il-familji kollha Mifsud u Micallef u wara marru għal ikla f’ristorant f’Buġibba. Minn dakinhar tal-50 anniversarju għaddew seba’ snin oħra ta’ ħajja ta’ mħabba bejn Emanuel u Josephine, li lanqas biss jemmnu li ilhom miżżewġin 62 sena!  

Tislif ta’ rumanz iwassalhom biex joħorġu flimkien

altMinn Charles B. Spiteri

Fis-snin 50, Laurence Mizzi u Carmen Spiteri ltaqgħu fil-Pjazza ta’ Raħal Ġdid, li b’paragun mal-lum setgħet b’xi mod titqies bħala l-Paceville ta’ dawn iż-żminijiet. Kienu jippassiġġaw, ġuvintur għalihom u xebbiet għalihom. Raw lil xulxin u Laurence inġibed lejn Carmen. Peress li t-tnejn kienu għalliema, u kien se jkollhom social fl-iskola primarja tal-Furjana, Laurence waħħalha f’rasu li jmur u jiżfen magħha, minkejja li għadu ma jafx jiżfen sal-lum. ġara li lil Carmen stedinha ħaddieħor qablu u kellu jistenna sa ma mbagħad qabad magħha hu u baqgħu jiżfnu flimkien.

Qabel is-social, għal darbtejn fuq xulxin kien bagħat jistaqsiha ma’ xi ħbieb xtaqitx tkellmu u t-tweġiba tagħha kienet id-darbtejn ‘le’. Fl-aħħar iltaqa’ ma’ ħabiba tagħhom it-tnejn, li kienet sejra għand Carmen biex tagħtiha ktieb li kienet silfitha u Laurence talabha tgħidilha tisilfu lilu. Carmen, ħasset li ma kellhiex terġa’ tgħidlu le u allura silfithulu minkejja li lanqas kien tagħha. Wara t-tislif tal-ktieb, Laurence ġie f’kuntatt dirett ma’ Carmen biex irritornalha l-ktieb, u meta staqsieha riditx toħroġ miegħu, aċċettat.

Għall-bidu kienu jiltaqgħu bil-moħbi fid-dar ta omm Laurence u wara kienu jmorru passiġġata qasira. Carmen kienet beżgħet ittarraf lil ommha bin-namrat tagħha, peress li kienet mara stretta ħafna.
Laurence hu t-tieni tifel fil-familja ta’ sebat itfal – sitt subien u tifla, waqt li Carmen hi l-kbira minn sitt aħwa.

Kellem lil missierha

Darba, Carmen ħeġġet lil Laurence imur ikellem lil missierha. Hu aċċetta bil-qalb u meta rah għaddej mit-triq, resaq fuqu u kellmu. Missierha ħares lejh u qallu “mela le, kollox sew, mhix problema”. Naturalment induna li kien ġuvni serju u bi ħsieb ġenwin.
Ladarba ommha saret taf bl-aħbar minn żewġha, Laurence beda jidħol għandhom ukoll. Il-ħruġ ta’ nhar ta’ Ħadd ma naqasx, iżda dejjem bix-chaperone, bil-għassa magħhom. Fix-xitwa kienu jmorru l-Belt f’xi ħanut tal-kafè u fis-sajf għal xi ġelat f’Wied il-Għajn. Iżda dejjem bl-għassa magħhom.
Kif jirrakkuntaw Laurence u Carmen, id-dixxiplina fl-antik kienet fl-aqwa tagħha. Jiftakru meta attendew għall-kors tat-tħejjija għaż-żwieħ, mill-Moviment ta’ Kana, għand l-Agostinjani f’Ħal Tarxien. Naturalment weħidhom – ħaġa li lil omm Carmen ma għoġbitha xejn.
Biex kollox jagħqad, fl-aħħar tal-konferenzi, Dun Charles Vella kien għażel lil Laurence biex jagħmel erba’ kelmiet għan-nom tal-koppji għarajjes, u għalhekk damu ftit aktar mis-soltu. Meta waslu d-dar, ommha tatha ħasla liema bħalha. Iżda dawn kienu affarijiet komuni, tista’ tgħid mal-għarajjes kollha.
L-għerusija ta’ Laurence u Carmen ħadet ftit snin u dan minħabba li dak iż-żmien, għalliema mara riedet taħdem għal mill-inqas sentejn, inkella teħel multa. Barra minhekk, jekk għalliema mara taħdem ħames snin, kienet tingħata l-gratuity meta tiżżewweġ u għalhekk qatgħuha li jistennew sa ma jieħdu din is-somma.
Iċ-ċrieket tal-għerusija berikhomlhom ħu Laurence – Patri Massimiljan Mizzi ofm conv., assistit minn Patri Innoċenz Delia, Kapuċċin, li kien ħabib tal-familja Spiteri. Wara t-tberik taċ-ċrieket kellhom festin familjari ċkejken fid-dar tal-ġenituri tal-għarusa.

