
It-Taj Mahal hu meqjus bħala l-iktar eżempju rikk tal-arkitettura tal-Mughal, stil li jikkombina l-elementi mill-istili arkitettoniċi Persjani, Ottomani u Islamiċi. Fl-1983, it-Taj Mahal kien dikjarat sit ta’ wirt dinji mill-UNESCO u meqjus bħala “il-ġojjell tal-arti Islamika u kapolavur ta’ wirt dinji meqjum universalment.”
Waqt li l-koppla tal-musulew magħmula minn irħam abjad hi l-aktar komponent familjari, it-Taj Mahal hu kumpless integrat ta’ bini. Il-bini beda madwar l-1632 u tlesta għall-ħabta tal-1653. Għal biex sar kienu mħaddma eluf ta’ artiġjani u nies tas-sengħa.
Il-bini tat-Taj Mahal ingħata lil bord ta’ periti taħt is-superviżjoni imperjali fosthom Abd ul-Karim Ma’mur Khan, Makramat Khan u Ustad Ahmad Lahauri, Persjan li hu meqjus bħala d-disinjatur prinċipali. Fl-1631, ix-Shah Jahan, imperatur waqt il-perijodu tal-imperu Mughal, li kien wieħed prosperu mmens, intlaqat minn niket kbir hekk kif it-tielet mara li kelu, Mumtaz Mahal, mietet wara li welldet lill-erbatax-il tarbija tagħhom, Gauhar Begum.
Talba ta’ moribonda
Waqt li kienet fl-afja tal-mewt, Mumtaz ħeġġet lil Shah Jahan jibnilha musulew b’tifkira, li kellu jkun l-isbaħ wieħed milli d-dinja qatt rat qabel. Ix-Shah wegħidha li x-xewqa tagħha kellha titwettaq u l-bini tat-Taj Mahal beda fl-1632, sena wara mewtha. Id-dwejjaq li waqa’ fih ix-Shah tixhed l-istorja ta’ mħabba li wasslet għall-ispirazzjoni tat-Taj Mahal. Il-musulew prinċipali tlesta fl-1648 u l-bini tal-madwar u l-ġnien, tlestew ħames snin wara. Ix-Shah Jahan innifsu ddeskriva t-Taj b’dawn il-kelmiet:

Jekk ħati jfittex kenn hawnhekk, Bħal wieħed maħfur, ikun meħlus mid-dnub.
Jekk midneb jidħol f’dan il-bini,
Dnubietu qodma jinħaslulu.
Id-dehra ta’ dan il-bini joħloq stagħġib ta’ diq;
U x-xemx u l-qamar ixerrdu d-dmugħ minn għajnejhom.
F’din id-dinja, dan l-edifiċċju sar;
Biex jixhed il-glorja tal-ħallieq.
L-ispirazzjoni speċifika għall-bini tat-Taj Mahal ġew mill-bini magħruf tad-dinastija Timurid u tal-Mughal, fosthom il-Gur-e-Amir (il-qabar ta’ Timur, il-proġenitur tad-dinastija Mughal, f’Samarkand), il-qabar Humayun, il-qabar Itmad-Ud-Daulah (kultant imsejjaħ tat-Tarbija Taj) u dak tax-Saha Jahan innifsu, il-Jama Masjid f’Delhi. Waqt li l-binjiet Mughal ta’ qabel kienu jsiru minn ġebel aħmar, Shah Jahan ippromwova l-użu ta’ rħam abjad intarsjat b’ħaġar semi prezzjuż, u l-bini taħt il-patrunaġġ tiegħu laħqu livelli ġodda ta’ rfinar.
Il-qabar
L-attenzjoni ċentrali tal-kumpless hu l-qabar. Din l-istruttura kbira, magħmula minn irħam abjad, jinsab wieqaf fuq plinta kwadra u tikkonsisti f’bini simetriku b’iwan (speċi ta’ bieb forma ta’arkata) li fuqu hemm kampnar kbir b’turretta tar-ram maħsula bil-bronż (finial). Bħal ħafna mill-oqbra tal-Mughal, l-elementi bażiċi għandhom l-oriġini tagħhom Persjani. Il-kampnar tal-irħam li jgħatti l-qabar hu l-aktar fattur spettakulari. Hu għoli madwar 35 metru, kważi l-istess għoli tal-bażi u jaċċentwa aktar peress li jistrieħ fuq drum tond ta’ madwar seba’ metri għoli. Minħabba l-għamla tal-kampnar ġieli ssir referenza għalih bħala l-kampnar ‘basla’ jew amrud. L-istess għamla tal-kampnar hi enfasizzata minn erba’ kampnari oħra iżgħar chattris, li jinsabu fl-erba’ kanturnieri, li jirreplikaw l-għamla ta’ basla tal-kampnar prinċipali.
Il-finial oriġinali kien magħmul tad-deheb iżda nbidel b’kopja maħsula bil-bronż fil-bidu tas-seklu 19. Dan l-oġġett jagħti eżempju ċar tal-integrazzjoni tal-elementi dekorattivi tardizzjonali, Persjani u Hindu. Fil-quċċata tal-finial hemm qamar, motiv tipiku Islamiku, li l-ponot tiegħu jippuntaw lejn il-ġenna.
Il-minareti, li huma twal aktar minn 40 metru, juru l-ħila enormi tad-disinjatur għas-simetrija. Kienu disinjati bħala minareti li jagħtu sehemhom – element tradizzjonali tal-moskej, intużati mill-muezzin biex isejħu lill-fidili Islamiċi għat-talb.
Id-dekorazzjonijiet

