F’erba’ xhur iltaqgħu, innamraw, tgħarrsu u żżewġu
Minn Charles B. Spiteri
Bin ir-raba’ minn Ħ’Attard u bint ir-raba’ minn San Ġorġ, Ħal Qormi ltaqgħu flimkien u żżewġu permezz tal-ħbiberija li kienet teżisti bejn missirijiethom. Din il-koppja hi magħmula minn Filippo Camilleri u Filomena, li kunjom xbubitha kien Borg. Filippo ngħata dan l-isem għax waqt twelidu, il-lingwa Taljana kienet għadha fl-aqwa tagħha.
Meta Filippo kellu dawk il-15-il sena, safa ltim minn ommu. Ma’ mewtha, fid-dar baqa’ l-missier, Filippo u żewġ ħutu oħra subien. Wara xi sentejn, il-missier kien qed jaħsibha li jerġa’ jiżżewweġ, iżda malajr tajjar il-ħsieb u ħeġġeġ lil Filippo biex jiżżewweġ hu minfloku.
Kien bagħtu Ħal Qormi għand missier Filomena biex iġiblu ftit żerriegħa tal-ħass. Meta wasal għandhom, il-missier daħħlu d-dar u bagħat lil Filomena biex tmur iġġiblu u Filippo ma damx ma nġibed lejha. Hu reġa’ mar għandhom u f’temp ta’ erba’ xhur għaddew in-namur, l-għerusija u ż-żwieġ. F’Mejju ltaqgħu u l-ewwel ħarġa tagħhom kienet xahar wara, fil-festa tas-Santissma Trinita’ tal-Marsa. F’Settembru żżewġu.
Joħorġu bil-‘gwardja’
Bi tbissima ġenwina jirrakkuntaw li dak iż-żmien biex joħorġu ftit, imqar għal passiġġata, kienu jġorru ‘l-gwardja’ magħhom. Iżda fir-rigward tagħhom ma kellhomx perijodu twil ta’ namur u għerusija, li setgħu joqogħdu joħorġu, peress li kif jgħidu, kienu, ż-żwieġ tagħhom kien “mal-ħaġra t-tajn”. Għalhekk, l-aktar li kienu jiltaqgħu kien fid-dar tal-għarusa u joqogħdu miġburin hemm.
Madankollu, Filippo, li hu akkanit sew għall-festi, jirrakkonta li ma kienx ikun hawn festa li ma attendewx għaliha. Kien saħansitra jerfa’ fl-istatwi tal-festa u għadu dilettant kbir sal-lum. Biex jiċċajta qalli li għall-purċissjonijiet kien imur b’purċissjoni oħra, għax magħhom kienu jridu jieħdu lil ħutha.
Filomena żiedet li dak iż-żmien, id-dixxiplina kienet stretta. Huma, li kienu erbatax-il aħwa, kellhom dixxiplina bla swat, iżda jekk missierha kien jordnalha biex f’xi jum ma toħroġx barra mid-dar, kien ikollha tobdi bla mistoqsijiet.
Għall-għerusija kienu xtraw iċ-ċrieket, ħaduhom għand qassis u berikhomlhom.
Fl-1953, meta żżewġu Filippo u Filomena, iċ-ċerimonja taż-żwieġ kienet issir billi jagħtu l-kunsens. Dan għamluh fl-20 ta’ Settembru, billi marru fil-knisja ta’ San Bastjan, iż-żgħira f’Ħal Qormi. Il-kunsens tahulhom Dun Mikiel Balzan, li għamel 25 sena Kappillan ta’ Ħ’Attard u kien ħabib kbir ta’ Filippo.
Meta l-Kappillan Balzan ħa l-aħbar li ħabibu kien se jiżżewweġ, u aktarx li sar jaf min kien se jagħmlilhom xhieda, kien ħeġġeġ lill-għarus biex imur ikellem lill-Kappillan ta’ San Bastjan u jgħidlu bix-xewqa li jieħdu l-kunsens hemm, iżda jagħtihulhom hu (Dun Balzan). Filippo għamel kif qallu, għax il-Kappillan kien il-bniedem li għammdu, żewġu u mbagħad għammidlu ’l-ewwel żewġt itfal.
Għar-repo’ tat-tieġ ħadilhom ħsieb kollox missier Filippo. Ordnalhom ix-xorb u l-ħelu mingħand dulċier mill-Furjana u krielhom garaxx kbir il-Ħamrun bħala sala. Dak iż-żmien, is-swali ta’ llum ma kinux jinstabu. Kulħadd garaxx tal-karrozzi kien jikri.
Xhieda prominenti
Għal-libsa tat-tieġ, Filomena kienet xtrat id-drapp u ħitithielha ħajjata. U jiftakru sew li x-xhieda taż-żwieġ tagħhom kienu żewġ persunaġġi mill-aqwa – il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, George Borg Olivier u l-Avukat tal-Kuruna Joseph Reynauld.
Il-kunsens taż-żwieġ kienu tawh filgħaxija. Wara marru l-Ħamrun għar-ritratt, għand Cassar Photo Studio u minn hemm għas-sala. Kellhom madwar 400 ruħ mistiedna u kien hemm grupp tal-jazz li pprovda l-mużika għaż-żfin. Dak iż-żmien iż-żfin kien moda ħafna. Filippo jiftakar ukoll li l-kont tat-tieġ kien laħħaq dawra ta’ Lm400 – qisu Lm1 kull persuna, li għal dak iż-żmien, meta l-paga kienet ta’ xi Lm2 fil-ġimgħa, kienu flus!
Ħa;a li kienet għadha sseħħ f’ċerti rħulha Maltin, kienet li għall-ewwel lejla, l-għarusa tmur torqod f’dar il-ġenituri tagħha. Għalhekk, wara t-tieġ, Filomena u Filippo marru Ħal Qormi, fejn hu raqad fl-istess karma ma’ ħutha subien u Filomena raqdet ma’ ħutha bniet.
Ma kienx żgur qamar il-għasel, iżda l-użanzi antiki għandu jkollhom ir-rispett tagħhom ukoll. U ma jfissirx li għax ma kienx hemm qamar il-għasel kif nafuh illum, ħajjithom ma kinitx waħda normali. Anzi, meta jħarsu lura, kemm Filippo, kif ukoll Filomena, jistqarru li żmienhom kien isbaħ minn dan ta’ llum, għax il-ħajja kienet aktar trankwilla u kull tentazzjoni kienet għadha imbiegħda.
Wara dak il-lejl marru għall-quddiesa. Filomena semmiet li dari, minħabba t-tqarbin, ma kont tista’ tiekol xejn sa min-nofs il-lejl. Kien għalhekk li l-kunsens kien jingħata filgħaxija, biex wara jsir it-tieġ, li kien jintemm għall-ħabta tal-ħdax ta’ bil-lejl u l-għada jkunu jistgħu jattendu għall-quddiesa. Din semgħuha fil-parroċċa San Gejtanu, l-Ħamrun.
L-akkomodazzjoni
Biex isibu dar fejn imorru joqogħdu ma kellhomx problema. Missier Filippo tahom post minn tiegħu, iżda meta l-iben il-kbir mar joqgħod għalih waħdu u ż-żgħir, li żżewweġ għaxar snin wara Filippo, emigra lejn l-Awstralja, Filomena u Filippo kienu tal-fehma li lil missierhom ma jħalluhx waħdu. Għalhekk marru joqogħdu miegħu.
Ma kinitx xi ħaġa ġdida għal Filomena, peress li sa minn meta żżewġet, hi kienet il-mara fid-dar tal-familja kollha ta’ żewġha, peress li l-omm kienet mietet.
Filippo, li minkejja li għaddew aktar minn 60 sena minn fuqhom għadu jħossu miġbud sew lejn martu, jistqarr li mn’alla kienet hi għalihom, għax dar mingħajr l-omm, b’xi mod tistaġna. Kienet Filomena li mhux biss stinkat u reġgħet tat il-ħajja lid-dar, iżda kienet il-bniedma li awtomatikament saret qisha bint għal missier Filippo u oħt għal ħutu Karmnu u Leli.
Mingħajrha, jgħid Filippo, konna mmorru l-baħar. Filomena hi mara ta’ rispett kbir, tant li baqg[et tindokra u tikkura lil missieru sa ma miet, id-dar.
Hi wkoll għandha kliem ta’ rispett lejn il-kunjatu. Tg[ħid li kien jirreferi għaliha bħala ‘t-tifla’ u minħabba f’hekk, darba mar wieħed għandhom biex ikellem lil Vestru ħalli joħtobha. Vestru beda jidħaq, waqt li qallu li Filomena kienet il-mara ta’ ibnu Filippo.
Mas-snin kellhom tmint itfal, li llum huma lkoll miżżewġin. Joe u martu Margaret għandhom tlett itfal Kevin, Denise u Tyron, Helen, miżżewġa lil Salvu Schembri u għandhom lil Anna, li għandha żewġt itfal. Ġanni, miżżewweġ lil Joan u għandhom lil Jonathan, Marija, mart Salvu Abela, li għandhom erbat itfal, Darren, Keith, Stephanie u Elaine.
Warajhom twieled George, miżżewweġ lil Josephine u għandhom tlett itfal, George, Adrian u Marija; Nathaline, miżżewġa lil Mario Sant u għandhom tliet subien; Ryan, Eric u Clayton; Sylvester, miżżewweġ lil Therese u għandhom żewġt itfal; Karl u Nicholas. Imbagħad l-aħħar tarbija kienet Marika, miżżewġa lil Patrick Agius u għandhom tlett itfal; Martin, Matthew u Claire.
Nanniet ta’ 20
B’hekk, Filippo u Filomena huma nanniet ta’ 20 neputi u neputija u s’issa, bużnanniet ta’ tnejn. L-ewwel żewġt itfal tal-koppja Camilleri, Joe u George Alexander kellhom bħala parrina lil Alexandra Borg Olivier, mart il-Prim Ministru, u hu għalhekk li t-tieni tifel issemma’ George Alexander – għalih u għal martu.
Mistoqsijin x’differenza jaraw bejn it-trobbija ta’ uliedhom u t-trobbija ta’ llum il-koppja Camilleri qalet li din hi waħda kbira ħafna. Dari, il-ħin tal-ġabra u d-dħul id-dar kien xi ħaġa li ħadd ma jikkontestah. Illum, tfal ta’ 12-il sena, joħorġu mid-dar fl-istess ħin li huma kienu jinġabru, u ma jirritornawx qabel sbiħ l-għada. Terġa’ t-tfal ta’ llum jgħidulek mod u jagħmlu ieħor. Iżda f’dik li hi kumdita’ u skola, it-tfal ta’ llum ma jistgħux igorru.
F’għeluq il-25 sena żwieġ, Filippo u Filomena xtaqu jorganizzaw xi ħaġa familjari, iżda peress li missier ir-raġel kien marid, ipposponew. Għalhekk, organizzaw festin fid-dar tagħhom, f’għeluq it-35 sena, reġgħu fakkru ż-żwieġ meta għalqu 40 sena, imbagħad ta’ 50 u s’issa għamlu tal-60 sena wkoll.
Il-quddies li għamluh bħala tifkira taż-żwieġ tagħhom, qaddsuhulhom il-kappillani kollha li kien hemm f’Attard minn żmien Dun Mikiel Balzan ’l hawn.
Għall-mistoqsija fuq x’jaħsbu li żammhom magħqudin dan iż-żmien kollu flimkien – għomor ta’ bniedem – Filomena semmiet iċ-ċediment. Jekk wieħed jew waħda ma jċedux xi ftit lil xulxin, jaf jibda jinbet l-inkwiet.