‘Kaċċa’ ghal dar

alt

Mal-għerusija bdiet il-‘kaċċa’ għad-dar tal-koppja ġdida. Jirrakkuntaw li kien diffiċli ferm issib fejn toqgħod. Iżda bil-ħniena ta’ Alla, ħabib ta’ Laurence qallu b’appartament vojt fl-Isla. Laurence fittex lis-sid, li kien joqgħod Qui Si Sana, sabu, u dak aċċetta li jikrihulu. Dan l-appartament kien fir-raba’ sular, iżda peress li kien twaqqa’ fil-gwerra reġa’ nbena mill-ġdid u kważi kważi żanżnuh huma.
Biċ-ċavetta tal-post fejn joqogħdu f’idejhom, Laurence u Carmen taw id-data taż-żwieġ. Kienet it-22 ta’ Settembru tal-1957. Il-knisja għaċ-ċerimonja kienet il-parroċċa ta’ Kristu Re, f’Raħal Ġdid u ċ-ċelebrant reġa’ kien ħu Laurence. Ix-xhieda tat-tieġ kienu 

Lewis Portelli (illum mejjet, u li kien jaħdem ma’ Laurence fid-Dipartiment tal-Informazzjoni) u Victor Attard (mejjet ukoll).
Laurence u Lewis kienu ħbieb kbar, għax mhux biss kienu jiltaqgħu fuq ix-xogħol normali tagħhom, iżda t-tnejn kienu dilettanti tal-isport. F’dan il-qasam, Lewis ta sehem fix-xandir bir-Rediffusion u t-televiżjoni.
Wara l-quddiesa tat-tieġ, li saret filgħodu, il-miżżewġin friski kellhom riċeviment fir-Reġina Hotel, Tas-Sliema. Hemmhekk sabu tilqagħhom lill-orkestra ta’ Vinnie Vella (il-missier) li dik il-ħabta kien jaħdem ukoll mad-Dipartiment tal-Informazzjoni.
Wara r-riċeviment bdew il-qamar il-għasel billi għal-lejl marru f’lukanda Għajn Tuffieħa u l-għada siefru bl-ajruplan għal Katanja. Minn hemm għal Ruma, Venezja, Innsbruck u Vjenna fl-Awstrija.
Interessanti li fl-istess jum, iżżewġet koppja oħra minn Wied il-Għajn, Lino u Rose Debono, li mhux biss kienu ħbieb ta’ Laurence u Carmen, iżda bħalhom kellhom lill-istess patri Karmelitan, li kienu jqerru għandu u jieħdu l-pariri mingħandu. Għalhekk meta ż-żewġ koppji siefru għal qamar il-għasel, il-Patri tela’ magħhom ukoll. Iżda ladarba waslu fl-ewwel destinazzjoni, kulħadd mar għal rasu.

Tilfu r-‘rapido’

Wara madwar 20 ġurnata barra, lil Laurence qabditu l-influwenza u xtaqu jiġu lura malajr. Għalhekk, l-aħħar vjaġġ bil-ferrovija riedu jagħmluh bir-rapido u ħallas aktar għalih. Iżda bi żball qabdu ferrovija b’oħra u ħadu l-qatgħa ta’ ħajjithom, għax beżgħu li se jitilfu l-ajruplan għal Malta. Dak iż-żmien, l-ajruplan minn Katanja għal Malta kien jagħmel it-titjira tiegħu kull tlett ijiem.
Għalhekk, xħin waslu fl-istazzjon tal-ferrovija, Laurence sab tassist u qallu jwassalhom l-ajruport fl-inqas ħin. Dan mhux saq bihom, iżda tar. Meta mbagħad Laurence ġie biex iħallsu, sab li ma kellux flus Taljani biżżejjed, u t-taraġ tal-ajruplan telgħuh imbuttati b’kantaliena ta’ kliem ‘aktarx mhux xieraq’ bl-Isqalli. Fl-ajruplan sabu lill-passiġġieri kollha marbutin biċ-ċinturin. Kienu qed jistennew lilhom u kienu diġà sejħulhom xi darbtejn. Il-Bambin reġa’ daħal għalihom.
Lura Malta, Laurence u Carmen bdew jaħsbu għall-familja u wara sena u xahrejn, fl-Isla, twelditilhom l-ewwel tarbija tifel – Alex, illum direttur tal-HSBC, li hu miżżewweġ lil Marlene u għandhom tifla jisimha Carole.
Tliet snin u nofs wara, il-koppja Mizzi saret taf b’dar li tbattlet f’Raħal Ġdid, irsistiet kemm felħet u spiċċat marret toqgħod fiha. Aktar tard, fl-istess lokalità Laurence u Carmen xtraw biċċa art u bnew darhom. Ftit wara twelditilhom it-tifla – Joanna, li hi direttriċi fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Hi miżżewġa lil Noel Genovese u għandhom żewġt itfal: Jamie u Colleen. B’hekk, Laurence u Carmen huma nanniet ta’ tlieta.

Imġiegħel jitlaq mix-xogħol

altLaurence għandu kliem ta’ tifħir għal martu għax kellha ssofri miegħu d-diffikultajiet kollha li għaddew minnhom tul ħajjithom miżżewġa. Isemmi s-seba’ xhur sospiż fl-1977 għax kien obda direttiva tal-Unjon; il-MGCU (illum UĦM). Iżda l-agħar esperjenza li kellu, kienet li kien imġiegħel jitlaq għaxar snin qabel it-tmiem tal-impjieg tiegħu minn mal-Gvern, fl-1983.
Fl-1986, wara li l-Awtorità tax-Xandir twaqqfet mill-ġdid, Laurence inħatar membru tagħha u tliet snin wara ngħata l-kariga ta’ Chairman fejn dam erba’ snin. Dawk kienu l-aktar snin ibsin għall-Awtorità. Fl-ewwel snin għax kienet ġejja l-elezzjoni u kulħadd kien taħt pressjoni qawwija u mbagħad, meta laħaq Chairman, daħal il-pluraliżmu fix-xandir. Kien hu li f’isem l-Awtorità ħareġ il-liċenzji lill-istazzjonijiet Radio 101, Super One Radio u lill-RTK.
Illum il-ġurnata, minn fuq Laurence u Carmen għaddew 50 sena ta’ żwieġ. Ħamsin sena bis-sabiħ u l-ikreh tagħhom, iżda kif wiegħdu dakinhar li ngħaqdu bħala koppja, kienu lesti għalihom u ħaduhom b’sabar li saħħaħhom u wettaqhom aktar f’imħabbithom. Għal dan kollu kemm Laurence kif ukoll Carmen, jirringrazzjaw lil Alla, li żamm idejh fuqhom u seddaqhom bil-barkiet, lill-ġenituri tagħhom u lil dawk kollha li b’għemilhom tawhom il-formazzjoni Nisranija.
Għall-56 sena anniversarju kellhom quddiesa għand il-Klarissi, San Ġiljan, fejn qaddsilhom Patri Victor Spiteri, ħu Carmen, peress li Patri Massimiljan, kien indispost. Wara, flimkien mal-familjari marru f’lukanda u kellhom pranzu.

