Toħroġ tixtri l-ħobż biex tiltaqa’ man-namrat

Charles B. Spiteri

altMinn Charles B. Spiteri

Ħamsa u ħamsin sena ilu n-namur ma kienx imħares b’lenti tajba min-nies tal-imgħoddi, tant li biex Helen kienet tiltaqa’ bil-ħarba għal ftit minuti ma’ Charles, kienet tirsisti biex tkun hi li tmur tixtri l-ħobż.

Charles Cassar hu l-kbir fost seba’ aħwa. Minn dejjem joqogħdu Birżebbuġa, waqt li Helen hi s-sitt tarbija mill-għaxra li kellha l-familja Berry. Għalkemm dejjem tiftakarha tgħix u toqgħod Birżebbuġa, tgħid li twieldet f’Birkirkara. Il-ġenituri tagħha kienu telgħu għall-festa tas-Salib, li tiġi ċċelebrata fit-3 ta’ Mejju, u twieldet hemmhekk. Tant hu hekk li tawha l-isem ta’ Helen.

Bid-dar, Charles u hi kienu joqogħdu qrib xulxin u l-ewwel darba li tefgħu għajnejhom fuq xulxin kien mill-knisja, peress li ta’ kuljum kienu jattendu għall-quddies. It-taħdit qasir tagħhom (jew taparsi namur) kien isir fit-triq qasira ferm li kien hemm bejn il-knisja u d-dar, u dan wara l-quddies, peress li dak iż-żmien l-irġiel kienu joqogħdu fuq naħa tal-knisja waqt li n-nisa n-naħa l-oħra. Dan kien meta Charles diġa’ kellu 18-il sena u Helen 17.

Il-ġenituri ma damux biex saru jafu bil-ġibda li kellhom uliedhom lejn xulxin u dan qaluhulhom huma stess.

“Taf tagħżilhom!”

Min-naħa tiegħu, Charles tarraf b’kollox lil ommu, u meta qalilha min kienet ix-xbejba, jiftakar li qaltlu “taf tagħżilhom!”

Imbagħad qalilha tagħti l-aħbar lil missieru u talabha tkellem lill-ħabiba tagħha, li kienet iz-zija ta’ Helen, ħalli tgħaddilu kelma tajba ma’ omm in-namrata tiegħu.

Omm Helen ma ħadithiex wisq bi kbira, peress li mid-dar kienu diġà ħarġu xi ulied oħra. Meta saru jafu bl-imħabba ta’ uliedhom, il-ġenituri tat-tnejn aċċettawha u tista’ tgħid li bdiet l-għerusija.

Fl-istess żmien, Charles kien diġa’ jaħdem it-Tarzna, iżda Helen kienet temmet l-iskola u baqgħet id-dar, għax missierha Ġużeppi kien raġel ta’ dixxiplina kbira u qatt ma ried li uliedu bniet, joħorġu jaħdmu. Kien jemmen li fid-dar tagħhom stess kien hemm biżżejjed xogħol xi jsir. U meta ommhom kienet tara li ma għandhiex xogħol xi tqabbadhom jagħmlu, sa kienet tagħtihom biċċa drapp u joqogħdu jselltuha. Dan biex dejjem ikollhom x’jagħmlu u ma jaqgħux la fl-għażż u lanqas fit-tentazzjoni – kif kienu jgħallmu tal-MUSEUM, fejn kienu jattendu kemm Charles kif ukoll Helen.

Helen issostni li llum temmen li missieha kien protettiv ħafna, u dan forsi għax f’Birżebbuġa kien hemm ħafna nies tas-Servizzi u seta’ beża’ minn dan l-aspett. Għar-rigward ta’ ommha taħseb li kienet influwenzata wkoll minn missierha, għax meta darba, Helen qaltilha li ma’ Charles xtaqet tattendi l-laqgħat ta’ Kana, weġbitha li hi qatt ma kienet marret korsijiet u xorta rabbiet u tellgħet familja kif kellu jkun.