Filippo jgħid li r-raġuni li l-koppji ta’ llum ma jdumux ma’ xulxin hi, li l-mara m’għadhiex bżonn ir-raġel. Dari l-mara kienet toqgħod id-dar. Illum, hawn ħafna każi fejn il-mara toħroġ taħdem u taqla’ flus aktar minn żewġha. Insibu wkoll nisa li ħadu karriera. U ma’ l-ewwel nuqqas minn żewġha jew ma’ l-ewwel diskors ta’ xi ħadd barrani li jgħidilha “kemm int ħelwa”, malajr taf tibdel it-triq li tkun daħlet għaliha bis-Sagrament taż-Żwieġ. Żiedu li l-bnedmin għandhom jitgħallmu mill-annimali tar-rix, bħall-papri, ħamiem u pappagalli, li bħala sieħeb ikollhom wieħed jew waħda, għal għomorhom kollu.
Finalment, il-koppja Camilleri taqbel li problema oħra li qed jiffaċċjaw l-għarajjes u l-miżżewġin friski hi l-abitazzjoni. Illum kulħadd irid jixtri d-dar fejn joqgħod u l-prezzijiet huma tant esaġerati li jridu jagħmlu għomorhom iħallsu.
Hu għalhekk li għal din il-koppja, iż-żmien imgħoddi tagħhom iqisuh bħala ż-żmien tad-deheb. Temmew jgħiduli li llum, sa minn tfal ċkejknin, għandna ġenerazzjoni li ma tafx xi trid. U dan iwassal biex jitilgħu ma jafux ifasslu sew u jitfarrku aktar tard.
Ħallieha ħabibu u stiednu jkellimha hu stess
Minn Charles B. Spiteri
Ta’ 18-il sena, wara x-xogħol, Felix kien iħobb imur sas-Civic Club tal-Ħamrun. Kien jilmaħ xbejba tgħaddi minn quddiemu, u li kienet toqgħod qrib tal-klabb. Kien jaf li kienet tkellem lil wieħed ħabib tiegħu, iżda wara ftit kien jaraha għaddejja weħidha.
Darba, dan ħabibu lemħu fil-bieb tal-klabb u stiednu jidħlu jilagħbu logħba biljard flimkien. Felix aċċetta u l-ħin kollu qagħad jistaqsih fuq it-tfajla li kien ikellem. Dak wieġbu li ma kinux għadhom flimkien, u li jekk ried ikellimha hu, seta’ jagħmel dan.
Allura reġa’ lemaħha għaddejja u bagħat lil tfajla oħra tgħidilha li kien hemm wieħed li xtaq ikellimha. Inez, li dik il-ħabta kellha 16-il sena, weġbitha ‘‘min irid in-nar ifittxu hu.’’ Il-kuġin ta’ Felix baqa’ jinkuraġġih imur ikellimha u fl-aħħar, għamel hekk. Minndakinhar ’il quddiem, innamraw, tgħarrsu, iżżewġu u baqgħu flimkien. Mhux hekk biss, talli Felix jistqarr li ma’ Inez, sab xorti.
Kienu żagħżugħ u xbejba mistħija, għax dak iż-żmien ma kienx hawn il-kunfidenza ta’ llum. Terġa’ Felix kien iż-żgħir minntlett itfal tal-familja Saliba u Inez, kienet iż-żgħira minnfamilja ta’ tmien aħwa ħajjin, għax fir-realta’ kienu ħmistax, iżda sebgħa mietu. Biex tagħqad, missierha miet meta hi kellha erba’ snin u nofs u għalhekk kellha dixxiplina stretta kemm minnommha, kif ukoll minnħuhom il-kbir Pawlu, li kien armat bħala parrukkier fi Triq il-Ġdida, il-Ħamrun.
Inez bdiet toħroġ bil-moħbi. Kienet tgħid lil oħtha miżżewġa biex tlibbes lit-tarbija li kellha, biex taparsi tmur dawra biha, jew taparsi tibgħatha tixtrilha xi ħaġa. Ma’ ħutha ftit akbar minnha kienet tmur tajjeb peress li kienet toħroġ bħala ‘għassiesa’ tagħhom meta huma kienu jinnamraw.
Iżda darba, xi ħadd mar qal lil ħuha Pawlu li kienet qed tkellem ġuvni. Pawlu min-naħa tiegħu mar qal lil ommhom u malajr saru jafu min kien il-ġuvnott. Iżda qabel, weħlet oħtha akbar minnha, għax flok ma żammitha magħha, ħallietha weħidha. Tant kien irrabja Pawlu, li spiċċa libbisha l-għatu tal-magna tal-ħjata Singer li kellha ommu.
Dixxiplina fid-dħul
Min-namur – li dam xi sentejn -għall-għerusija, li ħadet sentejn oħra, ftit kien hemm tibdil f’ħajjithom, għax il-ħruġ tagħhom kien ivarja minnpassiġġata fi Triq Irjali l-Belt, matul il-ġimgħa, u ħarġa sa Tas-Sliema, nhar ta’ Ħadd. U r-regoli kienu dejjem l-istess. Ħruġ għal xi s-sitta ta’ filgħaxija u dħul fit-tmienja u nofs. Iċ-ċinema ma marru qatt, għax Felix għadu sal-lum jobgħod jingħalaq f’kamra u jara filmat. Iżda l-ħarġa tal-Ħadd kienet ftit iebsa minħabba l-ħin ristrett. Inez tirrakkonta li kienu jmorru sax-Chalet, fejn kien ikun hemm iż-żfin, jidħlu jixorbu xi ħaġa, u wara ftit minuti jkollhom jitilqu biex jaqbdu l-karrozzi tal-linja għall-Ħamrun, u jaslu fil-ħin.
Felix jgħid li min-naħa tiegħu ma tantx kellu sikkatura bil-ħin, għalkemm mad-disgħa kien irid ikun id-dar. L-importanti li l-ġenituri kienu jkunu jafu fejn ikun. Għalhekk, meta beda jiltaqa’ ma’ Inez, qal lil ommu li kien sab xbejba minnwara l-knisja ta’ San Gejtanu. Hi qaltlu biss biex isib xbejba tal-affari tagħha.
Wara s-sentejn namur, Pawlu ħu Inez, qalilha li kienu ħadu wisq żmien gżan-namur, u ħeġġiġha tgħid lil Felix, li kien ikun jaqbel kieku jitgħarrsu. Felix ma kellux oġġezzjoni. Għalhekk xtraw iċ-ċrieket tal-għerusija, berkuhom u għamlu riċeviment ċkejken id-dar.
Jiftakru li fiż-żmien tar-rakkont il-flus fl-idejn kienu neqsin ħafna. Felix kien jaqla’ madwar Lm5 fil-ġimgħa, mix-xogħol ta’ stampatur man-nies. Inez, min-naħa tagħha kienet taħdem ukoll.
Piż tal-familja
Tirrakkonta li wara l-mewt ta’ missierha, il-piż tal-familja waqa’ kollu fuq ħuha l-kbir u fuq ommha. Għalhekk, ħutha kollha ħarġu jaħdmu sa minnmindu kellhom 12-il sena. Hi kienet bdiet taħdem ta’ 14. Tgħid li dak iż-żmien, is-sefturi kienu jorqdu għal ġimgħa sħiħa fid-dar tas-sinjuri u ommha kienet tmur ma’ ħutha Tas-Sliema, u tistenna li tarahom deħlin fid-djar rispettivi. Biex hi u ħutha kienu jistgħu ilaħħqu mas-sink u jaħslu l-platti, kienu jagħmlulhom banketti żgħar għal taħt saqajhom.
Il-flus kollha li kienu jaqilgħu l-aħwa Galea kienu jingħataw lil ommhom, u hi tqassam kif meħtieġ.
Wara li ħadu ċ-ċrieket tal-għerusija bdew ifittxu fejn setgħu jikru xi post. Sabu terran ċkejken fi Triq Lunzjata. Post, li kif tiftaħ il-bieb ta’ barra ma kienx fih antiporta, u l-ewwel kamra li ssib kienet il-kamra tas-sodda. Iżda ħaduh. Omm Inez għamlitilha d-dota kollha u għalhekk setgħu jaħsbu biex jiżżewġu.
Iż-żwieġ sar is-Sibt, 15 ta’ Awwissu, 1959, filgħaxija, fil-knisja parrokkjali San Gejtanu. Felix, li kien joqgħod fi Triq Brighella, kien jaf lil Ġorġ, li kien armat b’garaxx tal-karrozzi tal-kiri, u qabbad lilu. Dak qallu li ma tantx kien se jagħtih tul, għax kollox kien se jsir fi ftit kantunieri u fl-istess lokal. Kien kera tliet karrozzi, waħda għall-għarusa, oħra għalih u l-familja u oħra għax-xhieda.
Wara ż-żwieġ, kemm qasmu t-triq u daħlu l-istudju ta’ Blackman, fejn ħadu r-ritratt tal-okkażjoni. Minnhemm marru d-dar tal-familja ta’ Felix, fejn kellhom jistenniehom riċeviment żgħira għal tal-familja. Xi sagħtejn wara ż-żwieġ, Felix u Inez marru fit-terran tagħhom fejn bdew jaħdmu għall-ħajja miżżewġa u ta’ mħabba tagħhom.
L-ewwel tarbija
Maż-żmien twelditilhom l-ewwel tarbija – Marisa. Mat-twelid tagħha, Inez bdiet tinduna li t-terran li kellhom kien ċkejken iżżejjed, għax lanqas kellha fejn tagħmel il-karrozza (pram). Iżda ssemmi li permezz tat-talb li kienu jitolbu, malajr sabu post akbar sew fi Triq Abela, il-Ħamrun stess. Hemmhekk kellhom tlett itfal oħra; Joe, Arthur u Carmen. Illum it-tfal huma kollha miżżewġin. Marisa żżewġet lil Bruce, Skoċċiż, jgħixu barra u għandhom tlett itfal – Lora, Kyrie u Iona, Joe, miżżewweġ lil Lydia u għandhom tifel Terrence, Arthur miżżewweġ lil Diane u għandhom lil Mirayn u Corine u Carmen miżżewġa lil Paul Farrugia u għandhom tlett itfal, Kane Paul, Karyn u Kristina.
B’hekk, Felix u Inez huma nanniet ta’ disa’ neputijiet, u wkoll bużnanniet ta’ żewġt itfal min-neputija tagħhom Lora.
Mistoqsijin x’differenza jaraw bejn id-drawwiet u l-valur reliġjużi li trabbew fihom Felix u Inez għal dawk preżenti, it-tnejn qablu li m’għandhom x’jaqsmu xejn. L-ewwelnett huma kienu jattendu għal quddiesa kuljum, meta llum jafu, anki miċ-ċensiment li sar m’ilux, li bosta nies lanqas imorru l-quddiesa tal-Preċett ta’ nhar ta’ Ħadd. Barra minhekk, fi żmienhom mhux talli kienu jgħidu wkoll ir-rużarju kuljum, talli sa minn meta kienu joħorġu flimkien, kienu jidħlu fi knisja jagħmlu vista lil Ġesu’ Sagramentat u f’Ottubru, ix-xahar tar-Rużarju, kienu jgħidu wkoll ir-Rużarju fil-knisja. Illum, dawn il-valuri u drawwiet inqatgħu kważi għal kollox minn fost ħafna żgħażagħ.
Felix ikompli li r-raġuni għala kien ikun irid jidħol id-dar fid-disgħa ta’ filgħaxija kienet li missieru kien ikun irid jgħid ir-Rużarju mal-familja kollha.
It-taħsir tas-soċjetà
Bħala koppja, Felix u Inez jemmnu li t-taħsir tas-soċjetà tal-lum huma l-ħbieb. Jiftakru lill-ġenituri tagħhom iwissuhom biex ma jagħmluhiex ma’ dik jew ma’ dak u allura trabbew f’ċerta biża’. Illum, ħafna mill-ġenituri qajla jagħtu kas għar-rigward ta’ ma’ min jagħmluha uliedhom u meta jinqala’ xi ħaġa, ikun tard wisq.