Il-valuri morali

Mitlubin jagħtu l-fehma tagħhom fuq il-valuri morali tal-antik, il-koppja Mizzi qalet li dak iż-żmien tant kienu qawwija, li jmorru fejn imorru qatt ma abbużaw. Jemmnu li l-valuri ħadu daqqa ta’ ħarta bit-teleserials Amerikani fuq it-televiżjoni, fejn jippruvaw juru li xejn m’hu xejn. Kienu huma li daħħlu l-libertinaġġ. Imbagħad ġie kollox ma’ kollox. U fejn dari konna nidħlu d-dar fid-disgħa, iż-żgħażagħ tal-lum ikunu għadhom lanqas biss ħarġu.
Semmew ukoll il-valur tal-onestà, fejn dari, jekk issib xi flus jew affarijiet oħra, kont tmur dritt tagħtihom lill-kappillan.
Għall-mistoqsija fuq x’jaħsbu għall-ħafna żwiġijiet qed jaslu għal separazzjoni, Laurence u Carmen jemmnu li dan kollu hu riżultat tan-nuqqas tal-valuri Nsara. Fi żmienhom, il-Kmandamenti kellhom il-valur tagħhom. Valur li ma jinbidilx. Illum, minn stħarriġ li sar fost l-istudenti universitarji, numru kbir minnhom qalu li ma jsibu xejn Ħażin is-sess qabel iż-żwieġ. Fi żmienhom, din l-affari lanqas kienet tgħaddi minn rashom.
Laurence qal li kull żwieġ ikollu l-problemi għax raġel u mara mhumiex identiċi, lanqas fil-fehma, iżda koppja għandha tilħaq il-kompromessi u tfittex il-komprensjoni, mhux tieħu r-raġun parzjali u egoistiku.
Carmen hi tal-fehma li fin-nuqqas ta’ qbil, koppja għandha tirrikorri għall-pariri, speċjalment ta’ saċerdot, għax meta sija r-raġel kif ukoll il-mara, jiftħu qalbhom ma’ konfessur, diġa’ jkunu qed itaffu mill-istress li jkunu għaddejjin minnha. Il-verità hi li llum, ftit huma ż-żgħażagħ li jemmnu f’din it-terapija.
Interessanti wkoll li dari, rari kont tisma’ b’separazzjoni jew b’xi xbejba b’tarbija barra ż-żwieġ. Fl-antik, f’Raħal Ġdid kollu jiftakru b’persuna waħda biss li kien se jkollha tarbija hekk. U kulħadd ilissen il-kelma ‘miskina’. Jiftakru wkoll li biex dawn in-nisa jwelldu, kienu jintbagħtu Għawdex. Illum il-ġurnata, f’pajjiżna, terz tat-trabi qed jitwieldu barra ż-żwieġ. U dawn l-affarijiet saru qishom m’huma xejn, għax il-valuri ttappnu.

Sess qabel iż-żwieġ

Laurence jirraġuna li s-sess qabel iż-żwieġ hu ħażin mhux għax ma jridux Alla, iżda Alla ma jridux għax hu ħażin. L-istess id-divorzju. Hu ħażin mhux għax ma jridux Alla, iżda Alla ma jridux għax hu ħażin fih innifsu. Jaf kif ikisser is-soċjetà kullimkien.
Fl-Amerika hemm aktar min-nofs iż-żwiġijiet li jispiċċaw f’divorzju, u hemm min jiżżewweġ tlieta u erba’ darbiet.
Bħala messaġġ lill-koppji żgħażagħ, Laurence u Carmen huma tal-fehma li dawn għandhom jirrispettaw u jħobbu tabilħaqq lil xulxin, iwarrbu l-egoiżmu, li hu l-għadu taż-żwieġ. Apparti dan jisħqu li l-valuri Nsara huma l-garanzija tal-kuntentizza. Ħadd m’għandu jħares lejn dawn il-valuri bħala jasar, iżda bħala sinjal ta’ gwida għal ħajja hienja.

‘True Love Waits’

Semmew ukoll li ftit snin ilu, fl-Amerika, grupp ta’ żgħażagħ reġgħu bdew jirrestawraw il-valuri. Semmew il-grupp tagħhom: True Love Waits. Jintrabtu li ma jagħmlux sess qabel iż-żwieġ. U fih hemm eluf ta’ membri żgħażagħ li kapaċi jagħmlu wegħda.
Carmen iżżid tgħid li meta koppja taqa’ fis-sess qabel iż-żwieġ, iż-żwieġ bħala Sagrament ma jibqagħlu xejn x’joffri. Terġa’ llum, il-materjaliżmu għolla ferm rasu u ż-żgħażagħ qed jippruvaw jagħmlu affarijiet li ma jifilħux għalihom. Dan qed iwassal biex koppja miżżewġa friska jintefgħu għal xogħol wara ieħor bla ma jiltaqgħu u ma jdumux ma jfeġġu quddiemhom bosta problemi li jheżżulhom iż-żwieġ tagħhom.  

