Il-kamra tal-ġugarelli

altFuq, fid-dar tan-nanna għandna tliet kmamar tas-sodda. Bejn it-tnejn il-kbar hemm kamra maqsuma b’ħajt b’mod li f’dik tan-nofs qisu hemm żewġ kmamar. Il-waħda mal-passaġġ nużawha bħala kamra b’sodda waħda, taz-zija Connie u nofs l-ieħor ta’wara l-ħajt, hi kamra għal bank tal-għodda taz-ziju Willie. Fis-saqaf hemm tamboġġgħad-dawl minn fuq il-bejt u tieqa tal-injam bil-ħġieġf’kull kamra tas-sodda l-kbar.

Fiha hemm ukoll skrun ta’ajruplan, magħmul minn injam kannella. In-nannu jgħidli li dak għamlu hu bħala eżami biex daħal jaħdem it-Tarzna. Hemm ukoll bħal ġebla kbira li ddur b’pedala tas-saqajn. Iz-ziju Willie dejjem jgħidli li dik hi mola u fuqha jsinnu l-għodda.

Kemm ilu li n-nannu fetaħ il-ħanut, din il-kamra qed niżbarazzawha. Iz-ziju Willie qed jimla l-ħitan bi xkaffar wiesa’. Fuqhom qed jistiva ħafna kaxxi. Iz-zija Connie ssemmili li dawk il-kaxxi fihom il-ġugarelli. Qed jixtrihom in-nannu biex ikollu xi jbigħ fil-ħanut. U ġeneralment, l-affarijiet li jixtri, jtellagħhom fuq, f’din il-kamra, qabel ma nasal lura jien mill-iskola. Allura ninsab sajjem għal kollox dwar x’qed ikun hemm fil-kamra.

Nhar ta’Sibt, meta z-ziju Willie ma jkollux xogħol, ma jixtiqnix ħdejh sakemm jistiva l-kaxxi, għax qajla fadal fejn induru. Jien, l-aktar li nieħu gost nidħol hemm biex nara x’ġugarelli hemm, iżda meta jlesti l-istivar, iz-ziju Willie, jagħlaq il-bieb b’muftieħ.

In-nannu, biex żgur ma noqgħodx nixxennaq għall-oġġetti żebagħ il-ħġieġ minn ġewwa bil-pipely,  li soltu z-zija Connie tużali biex bih tnaddafli s-slippers abjad tal-iskola. Madankollu t-twieqi jistgħu jinfetħu xorta waħda mill-kmamar tas-sodda.

Bħalissa qed naqra ktieb milli għandi bl-isem ta’Classics. L-awtur tiegħu hu  Robert Louis Stevenson. Jismu Treasure Island. Fija qed inħoss li jien Jim Hawkins tal-istorja li qed naqra u li l-gżira tat-teżor li jsemmi m’hi mkien u xejn  ħlief il-kamra tal-ġugarelli li hawn maġenbi, f’din id-dar!

Jien ftit imqareb u m’ilux, kif rajt li fis-sular ta’fuq m’hawn ħadd, tani li niftaħ tieqa. Għalaqtha malajr biex ma ninqabadx, iżda qabel, braxt ftit pipely kemm inkun nista’nittawwal ġewwa minn fuq is-sodda taz-ziju Dward.

Il-istrina, kemm għandu xorti n-nannu! Karozzi żgħar tal-ħadid tal-marka DinkyRevolvers  bil-pouch u arma tax-xeriff fuq kartuna sabiħa b’cowboy juża revolver  bħal dak fuq il-kartuna. Xkubetti twal daqsi, iżda tal-logħob. Żugragi kull lewn. Kaxxi tal-lapsijiet tal-iskola. Puschairs tat-tfal bniet. Pupi. Figorini. Semmi u hawn kollox. Moħħi jaħseb kif se nagħmel biex nistaħba f’dik il-kamra bla ma jarani ħadd u noqgħod inqalleb u ngerfex.

Iz-ziju Willie mhux jinduna li qed nistaħba biex nara fejn jagħmel il-muftieħ. Qbadtu. Iqiegħdu fuq wara nett fil-kexxun ta’fuq tal-gradenza bil-wiċċ tal-irħam, maġenb il-kexxun li għandu z-ziju Alfred biex fih iqiegħed l-affarijiet li ta’kull filgħodu juża għall-leħja.

Illum is-Sibt. In-nanna qed tħit fil-kamra tal-gallarija. Iz-zija Connie taħsel isfel u z-zijiet l-oħra ħarġu mid-dar. Bil-mod il-mod, inqum mis-sodda, nieħu l-muftieħ u niftaħ dik il-kamra, arka tat-tfal tampari. Guġarelli mill-art sas-saqaf. M’għandix sabar li niftaħ il-kaxxi bil-mod. Xi tnejn jew tlieta qattajthom bil-għaġġa. Fihom boċċi tal-ħġieġ u żibeġ tal-bniet. Għal ftit ma bdewx jitgerrbu fl-art. F’idejja qbadt ħafna logħob ieħor. Inħares lejh, niggustah u nerġa’nqiegħdu f’postu. Jekk nieħu minnhom ninqabad żgur, ħax fid-dar jidhru.

Erġajt għalaqt u ħbejt il-muftieħ fejn kien. Meta ġie z-ziju Willie u daħal fil-kamra, induna li kont dħaltlu. Għalxejn ippruvajt immerih, għax urieni l-kaxxi mqattgħin. Qalli biex darb’oħra flok inqatta’, nara mnejn tinfetaħ il-kaxxa u niftaħ bil-galbu. Qisu tani l-permess biex nerġa’nidħol. Lanqas il-muftieħ ma neħħa mill-post tas-soltu!