Terġa’ dari, meta ġuvni u xebba jiddeċiedu li jiżżewġu, kienu jemmnu li dan is-Sagrament se joffrilhom tgawdija u sagrifiċċju. Iżda dak iż-żmien, il-pern ta’ ħajjithom kien idur fuq Alla u t-talb. Illum, ħafna żgħażagħ mhux talli ma jqisux lil Alla u t-talb, talli sa minn qabel iż-żwieġ, ikunu diġà qed jitkellmu fuq drittijiet aktar milli fuq dmirijiet, u meta jiġri hekk, kull sagrifiċċju mhux talli jitwarrab, talli lanqas biss ikun aċċettat.
Inez semmiet ukoll is-sens ta’ sagrifiċċju fiż-żminijiet antiki. Tgħid li meta kellha lill-erbat itfal, ma kinitx toħroġ bihom jekk hi jew xi ħadd minn uliedha ma kienx ikollu x’jilbes sew. Meta jiġri dan, kienet tagħmlilhom il-ħobż biż-żejt u t-tadam, ittellagħhom fuq il-bejt u taparsi jorganizzaw picnic. Mill-banda l-oħra, jekk joħorġu, kienu jmorru fil-ġonna San Anton, jixtru l-pastizzi u mbagħad jirritornaw id-dar.
Il-ħajja ma kinitx faċli. Żewġha Felix kien jagħmel part-time għax il-paga tiegħu kienet baxxa, Lm5 fil-ġimgħa. Kien joħroġ ukoll idoqq mal-baned. ġieli fis-sajf lanqas kien jara lil uliedu mqajmin. Iżda skont hu, dan hu s-sagrifiċċju li jitlob iż-żwieġ minn kull individwu. Barra minn dan kien iħobb jinnegozja xi għasfur jew kelb u Inez qalet li ġieli xtrat il-ħtiġiet tad-dar mill-qligħ tal-bejgħ ta’ dawn l-annimali.
Illum, il-koppji żgħażagħ jitwarrbu minn kull sagrifiċċju u d-divertiment sar jieħu post kollox, anki jekk jafu li tiddgħajjef l-għaqda matrimonjali. U dan xejn ma hu futur sabiħ għalihom u għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajhom.
Ħruġ għax-xogħol
Felix jirraġuna li hu minnu li llum, il-ġuvni u x-xebba joħorġu jaħdmu t-tnejn, għax il-prezzijiet tad-djar għolew. Iżda mbagħad insibu li jekk il-ġuvni għandu karrozza, ix-xebba trid li jkollha karrozza. U b’hekk jitkattru l-ispejjeż. Hemm l-ispejjeż tat-tieġ. Ħadd ma jasal jammetti li ma għandux flus. Allura jkomplu jżidu l-pjaga finanzjarja li jkollhom flok ma jiddeċiedu li jew inaqqsu l-ispejjeż tat-tieġ jew ma jagħmlu xejn. Jemmen ukoll li ż-żgħażagħ ta’ llum iridu jirrealizzaw li f’dak kollu li jkunu jinħtieġu, iridu jirrikorru lejn xi ħadd li hu aqwa minnhom. Għalhekk, it-talb hu l-aqwa għodda, li mhux biss toffri soluzzjoni iżda tgħinhom jaqbdu t-triq li twassalhom fejn jixtiequ.
Parir utli ta’ Felix u Inez lill-għarajjes futuri hu li ma għandhomx jaqtgħu qalbhom miż-żwieġ. Iridu jifhmu li meta jaċċettaw lil xulxin, għandhom jaraw li jibqgħu fil-kumpanija ta’ xulxin u mhux hu joħroġ għalih mal-ħbieb u hi tagħmel bħalu. Jemmnu wkoll li kull żwieġ jilħaq il-qofol tiegħu mat-twelid tal-ewwel tarbija, għax minn dak il-waqt il-koppja tinbidel u ssir familja.
Għall-15 ta’ Awissu li ġej, meta l-koppja Saliba tagħlaq 55 sena miżżewġa, diġa’ qed isiru l-pjani għal festa kbira organizzata minn uliedhom. Mhux talli binthom Marisa ġejja mill-Iskozja bil-familja kollha tagħha, inklużi t-tfal u t-tfal tat-tifla, talli ġejjin numru ta’ ħbieb tagħhom, li saru jafu lil Felix u Inez wara li dawn żaru ’l-Iskozja xi erba’ darbiet.
Passiġġata li diġà għaqqdithom għal 55 sena

Minn Charles B. Spiteri
Is-sens ta’ dixxiplina kien qawwi…illum, l-ambjent li t-tfal telgħin fih, qed itellagħhom mod ieħor
Fis-26 ta’ Jannar li għadda Dominic u martu Antonia Micallef mir-Rabat, għalqu 56 sena miżżewġin. Mill-ħames ulied li kellhom, illum għandhom tlieta, għax Joe miet żgħir fl-età ta’ jumejn u t-tqala l-oħra kienet miscarriage. Huma nanniet ta’ ħamest itfal miż-żwieġ ta’ binthom il-kbira Carmen. It-tifel, Mario, sar Patri tas-Soċjetà Missjunarju ta’ San Pawl, fejn hu Vigarju tal-MSSP f’Ruma u t-tifla ż-żgħira hi Sor Emma, soru Agostinjana f’Londra.
Dominic u Antonia t-tnejn twiedu r-Rabat għalkemm għexu fi djar bogħod minn xulxin. Jiftakru li kienu ltaqgħu flimkien fl-1953, meta kienu joħorġu għall-passiġġati ta’ wara l-ikel fl-inħawi tas-Seminarju Tal-Virtu, meta kien għadu qed jinbena t-Training College.
Dominic kellu 18-il sena u Antonia kienet ħames xhur akbar minnu. Kunjom xbubitha kien Borg.
In-namur fi żmienhom ma kien jixbah xejn lil tal-lum. Kienu jiltaqgħu darba fil-ġimgħa, ġeneralment bil-moħbi, iżda wara ċertu żmien qalu lill-ġenituri tagħhom. Omm Antonia, li kienet armla, ma oġġezzjonatx għall-pass ta’ bintha li tkellem lil Dominic bi ħsieb ta’ żwieġ, waqt li wara kollox, lanqas omm u missier Dominic ma ħassrulu. B’din il-barka u l-aċċettazzjoni tal-ġenituri, Dominic u Antonia saru għarajjes u baqgħu mexjin ’il quddiem.
Il-ħruġ tagħhom flimkien lanqas kien bħal tal-lum, joħorġu u jidħlu xħin ifettlilhom. U biex Antonia toħroġ ma’ Dominic kienet tkun trid tieħu lil oħtha magħha.
Il-ħarġiet b’oħt il-mara
Il-ħarġiet tagħhom kienu jkunu xi passiġġata nhar ta’ Ħadd, fil-kampanja. Barra ma kinux idumu wisq. Fis-7.00 p.m. jirritornaw id-dar. Kienu jitħallew ftit aktar meta kien ikollhom xi okkażjoni.
Il-ħidma ta’ Dominic, li kien wieħed minn għaxart itfal, li erbgħa minnhom mietu, minn dejjem kienet dik ta’ stampatur, waqt li Antonia, kienet taħdem bħala nissieġa ma’ ta’ Strickland, fi żmien Mrs de Trafford. Antonia bdiet taħdem minn eta’ żgħira biex tgħin lil ommha li kellha sebat itfal u romlot aktar qabel. Missierha miet bil-gwerra, meta hi kellha sitt snin u nofs. Hi kienet ir-raba’ wild tal-familja Borg.
Damu għarajjes sentejn, u għalkemm f’dawk is-snin, kienet problema kbira biex issib fejn tmur toqgħod. F’Malta kien għad hawn skarsezza kbira ta’ djar. Tant, li għall-ewwel sentejn tal-ħajja miżżewġa tagħhom, kellhom imorru joqogħdu l-Isla, għax hemm biss sabu fejn jikru.
It-tieġ tal-koppja Micallef ma kienx wieħed kbir. Kien tieġ bejn familjari u xi ħbieb. Iżżewġu fil-parroċċa San Pawl u l-festin għamluh fil-każin ta’ fuq il-Count Roger Band Club, għax ma kienx hawn swali.
Dominic jiftakar sew li dak iż-żmien ma kienx isir quddies fil-għaxija, għax dan daħal minn wara l-Konċilju. Għalhekk huma żżewġu filgħaxija, fil-Parroċċa San Pawl fejn għamlu r-rit taż-żwieġ u l-għada kellhom il-quddiesa fil-knisja ta’ San Duminku, fil-Grotta tal-Madonna tal-Għar. Kemm hu kif ukoll martu rrakkuntaw li r-riċeviment tat-tieġ kien sar filgħaxija stess, wara li għamlu r-rit taż-żwieġ.
Id-dehra tal-fotografu jiġri fis-sala biex jiġbed ir-ritratti kienet għadha xi ħaġa tal-futur. Biex ikollok ritratti tal-festin, ried ikollok lil xi ħadd tal-familja li jkollu camera tar-ritratti. U għar-ritratt jew tnejn tat-tieġ, il-koppja kien ikollha tmur fi studio. Huma għażlu lill-Express Studio ta’ Raħal Ġdid.
Allura biex jinġibdilhom ir-ritratt kienu jaqbdu karrozza mikrija u jmorru fl-istudio waqt li l-mistednin ikunu fis-sala għaddejjin bir-riċeviment. Ir-ritratti kienu black and white u l-kulur kien isir bl-idejn.
In-nuqqas tal-missier
Dakinhar tat-tieġ Antonia ħasset ħafna n-nuqqas ta’ missierha. Sa fuq l-artal wassalha ħuha l-kbir. Iżda mbagħad kollox mar sewwa.
Bi tbissima fuq fommha, Antonia rrakkuntatli li dak il-lejl tat-tieġ, hi u żewġha ma raqdux flimkien. Ir-raġuni għal dan kienet minħabba li kienu għadhom ma ċċelebrawx il-quddiesa flimkien. Għalhekk, biex jibdew il-ħajja miżżewġa, marru fid-dar il-ġdida tagħhom fl-Isla l-għada.
Illum, meta jsemmu dan l-aneddotu, in-neputijiet jidħqu bihom, iżda dak iż-żmien, id-drawwa hekk kienet. Il-ħajja bogħod mil-lokal fejn tkun twelidt, kienet diffiċli, kemm għal Dominic u wkoll għal martu Antonia, u biex jaraw lil tal-familja, kienu jitilgħu r-Rabat darba fil-ġimgħa.
Hekk kif iżżewġet, Antonia waqfet mix-xogħol. Setgħet kompliet kieku riedet, iżda żewġha kien tal-fehma li l-ewwel li kellha tiġi fil-ħajja ġdida tagħhom, kienet il-familja.
Wara sena u tliet xhur miż-żwieġ kellhom l-ewwel tarbija tagħhom. Illum il-ġurnata, Carmen, il-kbira, hi miżżewġa u għandha ħamest itfal. Il-kbira daħlitilha soru, tnejn oħra; wieħed bil-girlfriend u l-oħra bil-boyfriend u l-aħħar tnejn għadhom żgħar.
Bħala koppja miżżewġa, Dominic u Antonia dejjem rabbew lil uliedhom fil-biża’ ta’ Alla. Quddiesa u rużarju ma naqsu qatt. Nhar ta’ Ħadd, kienet drawwa tal-familja, li għall-quddiesa jmorru flimkien. Kienu jmorru l-Katidral, l-Imdina.
Iżda meta t-tfal tagħhom tfarfru, min kien ikollu s-servizz tal-qari jew tad-daqq u għalhekk kulħadd beda jattendi għal rasu.