Stennew lill-ġenituri jsiefru u krew id-dar futura tagħhom

Minn Charles B. Spiteri

Jekk is-sess jintuża qabel iż-żwieġ, iż-żwieġ ma jibqagħlux sens

altJoseph, li twieled, trabba u għex il-Belt kien ħabib ta’ ħu Winnifred, li l-familja tagħhom kienet mill-Furjana, u wara x-xogħol kienu joħorġu xi dawra flimkien. Darba ra lil Winnifred il-Barrakka ta’ Isfel, flimkien ma’ erbat itfal żgħar ta’ oħtha, u beda jkellimha. Dakinhar hu kellu 17-il sena u nofs u Winnifred 15. Mhux jemmnu li ż-żmien għadda, iżda tar!
Joseph kien jaħdem ma’ missieru li kellu dolċerija u forn fil-Belt stess. Dak iż-żmien, ix-xogħol kollu kien isir bl-idejn, u għalhekk, apparti mit-tbatija, kollox kien jeħtieġ il-ħin. Tant hu hekk li għall-bidu għamlu xi xahar u nofs jew xahrejn ma jiltaqgħu. Winnifred bdiet taħseb li kollox kien se jtir mar-riħ, sakemm darba ratu u staqsietu jekk kienx għadu bil-ħsieb li jibqa’ jkellimha. Wara dan l-inċident baqgħu jiltaqgħu sikwit, iżda dejjem bil-ħarba.
Winnifred tirrakkonta li oħtha, li kienet toqgħod bieb ma’ bieb magħhom fil-Furjana, kellha 11-il tarbija. Għalhekk hi kienet toħroġ lil xi uħud minnhom. Darba, meta kienet il-Barrakka ta’ Isfel, resaq fuqha Anġlu, il-ħabib ta’ Joseph, u qalilha li Joseph xtaq ikellimha. Hi weġbitu li kienet għadha żgħira u ma xtaqitx tibda tinnamra ta’ dik l-eta’. ġara iżda, li meta ħabibitha semgħetha tgħid dan, qaltilha li kienet se tkellmu hi.

Jinnamraw taħt ħajt

Kienu jiltaqgħu kultant u għal ftit ħin, wara nofsinhar, fuq il-Fosos tal-Furjana u jmorru għal wara l-ħajt tal-Mall. Biex ma jarawhomx in-nies – li ma jmorrux jukżawha lil ommha – kienu jintasbu taħt il-ħajt u ‘jinnamraw’ hemmhekk. Kien namur li xejn ma jixbah lil ta’ llum, għajr għall-isem, għax biex tiltaqa’ ma’ Joseph kienet tkun fil-kumpanija ta’ ħabibitha u ġġorr magħha erbat itfal, tnejn fil-pram, u tnejn jimxu. Damu żmien twil jiltaqgħu hekk għal ftit ħin, sakemm darba, xi ħadd kżaha lil oħtha u din qalet lil ommhom.
Ladarba ommha saret taf, lil Winnifred ma ħallithiex toħroġ aktar, għax ħaditha wisq bi kbira. U kif tgħid Winnifred innifisha, sa l-aħħar mumenti, ommha lanqas xtaqet li tħalliha tiżżewweġ. Fil-familja ta’ Winnifred kienu sitt aħwa. Hi l-iżġħar waħda u twieldet fi xjuħit ommha. Kellhom ħanut tal-merċa quddiem id-Depot tal-Pulizija u d-dar, apparti minn ommha u missierha, kien għad hemm tliet ħutha ġuvintur. Għalhekk aktarx li ommha xtaqet li l-familja tagħha jkollha fuq min isserrah.

