Charmaine Tanti M.A.
Il-portmoni tan-nanna Marija kien għosfor. Fittex u ġib lil min ifittex, imma kien kollu għalxejn. In-nanna kienet għoddha tilfet rasha, għax dak il-portmoni ma kienx fih biss flus, iżda anki l-karta tal-identità, il-Kartanzjan u xi karti oħra importanti. Ħaditha bl-ikrah man-nannu Ġużi għax bdiet twaħħal fih li kien ħadhulha biex jonfoq xi ftit flus f’te u żewġ pastizzi l-każin. Iżda hu kien ilu x-xhur ma jersaq ‘l hemm, jekk mhux ukoll is-snin. Wara ħafna battibekki, in-nanna emmnitu li ma kienx messilha l-portmoni, għax wara kollox in-nannu dejjem kien iħallihulha f’postu, fejn l-armarju tal-kċina, meta kien jeħdilha xi flus minnu. Mela fejn seta’ mar il-portmoni? Tgħid kien rabba s-saqajn f’daqqa waħda?
Moħħ in-nanna kompla jdur bħal raddiena. Bejnha u bejn ruħha fettlilha li Elise, Luca u Peter setgħu ħadulha l-portmoni biex jixtru xi ħaġa bil-moħbi ta’ kulħadd. Il-mamà u l-papà qallbu kull rokna tad-dar u saħansitra fittxu fil-karozzi tagħhom ukoll, iżda ebda portmoni mhux tagħhom ma ġie f’idejhom. In-nanna dlonk indunat li kienet żbaljat meta ħasbet ħażin fihom. In-neputijiet tagħha kienu fuq ruħhom kemm trid, imma żgur li qatt ma kienu se jaslu biex jisirqulha l-flus, daqskemm kienu tfal bil-għaqal.
Billejl in-nanna ma setgħetx tagħlaq għajn m’għajn. Kompliet thewden dejjem aktar forsi xi darba ssib tarf din il-biċċa tal-portmoni, li dakinhar filgħodu kienet ħaditu magħha għax-xiri u mbagħad ma ratux iżjed. Tgħid kien seraqhulha xi ħadd? Tgħid kien waqgħalha barra t-triq? Tgħid tmur sal-għassa tal-pulizija għall-għajnuna la jisbaħ? In-nanna bdiet iddur u titqalleb f’sodditha b’moħħha jitqal bil-ħsibijiet misterjużi. Marret għajnha biha meta qabad ibexbex, iżda kif daqqu s-sebgħa qamet u libset f’ħakka t’għajn biex tfittex tmur tixtri l-ħobż u l-ħalib qabel ma jqum in-nannu Ġużi. Qabel ħarġet ħadet xi ħaġa tal-flus mill-kexxun tal-gradenza u tefgħethom fil-but tal-ġakketta flimkien maċ-ċavetta tad-dar, billi ma kellhiex portmoni ieħor fejn tpoġġihom.
Lanqas laħaq lemaħha Raymond fil-bieb tal-ħanut tiegħu li ma staqsihiex jekk kinitx taf ta’ min kien il-portmoni kbir u aħmar li kien ħalla xi ħadd warajh għandu l-jum ta’ qabel. Qalb in-nanna għamlet tikk u dlonk ġiet f’sensiha. Mela l-portmoni kienet insietu warajha għand tal-merċa u lanqas biss intebħet! Lanqas ħaqq kemm ħabblet moħħha bil-ħsibijiet biex imbagħad sabitu hemm, ħelu ħelu! Dlonk ftakret li l-ġurnata ta’ qabel kienet għamlet xirja mdaqqsa mingħand Raymond, u wara li ħallsitu tagħha, il-portmoni kienet telqitu fejn il-cash register sakemm ġabret l-affarijiet kollha fil-basket, u mbagħad baqgħet ħierġa ‘l barra mill-ħanut mingħajru. Lil Raymond qaltlu li dak il-portmoni kien tagħha u talbitu jagħtihulha. Ħassitha ferħana se ttir u wiċċha reġa’ ħa r-ruħ malli qabditu f’idejha, u ħaditu magħha lejn id-dar. Kollox kien għadu fejn kien, u ħadd ma kien serqilha jew ċaqalqilha xi ħaġa minnu. In-nannu Ġużi, il-mamà, il-papà u n-neputijiet tgħidx kemm ħadu gost li l-portmoni kien, fl-aħħar, instab! Għalkemm wara dik il-kedda n-nanna spiċċat bi wġigħ ta’ ras qawwi, issa setgħet isserraħ moħħha darba għal dejjem u ma tkomplix tinkwieta lejl u nhar, għax l-inkwiet mhu tajjeb għal ħadd, aħseb u ara għal min hu tal-età tagħha!