Differenza fit-trobbija
Għal Antonia, id-differenza fit-trobbija bejn il-bieraħ u llum hi kbira mmens. Kultant issostni li ‘allaħares qed trabbi llum.’ Dan għax dari l-ulied kienu jobdu, għalkemm kienu mqarbin ukoll. Is-sens ta’ dixxiplina kien jinħass. Mhux għax illum il-ġenituri ma jagħmlux li jistgħu b’riżq it-trobbija tajba għal uliedhom , iżda l-koppja Micallef temmen li l-ambjent li t-tfal tal-lum telgħin fih, iġegħilhom jirreaġixxu mod ieħor. Per eżempju dari ma kienx ikun hemm dewmien barra mid-dar, iżda t-tfal tal-lum joħorġu fil-ħin, li dari, il-ġenituri tagħhom kien jidħlu lura mill-ħruġ tagħhom. Għalihom din hi ħaġa normali u ma jagħmluhx b’ħażen. Lanqas hemm età stabbilita għal meta t-tfal joħorġu mid-dar u jdumu barra sa tard bil-lejl.
Dominic jirrakkonta li sa ftit qabel ma ltaqa’ ma’ Antonia, il-logħob tagħhom kien ikun mat-tfal tal-ġirien, fit-triq tagħhom stess. Illum, il-logħob inqata’ u l-ħruġ sploda għall-etajiet kollha.
Antonia hi tal-fehma li r-rabta qawwija li għadha teżisti bejnha u bejn żewġha hi riżultat tat-talb, waqt li dik mat-tfal kienet tinqasam ukoll fil-logħob. Tistqarr li meta żewġha kien jirritorna mix-xogħol, fejn kien impjegat ma’ Chritien, kien ikompli jaħdem xi xogħol id-dar, iżda dejjem jagħmel mill-inqas siegħa logħob mat-tfal qabel jorqdu.
Dan ma jfissirx li ma kellhomx intoppi bħala koppja, għax l-inkwiet jinbet minn kullimkien, iżda jekk ikollok formazzjoni tajba, jirnexxilek tirbħu.
Hawn semmiet il-mewt li ġarrbu fi tnejn mill-ulied li kellhom, fejn għadha tħoss għafsa ta’ qalb għall-fatt li lanqas ritratt m’għandha tat-tarbija ż-żgħira li kellha. Dak iż-żmien ma kienx bħal-lum, fejn appena l-omm twelled, jitħalla jidħol fotografu jew il-missier stess, u jiġbdu ritratt lit-tarbija. B’dispjaċir iħossu li ma għandhomx, imqar ritratt tiegħu, iżda jħossuh magħhom waqt li jitolbuh.
Talb fil-familji
Il-koppja Micallef temmen li d-drawwa tat-talb fil-familji tidher li qed tonqos, forsi għax il-ħajja saret aktar mgħaġġla u materjali. Tħoss ukoll li t-tfal – u dan tarah min-neputijiet tagħha stess, saru jridu jgħaġġlu l-ħajja. Meta jmorru għand in-nannu u n-nanna, dawn jistaqsuhom ikunux qalu r-rużarju u meta t-tweġiba tkun fin-negattiv, jgħiduh magħhom. Iżda jgorru xi ftit ghax jgħidu li n-nanniet idumu.
Għar-rigward tal-ġlied bejn il-koppji tal-lum, Dominic jemmen li dan hu kaġun tan-nuqqas ta’ paċenzja li teżisti, fejn parti ma tittollerax lill-oħra. Ħadd mill-partijiet ma jrid jagħmel sagrifiċċji u dak li jridu jriduh malajr.
Antonia taqbel ferm ma’ żewġha u żżid li meta t-tfal kienu għadhom ċkejknin, biex setgħu jagħmlu kapriċċ, Dominic kien imur idoqq mal-Banda. ġieli dam sas-sagħtejn ta’ filgħodu u hi kienet tibqa’ d-dar bit-tfal u tistennieh imqajma sa ma jirritorna. Dan għaliha kien sagrifiċċju kbir, iżda kulħadd irid ikun imħejji jagħmlu, jekk wara u fil-futur ikun irid ftit tgawdija. Saħqet li għall-imħabba, irid ikun hemm it-tbatija. Imħabba bla tbatija, mhix imħabba.
Finalment, il-koppja Micallef temmen li llum il-libertà tat-tfal żdiedet immens u din qed tissarrfilhom ħażin ’il quddiem f’ħajjithom, meta jaraw li r-rabta taż-żwieġ ‘toħnoqhom’ xi ftit.
Bħala messaġġ lill-koppji żgħażagħ, Antonia tistedinhom jitolbu flimkien, jagħrfu lil Alla, jieħdu paċenzja b’xulxin u jindukraw sew lil uliedhom. Hi tal-fehma li l-ġenituri m’għandhom qatt jheddu lil uliedhom li jkeċċuhom mid-dar. Anzi, meta jkunu se joħorġu mqar għall-iskola, jħajruhom jgħidu Ave Marija lill-Madonna biex tieqaf magħhom għal dak il-jum.
Vista lil Ġesù
Min-naħa tiegħu Dominic iħeġġeġ lit-tfal japprezzaw u jistudjaw il-fehma tal-ġenituri, qabel ma jopponuha, għax dak li jgħidulhom il-ġenituri, minkejja l-mentalità differenti, hu żgur għall-ġid tagħhom. Jekk it-tfal jidraw jagħmlu hekk, isibu li meta jiżżewġu, jkunu kapaċi jifhmu aħjar lil marthom jew lil żwieġhom. Jemmen ukoll li tkun ħaġa tajba jekk meta l-koppja toħroġ flimkien, u tgħaddi minn quddiem knisja jew kappella, tidħol tagħmel vista ta’ ħames minuti lil Ġesù Sagramentat. Jaf li ħafna, inklużi qarrejja, jistgħu jiddieħqu bih, iżda kif qal hu – jekk xi ħadd mill-koppja tiltaqa’ ma’ xi habib fit-triq, xorta tieqaf u tkellmu għal mill-inqas ħames minuti. Allura Alla ma ħaqqux ftit ħsieb? !
Meta Dominic u Antonia għalqu 50 sena miżżewġin, iċċelebraw b’mod familjari quddiesa ta’ radd il-ħajr lil Alla, li għaliha ġew minn barra t-tifel il-Patri, li qaddsilhom u binthom is-Soru. Wara marru għal ikla fil-Point de View, ir-Rabat.
Warrab il-ħsieb u daħlet l-imħabba
Minn Charles B. Spiteri
Kienu żewġ dilettanti żgħażagħ tal-kant, membri tal-kumpanija teatrali Stardust, meta darba, wara l-kant tal-kor Va Pensiero mill-opra Nabucco ta’ Giuseppe Verdi, Ritchie, ta’ 22 sena u Connie ta’ sittax-il sena u nofs, ftiehmu li jibdew joħorġu flimkien; ħruġ li bdielhom it-triq għaż-żwieġ tagħhom. L-ewwel laqgħa tagħhom tmur lura għas-sajf tal-1953, fuq il-palk li twaqqaf proviżjonalment fl-Empire Stadium, il-Gżira; fuq il-lemin, fejn qabel kienet tibda l-Floriana side. Illum, li diġà għalqu 56 sena miżżewġin, għadhom jinku lil xulxin li kien il-Va Pensiero li ‘għamilhielhom’.
Connie, bint Mary u Paul hi l-iżgħar fil-familja ta’ 15-il-tifel u tifla li kien hemm fil-familja Schembri (fosthom oħtha Ġemma Portelli). Kienu joqogħdu fi Triq Imrabat, f’dar kbira, ħamra. Hi tirrakkonta li aċċettat mill-ewwel it-talba li għamlilha Ritchie biex jibdew ‘jinnamraw’ u dan għax kien diġà kellha grazzja miegħu sa minn meta ratu għar-rehearsals għand xi ħbieb tagħhom.
Ritchie kienu sitt aħwa fil-familja, iżda tifla mietet ta’ sentejn. Hu kien ir-raba’ wieħed. Ommu kien jisimha Dorothea u missieru Attilio. Kienu joqogħdu fi Triq il-Prinċep ta’ Wales, illum Triq Manwel Dimech, tas-Sliema.
Meta qablu li jibdew joħorġu flimkien, Connie mill-ewwel marret tgħid lil ommha, li kienet taf li bintha kellha grazzja miegħu minn qabel ma bdiet toħroġ miegħu. Ommha kellha rispett kbir lejh u għalhekk ma damx ma kien aċċettat id-dar.
Bla chaperone
Peress li ma kellhiex ħutha iżgħar minnha, Connie u Ritchie ma kinux joħorġu bix-chaperone. Madankollu, ommha kienet tesiġi li sat-8.30 p.m. ikunu d-dar. Għalhekk, kienu jaslu hemm ftit qabel u joqogħdu fil-kumpanija ta’ xuxlin taħt il-gallarija tad-dar. Iżda ommha kienet tixref fil-gallarija u ta’ spiss toqgħod tqaħqaħ.
Ritchie kien jgħid lil Connie li ommha għandha x-xerqa, iżda dak kien ikun is-sinjal li hi qed tara kulma jagħmlu. Allura, kif twarrab xi ftit, ‘jisirqu’ l-bewsa ta’ mħabbithom qabel ma Ritchie jerġa’ jirritorna lejn daru.
B’ton ċajtier, Ritchie jgħid li kienu jistgħu jlaqqmu lilhom infushom bħala ‘n-namrati tal-grada’, għax ladarba kienu jaslu hemm, kienu jitħallew xi ftit aktar mit-8.30 p.m., iparlaw u jiddiskutu r-reċtar u l-pjani tagħhom futuri.
Mary, omm Connie kienet mara ta’ dixxiplina ferm aktar minn żewġha, tant li Connie tirrakkonta li anki meta kienu żgħar, u tmur tqajjimhom għall-quddiesa ta’ kuljum, kienet titla’ bl-imgħarfa tal-injam f’idejha, biex tbeżżagħhom u jqumu bla lmenti. Kienu żminijiet oħra.
Min-naħa tiegħu, peress li Ritchie kien joqgħod qrib ix-xatt ta’ tas-Sliema, kien jattendi l-quddiesa ta’ kuljum fil-knisja tan-Nazzarenu, li fi żmien tfulitu, lanqas kienet għadha saret parroċċa. U l-valur reliġjuż tant intiseġ f’ħajtu, li għadu sal-lum ma jitlifx il-quddiesa ta’ kuljum.
Prietka tal-Milied
Fi żmien il-gwerra, meta l-familja ta’ Ritchie kienet refuġjata għal tliet snin fiż-Żurrieq, hu kien membru tal-MUSEUM. Jiftakar li dak iż-żmien, kien abbati u kienu qabbduh jagħmel il-prietka tal-Milied u ż-Żrieraq ħadu ftit għalihom billi ma kienx tifel mir-raħal. Għalhekk hu għamilha lejlet il-Milied u tifel ieħor Żurrieqi għamilha fil-Milied. Kien kitibha u għallimhielhom Mons. Professur Pietru Pawl Saydon.
Connie żżid tgħid li waqt li hi ilha xi snin tgħin fil-Fond Missjunarju (li binha kien il-fundatur tiegħu), żewġha Ritchie ilu fil-Leġjun ta’ Marija, aktar minn 55 sena. Tiftakar li għall-ewwel li bdew jinnamraw, kien qalilha li nhar ta’ Erbgħa ma setgħux joħorġu, għax kien ikollu l-laqgħa ta’ kull ġimgħa.
Il-ħruġ ta’ Ritchie u Connie kien ikun lejn l-inħawi tad-dar ta’ Connie. Kienu jinżlu n-‘niżla tal-kirxa’ u jiġu Balluta. Passiġġata u lura. Fis-sajf, Connie ġieli ppruvat taħbi l-malja, biex imorru jgħumu, iżda ommha ma kinitx tippermettilha tgħum miegħu jekk mhux fil-preżenza tagħha. Tiftakar li fis-sajf, il-kumpanija Stardust kienet torganizza private biex imorru jgħumu, u ommha, kienet tmur magħhom bilfors..