Ma qablux man-namur

Min-naħa ta’ Joseph kienu tmien aħwa – tliet subien u ħamest ibniet. Il-kbira kienet tifla li trabbiet ma’ nannitha u għalhekk Joseph, li hu t-tieni wieħed, kien qisu l-kbir fil-familja. Meta ommu saret taf li kien qed jinnamra, xejn ma ħadet gost, u lanqas riditu jiżżewweġ, għax apparti li beżgħet li ma jibqax jgħin lil missieru, riditu jagħmel tajjeb għad-dota ta’ ħutu l-bniet. Tant li darba, meta saret taf li Joseph ried jiżżewweġ lil Winnifred staqsietha kinitx taf li binha ried iżewweġ lil ħutu.
Biex il-ġenituri ta’ Joseph u ta’ Winnifred waslu jippermettu lil uliedhom jiżżewġu hi ġrajja li qajla titwemmen.
Inzerta li fl-istess żmien li siefru l-ġenituri ta’ Joseph, siefru wkoll dawk ta’ Winnifred. Waħda miz-zijiet ta’ Joe, kienet sabet lill-għarajjes u qaltilhom li jekk tassew riedu jiżżewġu, kien hemm post għall-kiri l-Belt, qrib fejn kien joqgħod Joseph. Dawn sabu x-xoqqa f’moxtha u krewh. Kellhom iħallsu rigal ta’ Lm150 biex ingħataw iċ-ċavetta. U fl-1957, dik is-somma kienet waħda qawwija. Terġa’ d-dar kienet maqsuma bejn żewġ familji, li jidħlu mill-istess bieb – familja kienet tgħix isfel u l-oħra tgħix fuq. Iżda għal dan it-tqassim tal-post ma tawx kas. Irraġunaw li l-aqwa li kellhom post fejn imorru joqogħdu.
Joseph jgħid li waslu għal dan il-pass peress li hu ma xtaqx joħroġ mill-Belt, biex ikun jista’ jibqa’ jgħin lil missieru, li x-xogħol tiegħu kien jibda minn sbiħ il-jum u jibqa’ sejjer sal-11.30 p.m. Isemmi wkoll li wara li żżewweġ, Joseph beda jaħdem mal-Gvern, iżda baqa’ jgħin lil missieru għal snin twal mingħajr ma jitħallas. Kienu jaħdmu l-Ħdud ukoll sat-3.00 p.m. għax kien ikollhom ix-xiwi tal-ikel.
Winnifred issostni li krew dak il-post għax kull darba li kienu jsibu fejn jikru, ommha kienet tiskuraġġiha, bl-iskuża li jew ikunu sabuh ’il bogħod, jew għax il-prezz tal-kera jkun għoli. Iżda Joseph u Winnifred qajla baqgħu jagħtu kas ta’ dan kollu, għax biex ikollhom xi sold, Joseph kien jagħmel kull biċċa xogħol li tiġi għal idejh. U Winnifred kienet xebgħet fid-dar ta’ ommha, tagħmel mhux biss ix-xogħol meħtieġ hemm, iżda wkoll tgħin fid-dar ta’ oħtha li kellha 11-il tarbija.
Hi tiftakar li Joseph daħal l-ewwel darba d-dar tagħhom meta żżewweġ ħuha Ċensinu, fl-1954.

Iċ-Ċurkett tal-għerusija

Meta ġew għall-għerusija, Joseph ħa lin-namrata biex tagħżel iċ-ċurkett li tixtieq. Li għoġobha kien jiswa Lm18. Iżda meta ommu saret taf li kienu se jixtru ċ-ċrieket, marret għand Testa u ħaditilha erbgħa biex tagħżel minnhom. Winnifred qaltilha li hi mhux wieħed minn dawk kienet għażlet, iżda omm Joseph weġbitha li ċurkett b’ċurkett, huma kollha xorta u ma kellhiex għalfejn tneffqu ħafna flus. L-aqwa li f’subgħajha jkollha ċurkett! Illum Winnifred tirrealizza li dak iż-żmien, Joseph kien jaqla’ Lm2.45 fil-ġimgħa.
L-għerusija tagħhom saret billi filgħaxija, omm u missier Joseph marru d-dar għand il-ġenituri ta’ Winnifred, ħadu grokk, u lkoll f’daqqa marru jaraw talkies. Fi żmien l-għerusija, omm Winnifred ġieli tatha xi kastig, fejn kienet tordnalha ma toħroġx mid-dar. Iżda bi tbissima, Joseph jgħid li kien jisfida lil ommha bil-pulit, billi jmur għandhom u jgħidilha ma tinkwetax billi kienu lesti joqogħdu ġewwa. Ommha kienet tirrabja u tgħidlu biex imur.
Iż-żwieġ tagħhom kien ippjanat li jsir fi Frar, iżda peress li kienet ġejja waħda miz-zijiet ta’ Joseph mill-Amerika, ommha qaltilha biex jistennewha. U allura żżewġu s-Sibt 12 ta’ April, 1958 fil-Parroċċa San Publju l-Furjana. Qaddsilhom l-Arċipriet Dun Anton Debono, min-Naxxar.
Ġara li dak iż-żmien il-Karnival kien iċċaqlaq mid-data tiegħu fi Frar u beda jsir f’April u għalhekk kien jum mill-agħar għal missier Joseph, li kien ikollu ħafna ħami ta’ pasti, pastizzi u affarijiet oħra.

Mistednin bla inviti

altMissier Winnifred ma qabilx li jagħmlu l-inviti, u lil kulmin kien jixtri mingħandu, kien jgħidlu li bintu se tiżżewweġ, u jekk irid, mistieden għat-tieġ, li kien se jsir fis-sala tal-Canadian, fi Triq Mannarino, Birkirkara.
Wara t-tieġ, l-għarajjes marru għar-ritratt tal-okkażjoni għand Agius u xħin waslu fis-sala, qabadhom bħal paniku. Raw sala ppakkjata bis-siġġijiet, u tant kien hemm nies li bilkemm setgħu jgħaddu għal fuq il-pjattaforma li kienet tinbena għall-għarajjes. Flok l-orkestra li ftiehem fuqha Joseph, sab lil dak li kellem b’numru ta’ diski ta’ dak iż-żmien. Għall-ewwel irrabja, iżda l-ieħor serraħlu rasu li xorta kien se jkollu daqq mill-aqwa.
Kien qisu t-tieġ ta’ Kana. Kulħadd kiel u xorob kemm ried, għax kien Joseph stess li ħadem il-ħelu. U mhux talli serva, talli kien baqa’, minkejja li n-nies ma ċċaqalqux mis-sala qabel is-siegħa u nofs ta’ filgħodu.
L-għada, kienu se jmorru bil-ħelu li fadal għand omm l-għarusa, għax dari kienet drawwa li lil min ma jkunx attenda għat-tieġ, jagħtuhom xi ħelu.
Erba’ xhur wara ż-żwieġ, marru għal qamar il-għasel, f’safra ta’ xahar mal-Moviment ta’ Kana, peress li kienu mill-ewwel koppji msieħba f’dan il-moviment, li kien għadu jiltaqa’ fil-knisja tal-Kapuċċini.
Lura Malta kellhom żewġt itfal, Carmel, illum miżżewweġ lil Sue, li għandhom tifel, Mark Andrea. Wara seba’ snin kellhom lil Jacqueline, illum miżżewġa lil Adrian Bugeja Douglas, li għandhom tliet subien: James, Liam, Matthew.

