
In-nannu Karm ukoll iħobbni, iżda ħej kemm jgħajjat! Allaħares tagħmel xi ħaġa bil-maqlub ta’ li jgħidlek. Madankollu ma jidgħix. Iħobb il-Knisja u fil-kamra tas-sodda għandna mudell ta’ knisja li għamel hu. Tgħidx kemm hu sabiħ. Ftit ilu nkisret il-ħġieġa ta’ quddiem u minn fuq siġġu noqgħod nilgħab bil-gandlieri u l-kalċi. Taħt l-artal hemm statwa ta’ bambin mejjet. Ġieli nneħħiħ minn postu u nħaddnu miegħi, iżda wiċċu mhux sabiħ wisq.
Lin-nannu niftakru jaħdem it-Tarzna. Fih raġel u mibrum. Dejjem b’libsa kannella rrigata rqiq. Fis-sala, fuq, f’rokna biswit il-bieb tal-gallarija għandu bagoll. Meta jiġi mix-xogħol u jitla’ fuq, niġri għal fuqu. Nagħtih bewsa u ngħidlu “benedizzjoni”. Iressaqni lejn il-bagoll. Jiftħu b’ċavetta li tkun fuqu u jagħtini ċikkulata kollha krema kulurita. Għandu kaxxa mimlija bihom. Ara kieku xi darba jħallihuli miftuħ! Għandu wkoll grossa sigaretti Consulate, li jpejjep hu.
Ftit ilu waqaf mix-xogħol u kera kamra ċkejkna bieb ma’ bieb mad-dar biex jagħmilha ħanut. Jien ngħinu ftit bl-arkett. Jgħajjat jekk ma naqtax mill-bogħod kif jgħidli hu, għax jibża li s-sega tinqasam u tiġi f’għajnejja. Ma damx ma lesta l-vetrini u s-saqaf bl-injam għat-tond. Ix-xogħol taż-żebgħa, it-tarġa u l-wiċċ tal-bank tal-irħam qed jagħmilhom il-papà. Il-ħanut qed jimtela b’ħafna ħelu u ġugarelli. Kamra minn ta’ fuq tad-dar għalaqhielu z-ziju Willie biex fiha jżomm il-ġugarelli.
Issa n-nannu Karm, flok jagħtini ċ-ċikkulata filgħaxija qed iħallini nagħżel jien filgħodu mill-ħanut. Meta filgħaxija jagħlaq il-ħanut, iġib il-flus miegħu id-dar. Wara l-ikel jitla’ fis-sala maz-ziju Willie. Fuq il-mejda tas-sala hemm żewġ sjuni sbieħ tal-ħġieġ. Jitfa’ l-flus fihom u joqogħdu jgħodduhom sittiet għalihom, soldi, tliet soldijiet, sixpenzijiet, xelini, żewġ xeliniet u tmintax irbiegħet. In-nofs lira għadha karta. Jien noqgħod narahom.
Meta niġi biex ninżel isfel, leħen in-nannu jogħla u jgħidli “ara ma taqax”. U jien nistaqsi lili nnifsi għaliex ma jgħidlix “ara taqa’”. Nhar ta’ Ġimgħa fit-tard, wara li jgħodd il-flus kollha, nieħu gost inwassal il-paga tiegħu lin-nanna. Noqgħod ngħoddhomlha. Erba’ liri u nofs.
Darbtejn f’ġimgħa jridni nlestilu friskatur tal-enamel bl-ilma bir-Radox. Xħin jasal mill-ħanut u jkun lesta l-għadd tal-flus, jinżel isfel u joqgħod bil-ħwejjeġ ta’ taħt. Dejjem bil-flanella. Sajf u xitwa. Jgħidli li fix-xitwa ssaħħan u fis-sajf tixrob l-għaraq. Kieku lili ddejjaqni fuqi. Il-friskatur nagħmilhulu taħt il-mejda u jqiegħed saqajh fih.
Għall-ikel ħadd ma jilgħablu lin-nannu. Għandu platt speċjali fil-kobor. Fond ħafna. Jekk l-ikel hu tal-imgħarfa jkun iridu mimli sax-xifer. Meta jkollu aptit ir-ravjul ikun irid lin-nanna tagħmilhom. Kull waħda daqs widna ta’ ħmar. U ma jixbax b’tużżana u nofs.
Ma’ kull ikla jniżżel flixkun inbid. Wara, jogħla fuq iż-żewġ saqajn ta’ quddiem tas-siġġu b’minkbejh fuq il-mejda u jibda jongħos. Ma’ ċertu ħin iqum biex jitla’ jorqod. Jekk tinzerta ġurnata li jkollu saqajh fl-ilma nixxuttahomlu. Jien norqod warajh, iżda fl-erbgħa tal-għada filgħodu, hu jkun ġa qam għall-gazzetti.
Mis-Sibt għall-Ħadd in-nannu jagħti day off lin-nanna. Isajjar hu. U mhux bi ksuhat. Kok mill-aqwa. Meta ngħid hekk lin-nanna, li wkoll għandha riċetti tajbin, tidher li tieħu xi ftit tal-fastidju. Iżda malajr jgħaddilha.
Man-nies, il-ħanut tan-nannu aktar hu magħruf bħala “tal-ġdid”, avolja l-ħanut jismu General Bazaar.
Awtur: Charles B. Spiteri