Meta jirritornaw id-dar, kienet tgħidilha biex darb’oħra ma tgħumx daqshekk viċin tan-namrat.
Għerusija ‘mħassra’
L-għerusija ta’ Ritchie u Connie kienet ippjanata li ssir fil-31 ta’ Marzu, 1957. Kellhom kollox lest, inklużi l-mistednin u r-riċeviment, iżda kellu jitħassar kollox. Ftit jiem qabel, omm Connie kienet malament u fil-fatt mietet dakinhar stess li kellha ssir l-għerusija.
L-għada, l-1 ta’ April, wara l-funeral, Patri Harry Born, li kien se jgħarrashom, baqa’ sejjer id-dar għandhom, sab lil Connie u qalilha: “Hux jien, il-bieraħ kont se nberkilkom iċ-ċrieket tal-għerusija. Mur isa ġibhom, ħa ngħarraskom issa.” U l-għerusija saret b’Connie liebsa l-fardal fil-kċina.
Imbagħad bdiet it-tfittxija għad-dar. Dak iż-żmien Ritchie kien jaħdem ma’ skrivan li kien se jemigra għall-Awstralja. Allura staqsieh setax jikri d-dar hu minfloku biex jiżżewweġ u dak qallu li se jistaqsi lis-sid. Is-sid aċċetta u b’hekk, Ritchie u Connie ma damux wisq ifittxu fejn se jmorru joqogħdu.
Ir-rabta ċoff issir għoqda
Ladarba kellhom id-dar mikrija, hejjew għall-jum li, b’daħqa, Ritchie jirreferi għalih bħala dak li minn rabta ċoff saret għoqda. Żewwiġhom Mons Ġużeppi Mifsud, il-kuġin ta’ missier Connie u mbagħad kellhom ir-riċeviment, tas-Sliema fil-Lukanda Imperial. Jiftakru li tilqagħhom fis-sala kellhom l-orkestra ta’ Oscar Lucas, magħmula minn tmien mużiċisti.
Wara t-tieġ, li kien filgħodu, twasslu l-Lukanda Phoenicia sas-7p.m. mnejn imbagħad marru għal qamar il-għasel ta’ 22 jum, fejn żaru Ruma, Napli, Capri u postijiet oħra fl-Italja.
Ftit qabel għeluq l-ewwel sena, lil Connie u Ritchie twelditilhom it-tifla l-kbira Patricia, illum miżżewġa lil Silvio Borg u għandhom żewġt itfal; Andrew u Deborah. Warajha kellhom lil Ian, miżżewweġ lil Rita, li għandhom żewġt itfal, Matthew u Mark. U wara ħames snin, Connie kellha lit-tifel iż-żgħir Paul, li għadu ġuvni.
Mistoqsijin jgħidu x’differenza jaraw bejn it-trobbija ta’ dari u dik tal-lum, Ritchie u Connie jaqblu li din hi waħda enormi. Isostnu li llum it-tfal iridu jonfqu kulma jkollhom. La jridu jġemmgħu, la jkollhom flus il-Bank u xejn. Anzi, jekk jafu li se jdaħħlu xi flus, jippjanaw minn qabel kif se jonfquhom. Din hi problema kbira, bħalma hi problema meta jiġu biex jiżżewġu u ma jsibux fejn jikru. Iridu tabilfors jixtru dar u jagħmlu għomorhom iħallsu djun kbar. Dan l-istress fuqhom, ħafna drabi jwassal għall-kollass tal-għaqda bejn il-miżżewġin.
Id-dover tal-omm
Ritchie jżid ukoll li meta mara miżżewġa jkollha tarbija, postha jkun magħha sa ma tikber sew. Igħid li hi ħaġa tajba li llum hawn il-maternity unpaid leave, iżda sena jew sentejn m’humiex biżżejjed. L-ewwel dover ta’ omm għandu jkun lejn uliedha u mhux lejn ix-xogħol barra mid-dar. Ritchie u Connie lanqas jaqblu li t-trabi jittieħdu għand in-nanniet biex irabbuhom huma. In-nanniet rabbew lil uliedhom – il-ġenituri tal-lum — u dawn għandhom irabbu lil tagħhom.
Jirraġunaw ukoll li r-reliġjon għandha tkun mgħallma aktar fit-tfal, biex jonqsu l-problemi li għandna, fosthom ta’ dawk imsejħa unmarried mothers, li sa minn 12-il sena, diġà qed isiru ommijiet. Mhux talli naqsu l-valuri nsara, talli, min qed jiżbalja qed isib għajnuna ma taqta’ xejn b’diversi modi..
Meta għalqu 25 sena żwieġ, Ritchie u Connie kellhom quddiesa ta’ ringrazzjament fl-istess knisja li żżewġu fiha, u wara organizzaw riċeviment għall-membri tal-familja u ħbieb f’St.Benild’s. Imbagħad, meta għalqu 50 sena miżżewġin, il-quddiesa ta’ ringrazzjament saret fil-knisja tal-Karmnu, fil-Balluta, iċċelebrata minn Patri Leonard Mahoney, li kien qaddsilhom ukoll fil-25 sena taż-żwieġ tagħhom. Binhom Ian, flimkien ma’ martu u uliedhom, daqqew u kantaw l-innijiet tul il-quddiesa. Wara kellhom ikla fil-Lukanda Le Meridien, il-Balluta.
Il-messaġġ li jagħtu lill-miżżewġin friski hu li għandhom jibżgħu għall-flus; isibu kemm jistgħu ħin biex ikunu fil-kumpanija ta’ xulxin u jwarrbu l-ħbiberiji u l-familjarità żejda, li jistgħu jwasslu għat-tifrik taż-żwieġ.
Toħroġ tixtri l-ħobż biex tiltaqa’ man-namrat
Minn Charles B. Spiteri
Ħamsa u ħamsin sena ilu n-namur ma kienx imħares b’lenti tajba min-nies tal-imgħoddi, tant li biex Helen kienet tiltaqa’ bil-ħarba għal ftit minuti ma’ Charles, kienet tirsisti biex tkun hi li tmur tixtri l-ħobż.
Charles Cassar hu l-kbir fost seba’ aħwa. Minn dejjem joqogħdu Birżebbuġa, waqt li Helen hi s-sitt tarbija mill-għaxra li kellha l-familja Berry. Għalkemm dejjem tiftakarha tgħix u toqgħod Birżebbuġa, tgħid li twieldet f’Birkirkara. Il-ġenituri tagħha kienu telgħu għall-festa tas-Salib, li tiġi ċċelebrata fit-3 ta’ Mejju, u twieldet hemmhekk. Tant hu hekk li tawha l-isem ta’ Helen.
Bid-dar, Charles u hi kienu joqogħdu qrib xulxin u l-ewwel darba li tefgħu għajnejhom fuq xulxin kien mill-knisja, peress li ta’ kuljum kienu jattendu għall-quddies. It-taħdit qasir tagħhom (jew taparsi namur) kien isir fit-triq qasira ferm li kien hemm bejn il-knisja u d-dar, u dan wara l-quddies, peress li dak iż-żmien l-irġiel kienu joqogħdu fuq naħa tal-knisja waqt li n-nisa n-naħa l-oħra. Dan kien meta Charles diġa’ kellu 18-il sena u Helen 17.
Il-ġenituri ma damux biex saru jafu bil-ġibda li kellhom uliedhom lejn xulxin u dan qaluhulhom huma stess.
“Taf tagħżilhom!”
Min-naħa tiegħu, Charles tarraf b’kollox lil ommu, u meta qalilha min kienet ix-xbejba, jiftakar li qaltlu “taf tagħżilhom!”
Imbagħad qalilha tagħti l-aħbar lil missieru u talabha tkellem lill-ħabiba tagħha, li kienet iz-zija ta’ Helen, ħalli tgħaddilu kelma tajba ma’ omm in-namrata tiegħu.
Omm Helen ma ħadithiex wisq bi kbira, peress li mid-dar kienu diġà ħarġu xi ulied oħra. Meta saru jafu bl-imħabba ta’ uliedhom, il-ġenituri tat-tnejn aċċettawha u tista’ tgħid li bdiet l-għerusija.
Fl-istess żmien, Charles kien diġa’ jaħdem it-Tarzna, iżda Helen kienet temmet l-iskola u baqgħet id-dar, għax missierha Ġużeppi kien raġel ta’ dixxiplina kbira u qatt ma ried li uliedu bniet, joħorġu jaħdmu. Kien jemmen li fid-dar tagħhom stess kien hemm biżżejjed xogħol xi jsir. U meta ommhom kienet tara li ma għandhiex xogħol xi tqabbadhom jagħmlu, sa kienet tagħtihom biċċa drapp u joqogħdu jselltuha. Dan biex dejjem ikollhom x’jagħmlu u ma jaqgħux la fl-għażż u lanqas fit-tentazzjoni – kif kienu jgħallmu tal-MUSEUM, fejn kienu jattendu kemm Charles kif ukoll Helen.
Helen issostni li llum temmen li missieha kien protettiv ħafna, u dan forsi għax f’Birżebbuġa kien hemm ħafna nies tas-Servizzi u seta’ beża’ minn dan l-aspett. Għar-rigward ta’ ommha taħseb li kienet influwenzata wkoll minn missierha, għax meta darba, Helen qaltilha li ma’ Charles xtaqet tattendi l-laqgħat ta’ Kana, weġbitha li hi qatt ma kienet marret korsijiet u xorta rabbiet u tellgħet familja kif kellu jkun.
Akkumpanjati
Charles u Helen jirrakkuntaw li tul l-għerusija tagħhom, li ħadet xi sentejn, rari kienu joħorġu mid-dar. Ġieli fis-Sajf kienu jmorru għal xi passiġġata max-xatt, iżda kien ikollhom jieħdu lil ħuthom magħhom. Meta mbagħad xi darba kienu jitħajru jmorru jaraw film, kien jakkumpanjahom missier Helen u jsegwi l-film magħhom. Ommha kienet tibqa’ d-dar tindokra lil uliedha l-oħra.
Filgħaxijiet, qabel jibda jidlam, missier Helen kien jgħid lil Charles biex jaħseb u jinġabar. Dan kien sinjal bil-pulit biex Charles jitlaq ħalli l-familja ta’ Helen tkun tista’ tibda tgħid ir-Rużarju.
Matul l-għerusija, u l-aktar nhar ta’ Sibt, Charles kellu d-drawwa li lill-għarusa tiegħu jixtrilha l-ħelu, apparti milli kienet l-għaxqa tiegħu ukoll li kull tant żmien jixtrilha kemm ħwejjeġ kif ukoll xi ħajta deheb. Jirrakkonta li darba, tal-ħanut kienet staqsietu hux tassew li kien daħal għarus, u meta qalilha li hekk kien, hi tatu xi ħelu żejjed, bla ħlas.
Għall-għerusija proprja, Charles u Helen xtraw iċ-ċrieket lil xulxin u ħaduhom il-knisja biex iberkuhom. Wara kellhom festin ċkejken bejn il-familjari.
Diffikultà fil-kiri
Charles jgħid li damu erba’ snin b’kollox, bejn namrati u għarajjes u dan għax ma setgħux isibu fejn imorru joqogħdu. Dak iż-żmien kien diffiċli ferm li koppja ssib tikri u jiftakru li marru jfittxu minn Raħal Ġdid sal-Isla u baqgħu neżlin anki Bormla. Fl-aħħar, meta kważi qatgħu qalbhom, sabu u aċċettaw li jikru kamra man-nies, fit-tielet sular, f’Bormla. Il-ferħ f’qalb l-għarajjes għall-fatt li sabu fejn joqogħdu, malajr tbiel wara li żżewġu u marru joqogħdu f’din il-kamra, għax f’dak l-ambjent Helen ma setgħetx tidra. Iżda malajr ħarġu minn hemm u sabu fejn jikru, Birżebbuġa stess. Kemm Helen kif ukoll żewġha huma tal-fehma li biex sabu kellhom l-għajnuna divina.