Differenza fit-trobbija

Il-koppja Cassar temmen li d-differenza prinċipali bejn it-trobbija ta’ dari u ta’ llum hi fil-ħela. Dari kulħadd kien jgħaddi b’dak meħtieġ u bil-qies. Illum il-ġenituri jridu jikkuntentaw lil uliedhom f’kollox u ftit ftit, ħassruhom. Fl-antik, daqqa ċkejkna kienet tiddixxiplina u żżomm ċerta awtorita’. Winnifred issemmi li jekk Joseph kien jikkorreġi lit-tfal, ma kinitx tindaħal bejniethom. Ħalli wara jiddiskutu bejniethom. Illum, il-ġenituri juru n-nuqqas ta’ qbil tagħhom quddiem uliedhom, u b’hekk jagħtuhom ir-riħ. It-tfal jitilgħu ta’ rashom u mfissdin.
altJoseph isemmi l-faqar tal-antik. Kienu jilagħbu b’kollox. Illum wasalna naraw tfal żgħar biċ-ċellulari tagħhom. ‘‘Jekk minn żgħar nagħtuhom kollox u ndarruhom bil-lussu, x’nistennew li jkunu jridu ’l quddiem! Mhux li jagħmlu li jridu!’’ ikompli Joseph.
Winnifred iżżid li llum, li n-nisa miżżewġa joħorġu jaħdmu, tnaqqas ir-rispett lejn ir-raġel, li dari kien jitqies bħala l-breadwinner tal-familja. B’hekk spiċċa s-sagrifiċċju tal-koppja u nibet it-tagħjir ta’ bejniethom. Barra minhekk, għall-flus, it-tfal qed jitilgħu qishom orfni. Joseph u martu jaqblu wkoll li llum ħadd mill-għarajjes ma jiżżewweġ jekk minn qabel ma jkollhomx il-kumdita’ kollha fid-dar. Fi żmienhom, la kellhom cooker, la fridge u lanqas washing machine. Kollox xtraw maż-żmien.

F’għeluq il-50 sena miż-żwieġ tagħhom, Joseph u Winnifred kellhom quddiesa konċelebrata mill-Arċipriet Alf Camilleri, il-Kan. John Ciarlo’u l-Kan. Ġwann Borg. Għaliha, apparti mill-familjari tagħhom attendew il-membri tal-Grupp Familji Nsara tal-Belt, li fih ilhom imsieħba mill-bidu tiegħu. Wara kellhom festin fid-Domus San Pawl, il-Belt.

Il-messaġġ pożittiv ta’ Winnifred għall-għarajjes ta’ llum hu: ‘‘Ibżgħu għall-kastita’. Is-sess għandu jiġi wara ż-żwieġ, inkella ż-żwieġ ma jibqagħlu ebda sens. Min-naħa tiegħu Joseph jisħaq li maż-żwieġ, għandhom jinqatgħu l-ħbiberiji żejda. Ma jfissirx li jgħixu klawsura, iżda titwarrab kull kunfidenza żejda.  

Il-villeġġjatura tressaqhom għaż-żwieġ

altMinn Charles B. Spiteri

Għas-sajf, il-familji Grech u Busuttil kellhom dar kull wieħed maġenb xulxin qrib il-bajja ta’ Birżebbuġa. F’waħda kien joqgħod John iben Vincent u Marija, li fix-xitwa kienu joqogħdu fil-limiti ta’ Ħal Luqa, u fl-oħra Frida, bint George u Ginnie, li bid-dar residenzjali kienu joqogħdu Raħal Ġdid.

Minn tfal ċkejknin kienu jiltaqgħu għat-tliet xhur tas-sajf fil-villeġġjatura rispettiva tal-ġenituri tagħhom, li mhux biss kienu saru ħbieb ta’ xulxin, iżda b’uliedhom imorru wieħed għand l-oħra u viċi versa. Kien minn ewl id-dinja, li l-laqgħat għal tliet xhur sħaħ fis-sena, rawhom jikbru flimkien u jinġibdu lejn xulxin. Dan kien fil-bidu tas-snin ħamsin.

Frida tirrakkonta li meta ommha rat li bintha nisslet ċerta ġibda lejn John, żammitilha, minkejja li issa kellha 19-il sena. Kien żmien l-ubbidjenza u d-dixxiplina, tant li tiftakar li dak iż-żmien lanqas lipstick ma kien permess fuq ix-xebbiet. Allura, lanqas għall-quddies ma kienu jitħallew imorru weħidhom. Dan kollu kien iseħħ għat-tliet xhur sajfin.

Twassil ta’ messaġġi

altFix-xitwa ma kienu jiltaqgħu xejn, iżda qlubhom xorta sabu lill-kupidu li kien iwassal kull messaġġ ta’ mħabba lil xulxin. Dan peress li John kien għadu jattendi l-Kulleġġ San Alwiġi u hemm kien imur ukoll wieħed minn ħut Frida, iżgħar minnha. Kien hu li minn darba għall-oħra kien iwassal l-ittri minn dar għal skola u minn skola għad-dar. Jgħaddu d-disa’ xhur tax-xitwa u l-qlub safjin ta’ John u Frida, jerġgħu jitħeġġu għal xulxin hekk kif iż-żewġ familji jħejju biex jitilgħu fil-villeġġatura. Iżda l-ħruġ weħidhom ma kien permess qatt.

