Bilqiegħda f’għar, dan ir-raġel mil-Lvant tal-Ewropa, hu wieħed mill-bosta li qed jiġġiegħlu jmorru taħt l-art biex isibu kenn.
L-Estonjan, jidher fl-għerien qrib Stockport, fejn numru ieħor ta’ nies kienu rappurtati li marru joqogħdu, u ħallew warajhom ħerba bil-ħmieġ u l-affarijiet li ħadu, biex ikunu jistgħu jorqdu.
Fl-għar, jorqdu sa erbgħa min-nies kull darba. Hu għar sigriet, mifrux fuq preċipizzju ta’ 20 pied, fuq ix-Xmara Mersey.
Il-qagħda ta’ rġiel u nisa li qed ifittxu kenn fl-għerien, bħal dan fi Stockport, qed jinkwieta lill-pubbliku, peress li ċ-ċifri juru li n-nies bla dar qed ikomplu jiżdiedu minħabba l-qagħda ekonomika ħażina fil-pajjiż. Tul il-pajjiż, dawn l-istess nies bla saqaf fuq rashom żdied b’sitta fil-mija fl-aħħar sena u qabeż l-34 fil-mija meta mqabbel ma’ tliet snin ilu.
F’xi nħawi, il-formazzjonjijiet tal-għerien jipprovdu kenn li hu żgur u xott – u għalhekk iħajjar lil dak li jkun imur jgħix f’kundizzjonijiet xejn umani għaż-żminijiet tal-lum. Jonathan Billings, maniġer ta’ organizzazzjoni karitattiva qal li numru ta’ nies li qed ifittxu appoġġ, fosthom l-immigranti mil-Lvant tal-Ewropa, aktar minn irdoppja fl-aħħar tliet snin.
Ħafna minn dawk li qed ifittxu l-għajnuna huma nies mill-klassi medja, li tilfu x-xogħol tagħhom u tħallew mingħajr ebda dħul finanzjarju. Hu żied jgħid li meta nies hekk jitilfu x-xogħol, tant jistħu li jmorru jfittxu postijiet perikolużi biex joqogħdu fihom. Żied li jaf b’nies li spiċċaw waqgħu fix-xmara waqt li kienu reqdin, waqt li kien hemm oħrajn li mietu maħruqa, wara li xi tfal niżlu ħdejhom u taw in-nar lill-friex tagħhom.