Għat-tieġ, Helen ingħatat id-dota kif kienet id-drawwa li tingħata lix-xebbiet kollha, l-aktar dawk li jkunu baqgħu d-dar. Charles jgħid li bħala rigal tat-tieġ, missieru kien tah xi flus biex jibdew bihom.
Il-Ħadd filgħodu tad-19 ta’ Ottubru, 1958, fil-Parroċċa San Pietru, Birżebbuġa, Charles u Helen taw il-kunsens taż-żwieġ tagħhom. Charles kellu 24 sena u Helen, 23. Żewwiġhom il-Kappillan Dun Ġużepp Minuti. Mill-knisja marru għand Agius tar-ritratti, li ġibdilhom ritratt tagħhom it-tnejn u ieħor max-xhieda u l-bridesmaids. Wara marru għar-riċeviment fl-Aussie Hall, Bir id-Deheb, fejn laqgħathom il-mużika ta’ banda minn Ħal Għaxaq.
Iżda Helen tirrakkonta li dakinhar tat-tieġ tagħha, numru ta’ zijiet, kuġini u familjari ma attendewx, u dan peress li fl-istess ġimgħa, apparti milli kien miet il-Papa, mititilha wkoll waħda miz-zijiet. Minħabba l-mewt tal-Papa, il-knisja, li kienet armata bl-iswed, kellha taqla’ d-drappijiet u t-tubru u tarma għaż-żwieġ tagħhom.
Tilfu l-quddiesa
Wara t-tieġ kienu marru għal qamar il-għasel, San Pawl il-Baħar, fil-Lukanda West End. L-għada filgħodu qamu bħas-soltu biex imorru għall-quddiesa fil-parroċċa tal-lokal, iżda meta niżlu isfel sabu li kienu msakkrin fil-lukanda. Aktarx li filgħaxija, is-sid tal-lukanda għalaq u telaq lejn id-dar. Lilhom ħalliehom fiż-żgur! Bi tbissima, Charles u Helen jgħidu li huma tal-fehma li dakinhar, huma biss kienu alloġġjati fil-lukanda. B’hekk tilfu l-quddiesa.
Għar-rigward tad-dixxiplina u l-valuri fit-tfal ta’ llum il-koppja Cassar temmen li naqsu. Iżda ma jistgħux jagħtu r-raġuni għal dan, għax huma jemmnu li l-ġenituri jgħadduhom kollha lil uliedhom u dawn, min-naħa tagħhom, jgħadduhom ukoll f’uliedhom. Jaħsbu iżda li t-tibdil beda jseħħ minħabba l-peer pressure. Kulħadd jipprova jikkopja u jimxi bħal ħaddieħor.
Jemmnu wkoll li llum, bil-ħtieġa li ħafna ommijiet joħorġu jaħdmu, qed jonqos għal kollox id-djalogu meħtieġ bejn il-ġenituri u t-tfal u viċi versa.
Tibdil fid-drawwiet
Charles u Helen jammettu wkoll li d-dinja tagħhom tbiddlet. Id-drawwiet u l-użani ta’ żmienhom ma jistgħux jibqgħu moda fiż-żminijiet ta’ issa. Madankollu ma tantx jifhmu kif il-maġġoranza taż-żgħażagħ tfittex li tiddeverti matul is-sigħat li suppost huma disinjati għall-irqad. Jiġifieri jaqblu li kulħadd għandu jkollu l-ħin għad-divertiment tiegħu – ħaġa li huma ma kellhomx fi żmienhom – iżda ċerta dixxiplina fil-ħin tar-ritorn u fil-kastita’ tax-xebbiet għandha tkun ukoll. Meta lil dak li jkun tħallilu r-riedni f’idejh, jispiċċa jagħmel li jrid, u ħafna mill-problemi moderni li qed naraw madwarna, bħal droga, separazzjonijiet, tqala qabel iż-żmien u tluq mid-dar tal-ġenituri, qegħdin iseħħu, kemm minħabba n-nuqqas tad-dixxiplina, kif ukoll minħabba n-nuqqas tal-preżenza ta’ Alla fil-bniedem.
Mistoqsijin jgħidu x’jaħsbu li kienet ir-riċetta għal aktar minn 50 sena żwieġ hieni u magħqud, il-koppja Cassar qalet li dan kollu jiddependi fuq kemm jgħinu lil xulxin f’kull aspett u meta jkun riesaq xi sħab ta’ maltemp, jiftakru fl-hena ta’ dak il-jum li rabathom flimkien. Jistqarru wkoll li sa llum huma baqgħu jattendu fl-għaqdiet tal-knisja. Helen tkompli li ilha 30 sena fl-Assistenza Soċjali tal-Azzjoni Kattolika u minn dawn l-għaqdiet, baqgħu jitgħallmu.
F’għeluq il-50 sena żwieġ, it-tfal organizzawlhom sorpriża. Ħaduhom fil-kappella Santa Marija f’Ħal Għargħur, fejn sabu lill-familjari u ħbieb jistennewhom. Hemm tqaddsitilhom quddiesa ta’ radd il-ħajr minn ħuha, Dun Ġużepp Berry u wara ttieħdu lkoll fil-Lukanda Radisson fejn kellhom ikla. Iżda dak jidher li ma kienx biżżejjed, għax Charles u Helen qatgħu l-biljetti għal uliedhom u ulied uliedhom u f’Awissu ħaduhom magħhom Lourdes bħala ringrazzjament lill-Madonna għall-50 sena żwieġ tagħhom. Kienu 14-il ruħ.
Telefonati minn Għawdex għall-Għassa tal-Pulizija biex ikellem lit-tfajla
Minn Charles B. Spiteri
In-natura tax-xogħol ta’ Anton Galea kienet il-fattur li laqqgħetu ma’ martu Mary. Anton hu minn Għawdex u rrakkuntali li beda jaħdem f’Malta bħala għalliem fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni, fil-15 ta’ Settembru tal-1954. Xi ħmistax qabel kien irċieva notifika li kienu se jibagħtuh fl-iskola primarja tal-Kalkara, fi Triq is-Sienja.
Ommu kienet sabitlu biex joqgħod f’appartament, il-belt Valletta. Jiftakar li l-iskola kien mar jaraha flimkien ma’ ommu, waqt li xi ħbieb kienu ssuġġerewlha lill-familja Agius, li kienet disposta li tilqgħu għandha għall-ikla ta’ nofsinhar, matul il-ġranet tal-iskola.
L-Għawdxin kien u joqogħdu ġimgħa sħiħa Malta, bla tgergir u bla ħajm. Skont Anton, ‘‘ma konniex imfissdin!’’ Il-Marfa kienu jistennew il-vapur, li kien bla għata għar-ras. F’każ ta’ maltemp mhux ħażin, il-vapur kien jaħdem minn San Pawl il-Baħar. Hemm ma kellux ma’ xiex jitrakka u allura kienu joħorġuhom għal fuqu bil-luzzu. Kien hemm drabi li kien ikollu jaħdimha mill-Belt. U dak iż-żmien, meta kien ikun maltemp jibla’ l-art, vjaġġ għal Għawdex kien jieħu tliet sigħat! Kien hemm xi waqtiet li l-vapur ma kienx jaħdem u għalhekk Anton kien ikollu jibqa’ Malta mal-Għawdxin l-oħra u għal tmiem il-ġimgħa jinsew lil Għawdex.
Anton jiftakar ukoll li kien t-Tnejn 6 ta’ Diċembru 1954, li wara li spiċċa mill-iskola, mar biex jilħaq il-karrozza tal-linja tal-4.05p.m. mill-Kalkara għall-Belt. Kif bdiet tiċċaqlaq, il-kunduttur ġibed l-attenzjoni tax-xufier biex jistenna lil tnejn li kienu ġejjin jiġru.
Fl-antik, ċerti karozzi tal-linja kont issibilhom seats faċċata ta’ xulxin. Kif telgħu dawn it-tnejn, mara u xbejba, intasbu quddiemu, u bla ma riedu ġew iħarsu lejn xulxin. Jgħid li kienet love at first sight.
Ma setax igawdi wisq il-kumpanija tagħhom, billi niżlu fl-istage ta’ Bormla, fi Pjazza Gavino Gulia. Immaġina li kienu sejrin għall-festa tal-Kunċizzjoni, billi kien jonqosha jumejn. Minn dak il-ħin stess dik ix-xbejba, kienet daħlet f’qalbu.
Kif wasal il-Belt, mar l-appartament f’Sappers Street. Ħalla ftit tal-ħin isir u telaq lejn Bormla, bil-ħsieb li jerġa’ jiltaqa’ max-xbejba. Tajjeb jingħad li Bormla kienet qed tiċċelebra l-festa bil-kbir, billi dakinhar kellu jsir l-għeluq tas-Sena Marjana.
Ma kellux diffikultà li jagħrafha, l-aktar għax kellha xagħarha b’nokkli twal sa fuq spallejha, iżda l-ġiri mal-marċ, fit-triqat, sfalu fix-xejn.
Ġimgħa wara, kif kien jippassiġġa max-Xatt tal-Kalkara, waqt il-ħin tal-break, jisma’ antiporta tinfetaħ hekk kif għadda minn quddiem id-dar numru 42. Ħares lura u lemaħ lill-istess xbejba li kien tefa’ għajnejh fuqha, fil-bieb. Għadda minn quddiemha u daħqu lil xulxin. Dak il-ħin f’qalbu qal: ‘‘Din għad tkun tiegħi.’’
Bil-ħuttab
Madankollu Anton ma kellux il-kuraġġ ikellimha. Għalhekk ftiehem mal-ħabib tiegħu Joe Grech, Għawdxi wkoll, biex jinżel Malta u jqabbadhielu. Joe accetta mill-ewwel.
Għażlu ġurnata u filgħaxija qagħdu jippassiġġaw minn quddiem darha biċ-ċans li jarawha. Ftit wara rawha nieżla mill-Mina tal-Kalkara u baqgħet sejra d-dar. Ħalliet l-antiporta miftuħa u bdiet tkanta l-Va Pensiero mal-pjanu.
Joe, bla ma qagħad jaħsibha, baqa’ dieħel fuqha u qalilha: ‘‘Hemm Anton barra, irid ikellmek.’’ U minn dakinhar, qabdu flimkien.
Fl-ewwel darba li ħarġu sar jaf li kien jisimha Mary Tabone. Kellha sittax-il sena, b’żewġ ħutha bniet akbar minnha, Rosette u Hilda. Kienet twieldet il-Birgu, iżda wara l-gwerra marru joqogħdu l-Kalkara. Kienet tattendi l-iskola St. Joseph ta’ Raħal Ġdid. Xi ġranet wara, billi kien wasal il-Milied, taha rigal żgħir: Flixkun fwieħa bi statwa ta’ Eros fuqu. Hi tatu arloġġ forma ta’ globu.
Ma damux wisq kwiet u ferħana, għax b’xi mod, ommu saret taf bix-xbejba. Hi xejn ma kienet ħadet gost bl-affari, billi ma kellha l-ebda ħjiel fuqha. Dlonk niżlet Malta u fetħet qalbha mal-familja Agius. Din qaltilha: ‘‘Hi… dawk ta’ Tabone jiġġu minna! Dik familja sewwa!’’
Ommu ħadet ir-ruħ, iżda xorta marret tistaqsi lill-Kappillan tal-Kalkara, Dun Karm Xuereb. Dan, fost ħafna affarijiet qalilha: ‘‘Mur moħħok mistrieħ, għax huma familja tajba u eżemplari.’’