Huma għadhom jiftakru li biex darba marru jaraw filmat, marru magħhom il-ġenituri tiegħu u tagħha. Kienu jieħdu filliera sħiħa, u John kien jidħol l-aħħar wieħed, fid-dlam, biex joqgħod f’xifer ta’ filliera, ħalli meta jasal l-intervall joħroġ l-ewwel wieħed biex jiltaqa’ għal ftit sekondi max-xbejba tiegħu.

Frida għadha tal-fehma li s-sikkatura ta’ dari hi bżonjuża, għax minn kif qed naraw illum, mingħajrha jsaltan id-dnub u l-libertinaġġ, li qed jisfaxxa lil numru kbir ta’ familji.
Mitluba tgħid xi ħaġa fuq kif ħaduha l-ġenituri tagħha meta saru jafu li tixtieq tkellem lil John bis-serjeta’, Frida qalet li għall-ewwel ma tantx ħadu gost, peress li John kien għadu l-iskola, iżda ladarba temm l-istudju tieg[u u kellu mpjieg fis-sod, allura aċċettawh bil-qalb.

Min-naħa tiegħu John jirrakkonta li qabel l-għerusija tagħhom, u minkejja li l-familji kienu jafu lil xulxin, dari xorta waħda kienu jindagaw fuq xulxin, anki biex jaraw l-istat ta’ saħħa u jekk hemmx xi mard. Iżda fil-każ tagħhom, baqgħu għaddejjin bl-għerusija.

Riċeviment kbir

L-għerusija ta’ John u Frida saret fid-dar tal-ġenituri tagħha f’Raħal Ġdid, li kienet waħda enormi, peress li missierha kien neguzjant. Berkilhom iċ-ċrieket Dun Pawl Micallef, li jiġi minn Frida u wara kellhom riċeviment kbir fil-ġnien, li għalih kienu mistednin ħafna familjari, għax ħbieb ma kellhomx. Sa qassmu s-souvenirs u kellhom fotografu għall-okkażjoni li ġibdilhom album sħiħ tar-ritratti li għadhom jgħożżu sa llum.
Ta’ min isemmi wkoll li John u Frida kienu koppja minn tal-bidunett li bdiet tattendi l-laqgħat ta’ Kana. Jiftakru li l-ewwel laqgħa kienet saret f’Palazzo Caraffa. Wara, il-Moviment ta’ Kana beda jorganizza l-laqgħat tiegħu fid-djar tal-membri, f’kull pajjiż, iżda dan ma baqax isir.
Il-koppja Grech qaltli wkoll li xi snin ilu, il-Moviment ta’ Kana tahom tifkira peress li kienu minn tal-ewwel li attendew dawn il-korsijiet.
John u Frida damu għarajjes sentejn. Meta missier l-għarusa ra li kienu mexjin b’serjeta’ u rettezza, xtralhom dar fi Triq Żabbar, Raħal Ġdid, kif wara għamel ma’ kull wild ieħor mill-ħamsa li kellu. F’dik id-dar, il-koppja Grech damet tgħix 25 sena.

Iż-Żwieġ

altIżżewġu fid-19 ta’ Mejju, 1957, fil-parroċċa Kristu Re. Żewwiġhom il-Kappillan, Mons Francesco Xuereb, li kien jaf lill-ġenituri ta’ Frida mindu kienu għadhom tfal. Wara ż-żwieġ kellhom jistenniehom riċeviment mill-aqwa, fil-ballroom tal-Lukanda Phoenicia, il-Furjana.

Fis-sular ta’ fuq tal-Lukanda, intramaw xejn inqas minn 14-il mejda biex fuqhom jitqiegħdu r-rigali. Dari kienet id-drawwa li l-koppja ġġorr ir-rigali li tkun qalgħet fis-sala, biex il-mistednin jarawhom. Allura dan il-ġarr kien jippreżenta biċċa xogħol kbira għall-familja. Kellhom iqabbdu wkoll pulizija biex joqgħod għassa mar-rigali tul il-lejl.
Fost ir-rigali li qalgħu kellhom washing machine, makna tal-ħjata bil-cabinet, senduq, diversi oġġetti tal-fidda kif ukoll frames. Dawn kienu skjerati fis-sala ta’ fuq u jidhru fir-ritratti tal-album tat-tieġ li għadu jġedded il-memorja ta’ John u Frida.

Isfel, fil-ballroom sar ir-riċeviment, li għalih kienu mistednin aktar minn 800 ruħ. Iddoqq kellhom lill-orkestra ta’ Vinny Valente u l-kejk tat-tieġ kien oriġinalissimu. John, li hu dilettant ħafna tad-disinji, kien mar għand id-dulċier Carmelo Borg Bonaci u ordnalu kejk forma tal-knisja li tidher fis-santa ta’ Kana. Dak għamilhulu kif xtaq u kien tabilħaqq għaxqa fuq il-mejda tar-repo’.
Fit-tieġ qassmu wkoll is-santi ta’ Kana bit-tifkira taż-żwieġ tagħhom fuq wara u wkoll is-souvenirs.