Akkumpanjati

altCharles u Helen jirrakkuntaw li tul l-għerusija tagħhom, li ħadet xi sentejn, rari kienu joħorġu mid-dar. Ġieli fis-Sajf kienu jmorru għal xi passiġġata max-xatt, iżda kien ikollhom jieħdu lil ħuthom magħhom. Meta mbagħad xi darba kienu jitħajru jmorru jaraw film, kien jakkumpanjahom missier Helen u jsegwi l-film magħhom. Ommha kienet tibqa’ d-dar tindokra lil uliedha l-oħra.

Filgħaxijiet, qabel jibda jidlam, missier Helen kien jgħid lil Charles biex jaħseb u jinġabar. Dan kien sinjal bil-pulit biex Charles jitlaq ħalli l-familja ta’ Helen tkun tista’ tibda tgħid ir-Rużarju.

Matul l-għerusija, u l-aktar nhar ta’ Sibt, Charles kellu d-drawwa li lill-għarusa tiegħu jixtrilha l-ħelu, apparti milli kienet l-għaxqa tiegħu ukoll li kull tant żmien jixtrilha kemm ħwejjeġ kif ukoll xi ħajta deheb. Jirrakkonta li darba, tal-ħanut kienet staqsietu hux tassew li kien daħal għarus, u meta qalilha li hekk kien, hi tatu xi ħelu żejjed, bla ħlas.

Għall-għerusija proprja, Charles u Helen xtraw iċ-ċrieket lil xulxin u ħaduhom il-knisja biex iberkuhom. Wara kellhom festin ċkejken bejn il-familjari.

Diffikultà fil-kiri

Charles jgħid li damu erba’ snin b’kollox, bejn namrati u għarajjes u dan għax ma setgħux isibu fejn imorru joqogħdu. Dak iż-żmien kien diffiċli ferm li koppja ssib tikri u jiftakru li marru jfittxu minn Raħal Ġdid sal-Isla u baqgħu neżlin anki Bormla. Fl-aħħar, meta kważi qatgħu qalbhom, sabu u aċċettaw li jikru kamra man-nies, fit-tielet sular, f’Bormla. Il-ferħ f’qalb l-għarajjes għall-fatt li sabu fejn joqogħdu, malajr tbiel wara li żżewġu u marru joqogħdu f’din il-kamra, għax f’dak l-ambjent Helen ma setgħetx tidra. Iżda malajr ħarġu minn hemm u sabu fejn jikru, Birżebbuġa stess. Kemm Helen kif ukoll żewġha huma tal-fehma li biex sabu kellhom l-għajnuna divina.

Għat-tieġ, Helen ingħatat id-dota kif kienet id-drawwa li tingħata lix-xebbiet kollha, l-aktar dawk li jkunu baqgħu d-dar. Charles jgħid li bħala rigal tat-tieġ, missieru kien tah xi flus biex jibdew bihom.

Il-Ħadd filgħodu tad-19 ta’ Ottubru, 1958, fil-Parroċċa San Pietru, Birżebbuġa, Charles u Helen taw il-kunsens taż-żwieġ tagħhom. Charles kellu 24 sena u Helen, 23. Żewwiġhom il-Kappillan Dun Ġużepp Minuti. Mill-knisja marru għand Agius tar-ritratti, li ġibdilhom ritratt tagħhom it-tnejn u ieħor max-xhieda u l-bridesmaids. Wara marru għar-riċeviment fl-Aussie Hall, Bir id-Deheb, fejn laqgħathom il-mużika ta’ banda minn Ħal Għaxaq.

Iżda Helen tirrakkonta li dakinhar tat-tieġ tagħha, numru ta’ zijiet, kuġini u familjari ma attendewx, u dan peress li fl-istess ġimgħa, apparti milli kien miet il-Papa, mititilha wkoll waħda miz-zijiet. Minħabba l-mewt tal-Papa, il-knisja, li kienet armata bl-iswed, kellha taqla’ d-drappijiet u t-tubru u tarma għaż-żwieġ tagħhom.