Omm Mary ma ħadithiex tant bi kbira, iżda xorta fittxet parir mingħand il-konfessur tagħha, ċertu Patri Krispin, Kapuċċin, li kien iservi fil-knisja Santa Liberata, fil-Kalkara stess. Dan kien Għawdxi u kien jaf sew lill-familja ta’ Anton. ‘‘Ċettina,’’ qalilha. ‘‘Tassew li għadha żgħira. Ittellifulhiex… Kollox sew, oqgħod moħħok kwiet.’’ Minn hemmhekk ’il quddiem bdiet relazzjoni mill-aqwa bejn il-familji Galea u Tabone.
Telefonati fl-Għassa
Meta kien ikun Għawdex, kien iċempel fl-Għassa tal-Pulizija tal-Kalkara, li kienet tefgħa ta’ ġebla bogħod mid-dar ta’ Mary, u l-pulizija kienu jmorru jgħidulha tmur tkellmu. Min-naħa tagħha hi kienet iċċempillu għand il-ġirien.
Wara xi żmien, Mary stiednet lil Anton id-dar tagħha biex tlaqqgħu mal-familja tagħha. Missierha kien miet meta hi kellha seba’ snin u għal Anton din kienet iktar ħaġa formali, għax kien diġà ilu jkellimhom. Ommu, mill-banda l-oħra, stednitha d-dar tagħhom ukoll. Wara, Mary kienet ta’ spiss taqsam il-fliegu biex tgħaddi ġranet sħaħ għandhom, speċjalment fil-festi.
Min-naħa tagħha Mary tiftakar li l-ewwel darba li rifset l-art Għawdxija kien fi Frar tal-1955, meta marret ma’ oħta, is-sopran Hilda, għall-kunċert li kien sar fil-British Institute, illum iċ-Ċentru Laburista fir-Rabat, Għawdex. Fl-erba’ snin li Anton għamel Malta, hu u Mary kienu jiltaqgħu kuljum. Mary kellha l-ewwel xogħol tagħha bħala secretary shorthand typist ma’ Bernard’s il-Belt, u wara ma’ Surgeon Commander Coode, fl-isptar Bighi.
Il-passiġġati
Il-ħarġa tagħhom kienet tkun xi passiġġata max-xatt tal-Kalkara, xi mixja lejn l-Irnella jew il-Kapuċċini, jew jaraw xi film fil-Gem Cinema tar-raħal stess.
Mary tirrakkonta li f’April tal-1956 kienet marret Għawdex ma’ oħtha għall-prova mal-Banda Leone, billi kellha tkanta fl-Innu ta’ Santa Marija tas-surmast Cescimanno. Anton jiftakar li l-prova saret fis-sala tat-talkies Royal Theatre tal-istess soċjeta’ fi Triq l-Arċipriet Cassar, fir-Rabat, Għawdex. Billi hu kien tal-partit oppost, kien qisu ħuta barra mill-ilma. Kif rah hekk, is-Sur Ġużi Tabone daru fuqu u qallu: ‘‘Tħabbilx rasek tafx. Qis li tħossok at home!’’
Wara sentejn u nofs li kienu ilhom jafu lil xulxin bdew jaħsbu biex jiżżewġu. Anton kien wera x-xewqa li joqogħdu Għawdex, u hi aċċettat. Dak iż-żmien kien rari ferm li mara Maltija miżżewġa tmur tgħix Għawdex! Kienu sabu appartament fil-Fontana u krieh. Ommha, li ma kinitx taf bil-pass tagħhom, billi ma wrewhiex, bdiet ittektkilhom ħalli jikru f’Malta. Flimkien, marru jaraw xi djar, appartamenti u mezzanini fil-Birgu u fil-Kalkara. Anton dejjem ġabilha xi skuża, li jew l-ambjent ma jogħġbux, jew li t-triq dejqa wisq, jew id-dar mudlama u b’ħafna taraġ…
Diqa ta’ omm u San Ġorġ
Fl-aħħar qalilha li se joqogħdu Għawdex u li diġà krew. Ma kinitx kelma. Għaliha kienet qisha waslet l-aħħar tad-dinja u ma mititx dakinhar, għax Alla tal-ħniena. Kienet daret fuq bintha u b’diqa kbira bdiet ittennilha ‘‘Għandek qalb, wara li tlift lill-papà ta’ età żgħira, tinfired minni’’ Dak il-ħin Mary donnha ħasset bħal daqqa ta’ stallett f’qalbha.
Ħabat li dak iż-żmien Anton kien ikellem spiss lil San Ġorġ Preca. Kien ħa ħafna pariri mingħandu u dejjem mexxieh fit-triq it-tajba. Għalhekk qatagħha li jmur ikellmu l-Ħamrun. Dun Ġorġ kien qallu: ‘‘Tibżax, Mary tiġi toqgħod Għawdex. Il-mara għandha tmur fejn imur żewġha.’’ Dak li xtaq Anton, li kellu fiduċja għamja f’Dun Ġorġ.
Jitolbu minn hawn, iżommulha ftit minn hemm u jkellmuha bil-ħlewwa, fl-aħħar l-għarajjes ikkonvinċewha. Dak kien l-ikbar inkwiet li kellhom qabel iż-żwieġ.
Anton u Mary żżewġu l-Ħadd 7 ta’ Ġunju 1959. Għalkemm il-ġenituri ma setgħux jgħinuhom finanzjarjament, għenuhom bl-esperjenza tagħhom u tawhom il-barka qabel ma telqu mid-dar.
It-tieġ sar fil-parroċċa tal-Kalkara, li kienet ilha ħames snin ikkonsagrata. Qaddsilhom il-kappillan Dun Karm Xuereb. Missier Anton, ommu, ħutu, il-qraba u ħbieb Għawdxin qasmu lejn Malta kmieni filgħodu. Kienet l-aqwa ġurnata ta’ ħajjithom.
Ritratti tat-tieġ
Il-fotografu kien il-ħabib kbir tagħhom Joe Grech, u barra r-ritratti li ħadilhom fil-knisja wara ċ-ċerimonja, marru ħadu r-ritratt mal-familji tagħhom fl-istudju tiegħu f’Ħal Qormi. It-tieġ kien mimli kuntentizza u daħq, bla ebda tensjoni jew ansjeta’. Ir-riċeviment sar fil-każin tal-Banda San Ġorġ ta’ Bormla.
Wara tlett ijiem ta’ qamar il-għasel San Pawl il-Baħar, bdew il-ħajja ġdida tagħhom f’Għawdex. Filgħaxijiet, Anton kien imur iqatta’ xi ħin bħala bandist fil-każin tal-Banda La Stella. Kien jieħu lil martu miegħu biex ma toqgħodx weħidha d-dar.
Dakinhar mhux bħal-lum – li tidħol mara f’każin tal-Banda kienet stunatura kbira u ma kinitx tixraq lil mara miżżewġa. Fi tmiem il-ġimgħa baqgħu jiġu Malta, biex jaraw lill-familja ta’ Mary. Waqt it-tqala u wara, il-vjaġġi tagħhom lejn Malta naqsu konsiderevolment.
Sena wara kellhom lill-ewwel tarbija, John, u tliet snin u nofs wara żdied ieħor, Noel. Kienu kuntenti, u għalkemm Anton ma kellux xi paga kbira, kienu fl-aqwa żmien ta’ ħajjithom.
Il-koppja Galea tgħid li t-trobbija tal-ulied kienet ferm differenti minn tal-lum. It-tfal kienu mill-iskola għad-duttrina, imbagħad homework, ftit logħob jew televizjoni u rqad. Ftit li xejn kienu joħorġu matul il-ġimgħa.
Is-safar qatt ma daquh ħlief meta saru ġuvintur. Iżda fis-sajf ma kienx jonqos li jgħaddu ġimgħat sħaħ mal-familja ta’ Sunny, ħu Anton, fid-dar tal-Qbajjar. Mary żiedet li r-ritratti ta’ meta tfarfru uliedha, għadha ġġorrhom fil-locket li għandha ma’ għonqha.
Mary — solista
Mary baqgħet tħobb il-kant, u wara daħlitilha wkoll in-namra għall-palk. Għamlet ħafna operetti bħala solista fit-Teatru Astra u mal-kumpanija VDC fit-Teatru Manoel. Iżda l-aqwa sodisfazzjon tagħha kien meta binha John, ta’ 18-il sena, idderieġa l-Merry Widow fl-Astra u fil-Manoel, fl-1978, b’ommu Mary bħala s-solista.
Wara perijodu ta’ seba’ snin fl-iskola primarja tax-Xagħra, u erba’ snin fl-iskola Ta’ Sannat, Anton beda jgħallem l-Arti fl-iskola sekondarja tal-bniet, fir-Rabat, Għawdex. Mary wkoll għamlet xi snin tgħallem ix-shorthand fl-istess skola u fil-Liċeo. Anton temm l-aħħar 16-il sena mis-servizz ta’ għalliem bħala guidance teacher, u ħareġ bil-pensjoni qabel iż-żmien, fl-1994. F’dawn l-aħħar għoxrin sena nnamraw wisq mis-safar u darba jew tnejn fis-sena dejjem bewġu minn pajjiżna.
Il-passatemp ta’ Anton bħala pensjonant kien u għadu l-bini tal-presepju. Minn dejjem kien dilettant tiegħu, u tant baqa’ jħobbu li għad għandu l-pasturi li kien juża 65 sena ilu. Minn dakinhar sal-lum kompla jiġbor il-pasturi u llum għandu iktar minn elf tat-tafal, terrakotta, ġibs, kartapesta, injam, xema’, ċomb, ġebel u ħġieġ. Dawn huma ta’ mgħallmin Għawdxin, Maltin u oħrajn Ewropej.
Għal dawn l-aħħar 20 sena serva bħala Segretarju tal-Għaqda Ħbieb tal-Presepju Għawdex-Malta. Anton jgħid bla tlaqliq li miż-żwieġ sal-lum, hu u martu komplew bit-tradizzjoni tagħna l-Maltin li jibnu l-presepju fil-ġranet sbieħ tal-Milied. U uliedhom iddakkru minnhom.
Bużnanniet
Illum, uliedhom huma miżżewġin. John għandu l-mara Yvonne, b’żewġ ulied, Ħilda u George. Xi sena ilu, Mary, li llum għandha 70 sena u Anton b’erbgħa iktar, saru bużnanniet bit-twelid ta’ Kristen, iben Hilda u żewġha Brian. Noel, hu miżżewweġ lil Marcelline u għandhom tlett itfal: James, Stephanie u Claire.
Illum, wara 50 sena miżżewġin, Anton u Mary jirringrazzjaw lil Alla li żammhom tul dawn is-snin kollha qawwijin u sħaħ f’għaqda matrimonjali soda. Ma jgħidux li ħajjithom kienet dejjem ward u żahar. Problemi, diffikultajiet, inżul u tlajja’ kienu jinbtu ’l hemm u ’l hawn, iżda bi ftit jew ħafna sagrifiċċju, rikbu l-mewġ u qatt ma ħadhom il-kurrent.
Madankollu kemm Anton kif ukoll martu Mary jistqarru li l-familja Maltija qed tinbidel. Isostnu li ħafna jridu jgħixu l-fiary tales. Ir-rabta fil-miżżewġin qed ixxabba’ lil numru mhux żgħir! Jibża’ li l-midja qed tpitter il-lifestyles differenti mir-realta’. Huma konvinti li l-fattur ewlieni li qed iwassal għal dawn il-firdiet tal-lum hu li Alla twarrab minn ġo nofs il-familja miżżewġa… U mhux lakemm tgħaddi mingħajr l-għajnuna ta’ Alla.