Meta wara nofsinhar intemm ir-riċeviment tat-tieġ, John u Frida rħewlha għas-Seabank Hotel u l-familjari kellhom biċċa xogħol iebsa, jittrasportaw ir-rigali kollha fid-dar tagħhom!
Aktar tard filgħaxija, il-koppja miżżewġa friska kellha żjara mill-familjirispettivi u meta telqu, huma qattgħu l-ewwel lejl tagħhom fil-lukanda. L-għada niżlu fid-dar ġdida tagħhom mnejn bdew iħejju għas-safra ta’ qamar il-għasel.

Marru ġimgħa Napli u wara telgħu ġimgħa Ruma, fejn marru l-Vatikan. Ftit qabel xtraw kwadru tal-Qalb ta’ Ġesu’ u l-Qalb ta’ Marija. Kellhom udjenza mal-Papa Piju XII, li mhux talli berkilhom il-kwadru talli tahom ukoll rigal. Il-kwadru għadu mdendel fil-kamra tal-ikel, fid-dar tagħhom t’issa, f’Birżebbuġa.

It-tfal

Wara sena żwieġ kellhom lill-ewwel tarbija tagħhom Marika, illum miżżewġa lil Frank Gauci. Huma għandhom żewġt ibniet, Alison u Bernice. Tliet snin wara twieled Noel, li hu miżżewweġ lil Marthese nee Cassar u għandhom żewġ subien, Ryan u Ian. Wara tliet snin mit-twelid ta’ Noel kellhom lil Josiah li żżewweġ lil Lilian nee Balzan u għandhom erbat itfal Juanita, Andre’, Stefan u Philip. L-aħħar tarbija tifel tal-koppja Grech twieldet tmien snin wara l-aħħar wild u dan kien Bernard, li hu miżżewweġ lil Anne Marie nee Micallef u għandhom żewġt itfal; Maria u Neil. B’hekk, John u Frida huma nanniet ta’ għaxar neputijiet.

F’għeluq il-25 sena żwieġ it-tfal organizzawlhom festin b’sorpriża. Ħaduhom għal quddiesa fil-parroċċa ta’ Birżebbuġa, fejn qaddsilhom il-ħabib tagħhom Mons Victor Grech. Hemm sabu wkoll lill-familjari, lill-bridesmaids li kellhom, lix-xhieda u liż-żewġt iħbieb li kellhom. Wara ħaduhom f’sala f’Birżebbuġa stess, fejn sabu numru ta’ mistednin oħra jistennewhom.

Kellhom sala armata bi fjuri, waiters iqassmu l-ikel u x-xorb, santi bħalma kellhom fit-tieġ, biex jibqa’ l-istess simbolu taż-żwieġ u souvenirs. Kien qisu tieġ ieħor.
L-istess reġgħu għamlulhom f’għeluq il-50 sena. Krewlhom karrozza bis-sewwieq u wara li ħadu minn moħħ missierhom fejn xtaq li jkollhom il-quddiesa ta’ tifkira, organizzawhielu fil-Kulleġġ San Alwiġi. Il-knisja kienet armata bit-tapit aħmar u qaddsilhom ħabib ieħor – Patri Ugolin Scerri. Jgħinuh kellu lil Dun Vinċenz Deguara u Patri Krispin Tabone. Jiftakru li kellhom quddiesa mill-isbaħ, fejn Patri Ugolin reġa’ berkilhom iċ-ċrieket u talab fuqhom.

Mill-knisja ttieħdu l-Lukanda Suncrest, fejn kellhom ikla familjari. Waqt l-istess festin, uliedhom ippre]entawlhom ċertifikat tal-Papa, imbierek minnu stess u bl-ismijiet ta’ uliedhom fuqu. Kien jum li jibqgħu jiftakruh għal dejjem.

Parir

altMitlubin jgħaddu parir lill-għarajjes żgħażagħ, Frida hi tal-fehma li għandhom ikollhom tħejjija soda, inkella ma jersqux lejn żwieġ. It-tieni; meta jkunu fuq l-artal u jaħilfu mħabbithom lil xulxin għal dejjem, iridu jiftakru li fosthom hemm Alla għal dejjem. Jekk f’kull mument ta’ ħajjithom ma jgorrux lil Alla magħhom, iż-żwieġ ikun impossibbli jirnexxi. Bil-ħila tagħna m’aħna kapaċi nagħmlu xejn. Nimxu biss, bil-ħila ta’ Alla. Barra minn hekk nippruvaw nevitaw dan id-diżastru li għandna bħalissa, fl-ilbies; fit-televiżjoni, li m’hu jagħti ebda tagħlim tajjeb għall-erwieħ tat-tfal.

Min-naħa tiegħu John jgħid li l-miżżewġin għandhom jevitaw lill-ħbieb, għax dawn mhux dejjem ikunu ħbieb. Min se jiżżewweġ għandu jkun jaf li se jwiegħed imħabbtu lis-sieħeb jew sieħba tiegħu għal dejjem, u għalhekk, għal deċiżjoni bħal din bilfors tinħtieġ preparazzjoni qawwija. Jitbiegħdu kemm jista’ jkun mid-dubju, għax id-dubju hu ħabib ix-xitan u kapaċi jħassar familja. Ħafna jistgħu jgħidu li n-nanniet huma antikwati, iżda l-proverbji kienu ta’ tagħlim minn dejjem u jibqgħu għal dejjem.

Finalment, il-koppja Grech tħeġġeġ lill-koppji ta’ llum biex jekk ikollhom xi diżgwid bejniethom, isolvuh qabel ma jidħlu jorqdu, għax jekk iħallu għall-għada, dan jista’ jikber aktar.  

1 2 3