Id-dekorazzjonijiet tat-Taj Mahal fuq barra, huma fost l-iktar fini li jinstabu fl-arkitettura Mughal. Hekk kif il-firxa tal-art tinbidel, id-dekorazzjonijiet jidhru rfinuti b’mod proporzjonali. L-elementi dekorattivi nħolqu billi ntużat iż-żebgħa, l-istucco, l-intarsjar fil-ġebel u l-iskultura. U peress li l-Islam jipprojbixxi l-użu ta’ tpinġijiet ta’ annimali, l-elementi dekorattivi jistgħu jinġabru fil-kaligrafija, f’forom astratti jew f’disinji vegetattivi.
Iżda mal-kumpless kollu tat-Taj Mahal, bħala elementi dekorattivi, intużaw passaġġi mill-Qur’an. Xi wħud huma tal-fehma li s-suġġetti tal-passaġġi ntgħażlu minn Amanat Khan u jirreferu għat-temi ta’ ġudizzju. Il-kaligrafija fuq il-grada l-kbira taqra hekk: “O Ruħ, int tinsab mistrieħa. Mur lura għand is-Sid f’ paċi Miegħu, u hu jkun paċi miegħek”. Fil-ġnieb tal-qabar hemm skolpiti f’bas reliev, fjuri u dwieli. Dawn ġew illustrat b’mod li jenfasizzaw sew l-iskultura tagħhom.

Il-kamra ta’ ġewwa tat-Taj Mahal hi bogħod mill-elementi dekorattivi tradizzjonali. Hawn, l-intarsjar mhux tal-pietra dura, iżda ħaġar prezzjuż u semi prezzjuż. Il-forma tagħha hi ta’ ottagonu, biex tidħol mnejn tidħol tara l-istess dehra, għalkemm bieb wieħed biss jintuża. Il-ħitan huma għoljin madwar 25 metru u fuqhom jistrieħ kampnar ‘falz’ b’motif tax-xemx. It-tradizzjoni Musulmana ma tippermettix dekorazzjoni elaborata fuq l-oqbra. Għalhekk Mumtaz u Shah Jahan jinsabu midfunin fi kripta relattivament sempliċi, b’wiċċhom iħares lejn il-lemin, u lejn il-Mecca.
Tliet ħitan
Il-kumpless Taj Mahal hu magħluq minn tliet naħat b’ġebel aħmar, waqt li fuq ix-xellug, fejn hemm ix-xmara, baqa’ miftuħ. Barra l-ħitan hemm bosta musulej oħra, li jinkludu dawk tan-nisa l-oħra li kellu x-Shah, u qabar ikbar għas-seftur favorit li kellha Mumtaz.