Ippruvat tgħaddih biż-żmien u spiċċat iżżewġitu
Minn Charles B. Spiteri
Albert Cockram, li twieled Lixandra u ġie Malta mal-ġenituri tiegħu meta kellu erba’ snin u Connie Bongailas minn Ħaż-Żabbar, ilhom miżżewġin 57 sena f’Mejju. Qatt ma jafu li kellhom xi jgħidu bil-kbir, la fuqhom infushom, la fuq id-dar u lanqas fuq il-finanzi. Dan iżda, għax kif jgħidu huma, dejjem imxew mar-rieda ta’ Alla.
Iltaqgħu b’kumbinazzjoni waqt fiera fl-iskola ta’ Ħaż-Żabbar. Albert kien miftiehem li jmur ma’ ħbiebu ġuvintur, iżda meta ma ra lil ħadd fil-post fejn kellhom jiltaqgħu, telaq waħdu.
Connie, flimkien ma’ ħbiebha xebbiet, kienet hemm ukoll u peress li kienet tħobb tiċċajta, qalet lil ħbiebha li kienet se tgħaddi ż-żmien b’dak il-ġuvni waħdu. Kif għaddew minn quddiemu qaltlu: “Ara l-kuġin!” Albert induna li kienet qed tgħid għalih u waqaf. Kellimha, u minn dak il-ħin inġibed lejha.
Ħa numru f’lotterija – in-numru 5 – u rebaħ kelb taċ-ċaqquf, li tah lil Connie bħala rigal. Kelb li għadu għandhom sa llum u kontinwament ifakkarhom fl-ewwel laqgħa tagħhom.
Dan kollu ilu 54 sena. Connie kellha 16-il sena u kienet temmet l-iskola u Albert kellu 21 sena u kien jaħdem bħala kok tal-Uffiċjali, man-Navy.
Il-ħajja fl-antik kienet waħda rigoruża, speċjalment fejn jidħlu l-valuri Nsara. Connie tiftakar li l-aħwa kienu jqumu kmieni biex imorru għall-quddiesa tal-5.30a.m. u mhux darba u tnejn li Albert kien ikun Ħaż-Żabbar dak il-ħin stess, biex jiltaqa’ għal ftit minuti mal-maħbuba tiegħu. U maħbuba tassew għax jistqarru li tabilħaqq kienu maħluqin għal xulxin, tant li qatt ma jafu li tlewmu fiż-żmien kollu li ilhom miżżewġin.
Connie tistqarr li l-istess valuri li ħadet hi għaddiethom lit-tliet uliedha u sal-lum, hi u żewġha għadhom imorru jisimgħu quddiesa kuljum.
Jaħsbu f’xulxin
Għar-rigward ta’ Albert, Connie tirrakkonta li hi dejjem kienet tkun ħsiebha fih, sew meta kien man-Navy, kemm meta kien ikun Malta, u hu l-istess. Albert, min-naħa tiegħu dejjem emmen li jekk hu qed jaħdem għall-familja u jistinka kemm jiflaħ, martu kienet tkun qed taħdem ma’ uliedhom u dak kollu li kien meħtieġ għad-dar tagħhom. Tant telgħu f’imħabba safja, li jekk joħorġu, joħorġu flimkien u jekk ikollhom xi ħaġa tal-ikel, jaqsmuha bħal ‘aħwa’. Għadhom jifhmu u jgħinu lil xulxin f’kull ħaġa li jkunu se jagħmlu.
Damu namrati madwar sena, u meta l-ġenituri saru jafu bl-imħabba tagħhom, ma qalu xejn. Omm u missier Connie, mill-ewwel indunaw li Albert kien ġuvni serju u onest u għalhekk bierku mħabbithom. L-istess ġara mill-ġenituri ta’ Albert.
Ma kinux jiltaqgħu ta’ spiss, peress li Albert kien ikun imsiefer, iżda meta kienu jkunu ankrati x-xatt f’Malta u jitħallew jinżlu l-art, kien imur b’ġirja waħda jara lill-maħbuba tiegħu. Il-leave minn fuq il-vapur kien ikun ta’ nofs ta’ nhar kull jumejn!
Madankollu, missier Connie kien bniedem ta’ dixxiplina u la kien jippermetti li Connie ddum barra aktar minn ċertu ħin (8.30pm.) u lanqas kien iħalli lil Albert id-dar meta hu kien ikun xogħol filgħaxija. Għalhekk, kien itaptaplu fuq dahru u jgħidlu li kien ħiereġ. Dan kien ikun sinjal li Albert kellu joħroġ ukoll. Flimkien, kienu jmorru Bormla, fejn missier Connie kien jaħdem fil-generator station, u minn hemm Albert jaqbad il-karrozza tal-linja u jmur lejn Raħal Ġdid.
L-għerusija
L-għerusija tagħhom kienet waħda pjuttost sempliċi iżda normali għaż-żminijiet. Xtraw iċ-ċrieket, tawhom lil xulxin u għamlu xi ħaġa fid-dar stess, bejniethom.
Wara l-għerusija, li damet sena oħra, Albert ingħata xogħol fid-djar privati tal-uffiċjali tan-NATO. Dan ma kienx ikun xogħol permanenti, iżda peress li hu kien kok tal-uffiċjali u bħalu ma kienx hemm bosta, allura seta’ jserraħ rasu li l-ħidma tiegħu kienet aktar żgura.
Meta bdew jaħsbu li jiżżewġu bdew ifittxu fejn imorru joqogħdu. Flus fl-idejn ma tantx kien hawn u l-postijiet għall-kiri kienu ftit ukoll. Iżda rnexxielhom isibu appartament f’Bormla, b’ċens, bi Lm17 (€39.60) fis-sena, li ma kinux ftit.
It-tieġ ta’ Albert u Connie sar fit-18 ta’ Mejju, 1957 fil-Parroċċa Madonna tal-Grazzja, Ħaż-Żabbar. Qaddsilhom il-Kappillan Dun Ġużepp Zarb. Wara, il-miżżewġin friski, flimkien max-xhieda u l-bridesmaids, marru għand Agius tar-ritratti, Raħal Ġdid u ħadu r-ritratti tal-okkażjoni. Bħala riċeviment kien sar fid-dar tal-ġenituri tal-għarusa. Għalih kienu mistednin t-tmien ħutha, familjari u z-zijiet ta’ Albert.
Għal bosta, il-qamar il-għasel kien għadu fil-qamar, iżda sid il-garaxx li mingħandu krew il-karrozzi għat-tieġ, offrielhom li joħodhom dawra sas-Salina.
Wara għaxar xhur kellhom lill-ewwel tifel, Henry, illum miżżewweġ lil Polly u għandhom żewġt itfal, Shaun u Sara. F’għeluq it-tliet snin u tmien xhur marru joqogħdu Raħal Ġdid u kellhom lil Mario, illum miżżewweġ lil Ritlene u għandhom lil Alexia u Francesca. Tmien snin wara kellhom lil Maria Helena, jew kif hi aktar magħrufa Mariella. Din hi miżżewġa lil Winston Muscat u għandhom żewġt itfal, Brandon u Nicole.
B’hekk, Albert u Connie huma nanniet ta’ sitt neputijiet. Albert jirrakkonta li fl-1959 spiċċa min-Navy u beda jaħdem ma’ Fort Sea-Lord, Sir Gordon u Lady Hubbard, f’Villa Degiorgio, San Pawl tat-Tarġa.
Għax-xogħol bir-rota
Albert għadu jiftakar meta minn Bormla kien irid imur għax-xogħol, San Pawl tat-Tarġa permezz tar-rota. Min jaf kemm-il darba ġrew warajh il-klieb, li dari kienu jiżegħdu fit-toroq Maltin. Idum kemm idum — ġieli wkoll sas-siegħa ta’ filgħodu – kien isib lil Connie tistennieh, għax l-imħabba u l-mogħdrija ma kinux jippermettulha tidħol torqod qabel ma jirritorna d-dar.
Tard fl-1959, Albert xtara karrozza antika u kif jistqarr, spiċċa jaħdem għaliha. Hawn ukoll, ix-xogħol ta’ Albert ma kienx wieħed permanenti, iżda billi kien fitt f’xogħlu, kien ikollu rakkomandazzjoni wara oħra minn dawk li kienu jimpjegawh. Ħadem ma’ Ammiralli, kaptani, Commandos, tan-NATO u mal-British High Commission. Kien isajjar fi djar privati l-lunch parties, dinner parties, buffet suppers u cocktail parties. :ieli kellu cocktail parties għal madwar 350 ruħ.
Għal dak li jirrigwardaw valuri Nsara, Connie ssemmi li sa minn meta kienet żgħira kienet tattendi l-quddies kuljum tal-5.30 a.m. ma’ ħutha. Dawn il-valuri għaddiethom lit-tliet uliedha u sal-lum, hi u żewġha għadhom imorru jisimgħu quddiesa kuljum.
Meta jitkellmu fuq il-ħajja taż-żgħażagħ ta’ llum, il-koppja Cockram tgħid li llum m’hawnx rispett. Il-fatt li tara u tisma’ b’xebbiet u ġuvintur li joħorġu mal-ħbieb u ma jirritornawx qabel l-4.00a.m. juri li l-ulied m’għadhomx jimpurtahom mill-ġenituri tagħhom li jkunu qed jistennewhom id-dar. Jemmnu li dan kollu jibda billi minn żgħar, it-tfal imorru mill-iskola għad-dar u ma jsibu la lil ommhom u lanqas lil missierhom, għax dawn ikunu qegħdin xogħol. Allura, aktar ma jikbru, aktar isibu ruħhom liberi, u ladarba jidraw hekk, xejn ma jkun jista’ jwaqqafhom. Madankollu, il-koppja taf b’numru sabiħ ta’ żgħażagħ li għarfu sew l-iskop tal-ħajja u jaħdmu qatigħ b’riżq dak kollu li hu tajjeb u huma ġenerużi wkoll mal-anzjani.
Ħruġ tal-ġenituri
Terġa’ llum jeżistu ġenituri, li filgħaxijiet joħorġu jgawdu flimkien jew għal rashom, u ma jimpurtahom xejn minn uliedhom. B’hekk tinbet ukoll l-arroganza u tfal tali, jaslu jħassru lil dawk li jkollhom trobbija sew.
Albert u Connie jkomplu, li fi żmienhom, il-ħruġ kien isir biss meta jkunu jistgħu joħorġu flimkien. Connie, la qatt ħalliet lit-tfal warajha u lanqas ħalliethom ma’ ħaddieħor. Sakemm kibru, lanqas tiġijiet ma kienet tattendi minħabba fihom.
F’għeluq il-50 sena miż-żwieġ tagħhom, binthom Mariella flimkien ma’ ħutha s-subien Henry u Mario, organizzawlhom sorpriża kbira. Bdiet billi stiednu lil Patri Joe Vella, Kappillan tal-Parroċċa tal-Karmnu, tal-Fgura, fejn toqgħod il-koppja Cockram, li qaddsilhom fid-dar. Wara għamlulhom festin hemm ukoll u aktar tard ħaduhom għal weekend break f’lukanda lussuża.
Mitluba jgħidu x’jaħsbu li kien l-ingredjent prinċipali li żammhom magħqudin flimkien għal 52 sena, jemmnu li kien il-fatt li dejjem kienu joqogħdu jisimgħu u jbaxxu rashom għal xulxin. Ma jfittxux id-drittijiet bejniethom imma jaslu jagħdru wieħed lill-oħra. Barra minhekk, japprezzaw lil xulxin f’dak kollu li jwettqu u dejjem kienu qrib Alla. Dan, għax kif jgħidu, il-bniedem tad-demm u l-laħam, hu dgħajjef wisq biex iwettaq il-pjan ta’ Alla, waħdu.
Xewqa li jixtiquha sseħħ jekk kemm-il darba Alla jippermettilhom is-saħħa, hi li jerġgħu jżuru Lourdes.