Jien u z-ziju Dward

Iz-ziju Dward hu l-ixjeħ persuna fid-dar. Ġuvni. Mhux twil ħafna. Irqiq u kemxejn milwi. Wiċċu mixrub u b’mustaċċi puliti. Dejjem ikebbes il-pipa u dan l-aħħar tah jixtri l-pipi tal-ġibs tat-tliet soldi l-waħda mingħand Pintley. F’rasu ma għandux xagħar għajr ftit mad-dawra. Lili jħobbni ħafna.

Meta joħroġ barra dejjem bil-ġlekk, bil-bastun u bil-kappell. Ma joħroġx mingħajr ħaġa waħda minn dawn. Kif joħroġ fit-triq, idawwar il-bastun fl-arja mill-manku tiegħu. L-istess jagħmel meta jkun qed jaqsam it-triq.

Ma tantx iħobb jiekol, iżda l-inbid iħobbu wisq. Mingħand Ċikku tat-titotla jħobb jixtri r-rock cakes. Id-dar għandna qattusa, Tanaxja  u kelba, Funny. Dawn it-tnejn tiegħu. Meta jkun id-dar, jieħu flixkun inbid u tazza ħdejh u jintasab f’ras tal-mejda. Iqiegħed ukoll għatu tal-landa tal-kunserva b’rock cake  fuqu u joqgħod iqatta’ b’mus, jiekol u jixrob.

Il-qagħda mal-mejda wkoll differenti. Iħobb ipoġġi l-bastun immejjel bejn saqajh u jserraħ saqajh, fuq xulxin, fuqu. Kif jarawh hekk, Tanaxja u Funny jinxteħtu ħdejh jistennew sehemhom.

Għal ftit ħin filgħodu u ftit ieħor filgħaxija, iz-ziju Dward iħobb iżur lil Ċikku tat-titotla. Iż-żraben taz-ziju Dward, tal-moda. Jixtrihom mill-Belt. Għandu wieħed sabiħ ferm. Jogħġobni ħafna iżda jiġini kbir. Kollu kannella u l-wiċċ abjad qisu tal-canadindja. Iħobb jara ż-żraben indaf ħdejn is-sodda f’ringiela dritta qishom suldati. Mhux ta’ b’xejn jgħid li kien jaħdem magħhom bħala messaġġier. Għalih qabel kull ħaġa oħra — ir-Reġina.

Fit-terrazzin, li hu kbir ħafna għandu l-gallinari. F’wieħed, qisu l-arka ta’ Noe, li ħadmu z-ziju Willie, jżomm it-tiġieġ. Imbagħad mal-ġenb tal-bieb tat-terazzin sal-ħajt l-ieħor, f’tul ta’ madwar 13-il pied hawn qishom żewġ kmamar tal-injam, waħda fuq u oħra isfel. F’ta’ isfel iżomm il-fniek. Tahomli nieħu ħsiebhom jien. F’ta’ fuq, li tinfetaħ qisha b’bokkaport għandna l-ħamiem u l-bċieċen. Biex nitilgħu fil-kamra ta’ fuq, nużaw sellun tal-injam, li hu mimli ħmieġ tal-ħamiem.

Kultant inħobb nitla’ ninbex liz-ziju Dward f’din il-kamra għolja. Il-lum jinsab rieqed mal-ħamiem bil-pipa f’ħalqu. Jidher ferħan għax tweldulu l-bċieċen. Mal-ħajt kiteb bil-lapes kemm idumu biex ifaqqsu l-bajd.

Dejjem iqatta’ rqiq il-fdal tal-ikel biex jagħlef bih. Meta jlesti, joqgħod fuq kaxxa tal-injam tal-luminata, faċċata tax-xemx, u b’lenti ħoxna jqabbad it-tabakk tal-pipa. L-ewwel ma jitla’ qisu ħajta duħħan irqiq. Ġieli jgħidli nqiegħed idi u … aħħ! Ma nissaportix. Mhux darba u tnejn noħodlu l-lenti bil-moħbi u nqabbad il-karti tal-pitazzi. Tgħidx kemm jirrabja!

Fil-ġlekk dejjem iżomm domna kbira ta’ Santu Wistin flok kuruna. Fl-aħħar kamra tad-dar, qabel dik tad-WC għandu armarju. Fih iżomm fliexken tax-xorb u karti. Jgħidli li huma dokumenti. Fihom ħafna kitba u fuq nett arma. Imbagħad borża li fiha malja tax-xagħar maħduma b’mod sabiħ. Dejjem jgħidli li dak kien xagħru. Fuq il-borża hemm id-data….. Għandu wkoll bosta kotba taċ-ċarruta b’ritratti ta’ annimali tal-kulur. “Tihomli zi”, inħobb intennilu. Inewwilhomli biex narahom u jerġa’ joħodhomli. Min jaf xi darba jagħtihomlix għal kollox!

Illum dieħel il-Belt u se joħodni miegħu. Minn Triq it-Teatru l-Qadim, fejn hemm nies ibigħu bil-karettuni, jixtrili flokk abjad b’għonq tond aħmar, tgħidx kemm hu sabiħ. Fuq quddiem għandu stampa bil-kulur ta’ cowboy  bl-ingassa f’idu, fuq iż-żiemel. B’dan il-flokk nistħajjilni l-cowboy. Lil ħbiebi jogħġobhom ukoll dan il-flokk. Għalih, fl-istess jum qed jixtri żewġ fliexken forma ta’ għenieqed tal-għeneb. Dawn il-fliexken jinsabu fil-vetrina tal-Australia Bar, fl-istess triq. Qed jogħġbuh u se jixtrihom. Flixkun minnhom fih inbid abjad u l-ieħor bl-inbid aħmar. Kif naslu d-dar qed jagħmilhom fl-ogħla xkaffa tal-vetrina.

Meta nkun miegħu u naraw funeral għaddej, biż-żwiemel, nieqfu ngħidu talba u kif nispiċċawha jqabbilli: “Iwassluk il-bhejjem u tibqa’ hemm għal dejjem.” Għalhekk bl-imħatra min jgħidha l-ewwel, meta naraw funeral!

Awtur: Charles B.Spiteri