Il-mamà u l-papà ferħu bil-bosta meta rċivew l-istedina għall-ikel mingħand Lucy u Joe. Kienu ilhom ħbieb magħhom mindu kienu għarajjes, imma dan l-aħħar kienu ilhom ħafna ma jiltaqgħu. Din kellha tkun okkażjoni sabiħa li terġa’ tlaqqagħhom flimkien.
L-istedina kienet bit-tfal, iżda Elise u Luca ma setgħux imorru magħhom għax kienu dabbru riħ qawwi li xeħithom fis-sodda għal xi jiem. Il-mamà u l-papà qatgħuha li jieħdu magħhom biss lil Peter. Meta wasal is-Sibt filgħaxija, il-mamà libbsitu kemxejn kmieni lil Peter, u wara niżel isfel u qagħad jara t-televixin sakemm isir il-ħin. Il-mamà u l-papà ma damux jintilfu wisq fuq, u mas-sebgħa u nofs kienu lesti biex joħorġu. Xi kwarta wara, waslu n-nanna Marija u n-nannu Ġużi biex joqogħdu ma’ Luca u m’Elise, u l-mama`, il-papàu Peter telqu `l barra minnufih.
Fit-tmienja preċiż, waslu għand ħbiebhom Ta’ Xbiex, li tawhom merħba liema bħalha. Id-dar tagħhom kienet żgħira u ftit antika, imma qalbhom kienet kbira. Lucy ġabitilhom tazza nbid ħamra mill-flixkun favorit tagħhom lill-mamà u lill-papà u Joe mar fil-kċina, li minnha ħareġ bit-tray tal-barquettes u l-galletti bid-dips tat-tonn taż-żejt u tas-salamun. Peter qagħad bi kwietu jixrob tazza luminata friska, filwaqt li l-kbar naqqru xi ħaġa u nfexxew jitkellmu dwar x’kien għadda mingħalihom f’kemm kien ilhom ma jaraw lil xulxin. Id-diskursata ma kinitx tieqaf li kieku Joe ma ħarisx lejn l-arloġġ u ra li kienu diġa` saru kważi d-disgħa ta’ billejl.
Malli kulħadd ħalla s-salott, u daħal fil-kamra tal-pranzu, Lucy u Joe servew is-soppa tal-ħaxix bil-croutons fil-wiċċ u ngħadet it-talba ta’ qabel l-ikel. Kif daq is-soppa, Peter qarras wiċċu u beda jgerger li l-ikel kien ħażin. Il-mamà u l-papà nkisru u qalulu biex ineħħi l-croutons mis-soppa għax forsi ma kinux jogħġbuh billi kienu xi ftit ibsin. Hu hekk għamel, iżda xorta waħda ma setax iniżżilha. Tefa’ l-platt `l hemm u rabba n-nervi. Il-mamà u l-papà tawh ħarsa kerha, iżda Lucy bil-kalma kollha staqsietu x’ikel kien jiggosta minflok is-soppa. It-tifel weġibha li xtaq jiekol bajda u ftit patata moqlija.
Wara ftit tal-ħin, għajnejn Peter xegħlu għax quddiemu kellu platt daqsiex imżewwaq bl-ikel li kien iħobb. Iżda, b’għaġeb kbir reġa’ ma riedx jiekol minħabba li l-bajda kienet bla togħma u l-patata moqlija kienet mielħa ħafna. Il-papà ma felaħx jissaportih aktar, u qam minn fuq is-siġġu u beda jgħajjat miegħu talli kien qed iwaqqgħalhom wiċċhom l-art lilu u lill-mamà quddiem ħbiebhom. Lucy u Joe għamlu tabirruħhom li ma ħadux għalihom u qalu lill-papà biex jikkalma u jerġa’ jpoġġi bilqiegħda. Lucy reġgħet resqet lejn Peter, qabditlu wiċċu u bil-ħlewwa kollha qaltlu li kienet se tagħtih biċċa ċikkulata bnina, li żgur li qatt ma kien kiel bħalha. It-tifel tbissem, però l-ferħ tiegħu malajr għeb hekk kif ħa l-ewwel gidma. Iċ-ċikkulata tegħemha morra għax kienet mill-iskura. Peter ma ridhiex u beda jgħajjat li kienet skaduta. Lucy ma kellhiex ċikkulata bajda milli kien imdorri jiekol hu, u li kellha togħma iktar ħelwa. Għalhekk, baqa’ b’xiber imnieħer.
It-tmaqdir ta’ Peter waqaf hemm għax il-mamà u l-papà ma ħallewh iduq xejn iżjed. Lucy u Joe qatgħu qalbhom x’jaqbdu joffrulu aktar billi l-ħin kollu kien igorr. Peter ma ħax gost li kien baqa’ bil-ġuħ. Il-mamà u l-papà kien tassew iddispjaċiehom li ma ġabx ruħu sew quddiem ħbiebhom. Ħalfu li din kienet l-ewwel u l-aħħar darba li ħaduh magħhom għand xi ħadd daqskemm kien ġegħelhom jistħu. Fil-verità, Peter kien ta’ żaqqu fommu u dak li jħoss kien jgħidu bla tlaqliq quddiem kulħadd. Fil-fatt kellu raġun għax l-ikel ma kienx daqshekk tajjeb, iżda l-mamà u l-papà kiluh ta’ bilfors biex Lucy u Joe ma jiħdux fastidju u jiksruha magħhom.