Id-daħla prinċipali (darwaza) hi struttura monumentali mibnija primarjament mill-irħam, li hu reminixxenti tal-arkitettura Mughal tal-imperaturi tal-bidu. Hi mimlija bas reliev, u dekorazzjonijiet intarsjati tal-pietra dura b’motifi florali.
Biex kiseb l-art fejn inbena t-Taj Mahal, ix-Shah Jahan ta palazz kbir fiċ-ċentru ta’ Agra lil Maharajah Jai Singh. L-art, ta’ madwar tliet acres kienet skavata, mimlija bl-iskart biex tinxef u ġiet livellata f’50 metru ’l fuq minn xatt ix-xmara. Fejn hemm l-oqbra , tħaffru l-bjar u mtlew bil-ġebel u l-mazkan biex jiffurmaw il-qiegħ tal-qabar.
Leġġenda
Skond leġġenda jingħad, li kienet inbniet rampa ta’ 15-il kilometru biex jiġi trasportat l-irħam u l-materjali għall-bini tas-sit, u gruppi ta’ għoxrin u tletin ġendus ġibdu l-blokki fuq vaguni li nbnew b’mod speċjali. Inħadmet ukoll sistema elaborata ta’ tarjola, biex permezz tagħha jittellgħu il-blokki fil-pożizzjoni mixtieqa. L-ilma kien jittella’ mix-xmara permezz ta’ makkinarju mimli bi bramel, li jtella’ l-ilma f’tankijiet kbar u minn hemm jitqassam mal-kumpless. Biex l-ilma jitla’ fit-tankijiet, kienu jintużaw ukoll l-annimali.
Il-plinta tal-qabar ħadet madwar 12-il sena biex tlestiet. Il-partijiet l-oħra ħadu għaxar snin oħra. L-ispiża totali dak iż-żmien kienet stmata f’madwar 32 miljun rupee, li llum jissarrfu fi triljuni ta’ dollari.
Biex inbena t-Taj Mahal intużaw materjali mill-Indja u l-Asja kollha u ’l fuq minn 1,000 iljunfant intużaw biex jittrasportaw dan il-materjal. Il-ħaddiema għal dan il-proġett kienu jlaħħqu għal madwar 20,000 u nġabru min-naħa ta’ fuq tal-Indja.
Imneħħi minn ibnu
Hekk kif tlesta t-Taj Mahal, Shah Jahan tneħħa mill-poter minn ibnu, Aurangzeb, u tqiegħed taħt arrest f’dar qrib il-Forti Agra. Meta x-Shah Jahan miet, Aurangzeb difnu fil-musulew qrib martu.

Lejn tmiem is-seklu 19, partijiet mill-bini ġarrbu ħsarat li ma setgħux ikunu irranġati. Imbagħad, matul l-irvell Indjan tal-1857, it-Taj Mahal safa misruq mis-suldati Ingliżi u uffiċjali tal-gvern, li ħaffru biex qalgħu l-ħaġar prezzjux u l-lais lazuli minn mill-ħitan tiegħu. Iżda l-Viċire Ingliż, Lord Curzon ordna restawr massiv, li tlesta fl-1908. Hu ikkummissjona wkoll lampa kbira fil-kamra ta’ ġewwa, fuq mudell ta’ oħra li kien hemm f’moskea fil-Kajr. Fl-istess żmien, il-ġnien ġie rimudellat fi stil Ingliż – ħaġa li għadha hekk sal-lum.
Fl-1942, il-gvern waqqaf scaffolding għax beża minn xi attakk mill-ajru mill-Luftwaffe :ermaniżi u wara mill-Forzi tal-Ajru :appuniżi. Waqt il-gwerer tal-1965 u l-1971 bejn l-Indja u l-Pakistan, l-iscaffoldings reġgħu nbnew biex iqarrqu bil-piloti tal-bombers. Iżda theddid ieħor kien dak mit-tinġis ambjentali mix-xmara Yamuna u l-acid rain minħabba r-raffinerija taż-żejt ta’ Mathura. Dan it-tinġis qed jaqleb il-lewn abjad oriġinali tat-Taj Mahal, f’isfar.
It-Taj Mahal jiġbed lejh bejn żewġ u erba’ miljun viżitatur fis-sena, b’aktar minn 200,000 ikunu turisti.