Tilfu l-quddiesa

Wara t-tieġ kienu marru għal qamar il-għasel, San Pawl il-Baħar, fil-Lukanda West End. L-għada filgħodu qamu bħas-soltu biex imorru għall-quddiesa fil-parroċċa tal-lokal, iżda meta niżlu isfel sabu li kienu msakkrin fil-lukanda. Aktarx li filgħaxija, is-sid tal-lukanda għalaq u telaq lejn id-dar. Lilhom ħalliehom fiż-żgur! Bi tbissima, Charles u Helen jgħidu li huma tal-fehma li dakinhar, huma biss kienu alloġġjati fil-lukanda. B’hekk tilfu l-quddiesa.

Għar-rigward tad-dixxiplina u l-valuri fit-tfal ta’ llum il-koppja Cassar temmen li naqsu. Iżda ma jistgħux jagħtu r-raġuni għal dan, għax huma jemmnu li l-ġenituri jgħadduhom kollha lil uliedhom u dawn, min-naħa tagħhom, jgħadduhom ukoll f’uliedhom. Jaħsbu iżda li t-tibdil beda jseħħ minħabba l-peer pressure. Kulħadd jipprova jikkopja u jimxi bħal ħaddieħor.

Jemmnu wkoll li llum, bil-ħtieġa li ħafna ommijiet joħorġu jaħdmu, qed jonqos għal kollox id-djalogu meħtieġ bejn il-ġenituri u t-tfal u viċi versa.

Tibdil fid-drawwiet

Charles u Helen jammettu wkoll li d-dinja tagħhom tbiddlet. Id-drawwiet u l-użani ta’ żmienhom ma jistgħux jibqgħu moda fiż-żminijiet ta’ issa. Madankollu ma tantx jifhmu kif il-maġġoranza taż-żgħażagħ tfittex li tiddeverti matul is-sigħat li suppost huma disinjati għall-irqad. Jiġifieri jaqblu li kulħadd għandu jkollu l-ħin għad-divertiment tiegħu – ħaġa li huma ma kellhomx fi żmienhom – iżda ċerta dixxiplina fil-ħin tar-ritorn u fil-kastita’ tax-xebbiet għandha tkun ukoll. Meta lil dak li jkun tħallilu r-riedni f’idejh, jispiċċa jagħmel li jrid, u ħafna mill-problemi moderni li qed naraw madwarna, bħal droga, separazzjonijiet, tqala qabel iż-żmien u tluq mid-dar tal-ġenituri, qegħdin iseħħu, kemm minħabba n-nuqqas tad-dixxiplina, kif ukoll minħabba n-nuqqas tal-preżenza ta’ Alla fil-bniedem.

Mistoqsijin jgħidu x’jaħsbu li kienet ir-riċetta għal aktar minn 50 sena żwieġ hieni u magħqud, il-koppja Cassar qalet li dan kollu jiddependi fuq kemm jgħinu lil xulxin f’kull aspett u meta jkun riesaq xi sħab ta’ maltemp, jiftakru fl-hena ta’ dak il-jum li rabathom flimkien. Jistqarru wkoll li sa llum huma baqgħu jattendu fl-għaqdiet tal-knisja. Helen tkompli li ilha 30 sena fl-Assistenza Soċjali tal-Azzjoni Kattolika u minn dawn l-għaqdiet, baqgħu jitgħallmu.

altF’għeluq il-50 sena żwieġ, it-tfal organizzawlhom sorpriża. Ħaduhom fil-kappella Santa Marija f’Ħal Għargħur, fejn sabu lill-familjari u ħbieb jistennewhom. Hemm tqaddsitilhom quddiesa ta’ radd il-ħajr minn ħuha, Dun Ġużepp Berry u wara ttieħdu lkoll fil-Lukanda Radisson fejn kellhom ikla. Iżda dak jidher li ma kienx biżżejjed, għax Charles u Helen qatgħu l-biljetti għal uliedhom u ulied uliedhom u f’Awissu ħaduhom magħhom Lourdes bħala ringrazzjament lill-Madonna għall-50 sena żwieġ tagħhom. Kienu 14-il ruħ.