
Ħeqq, sewwa jgħid il-Malti, li ‘fid-dinja kulħadd jista’ jiżbalja’, u hekk ġrali jien. Dan għaliex wara li bdejt nitpaxxa b’dak li rnexxieli nippubblika, u nara l-impatt li dawn il-kotba ħallew fuq dawk li qrawhom, xorta għadni, minn żmien għal ieħor, insib xi kelma jew oħra ’l hawn u ’l hinn li jien s’issa ma kontx naf biha. Kultant kelma niltaqa’ magħha jiena u naqra xi ktieb antik, kultant meta nkun qiegħed nitkellem ma’ xi ħadd u dan isemmili xi kelma li kienet tingħad u li jien qatt ma bsart li teżisti.
Imbagħad kien hemm min ikkuntrarjani dwar dak li jien spjegajt u pprova jikkonvinċini li l-kelma kif spjegajtha jien mhux biss tfisser hekk imma tista’ wkoll ikollha tifsiriet oħra. Ħa ngħidu kollox, ġieli kellhom raġun. L-Ingliżi jgħidu, ‘Never say never again.’ U jien ser ikolli nobdi dan il-qawl Ingliż, anki jekk il-kotba ma ktibthomx bl-Ingliż, ħeqq!
Nittama li dak li se taqraw hawn jagħmel sens ta’ kontinwazzjoni ma’ dak li diġà deher u allura nqara minn bosta. Dan qiegħed ngħidu biex il-kliem ikun sew.
Martin Morana
Jannar 2016